Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Biodiversità: Il-Kummissjoni tfittex opinjonijiet dwar għażliet għall-ġejjieni għall-politika tal-biodiversità tal-UE

European Commission - IP/10/1096   07/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1096

Brussell, is-7 ta' Settembru 2010

Il-Biodiversità: Il-Kummissjoni tfittex opinjonijiet dwar għażliet għall-ġejjieni għall-politika tal-biodiversità tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni bbażata fuq l-internet biex tiġbor kummenti minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati dwar għażliet għall-politika dwar l-istrateġija tal-biodiversità għall-Unjoni Ewropea għal wara l-2010. Huma mfittxa opinjonijiet minn ċittadini, partijiet interessati, amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u s-soċjetà ċivili, dwar kwistjonijiet li jinkludu n-nuqqasijiet tal-politika tal-biodiversità eżistenti, flimkien mal-approċċ il-ġdid li l-Kummissjoni qed tipproponi, il-biedja u l-biodiversità, l-ekonomija tal-biodiversità, u l-governanza tal-biodiversità kemm fl-UE u kif ukoll 'l barra minnha. L-istrateġija l-ġdida li qed tiġi żviluppata se tiġi mfassla fuq ir-riżultati. Il-konsultazzjoni se tibqa' sejra sat-22 ta' Ottibru 2010.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “L-Ewropej jaqblu dwar il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex nissieltu t-telf tal-biodiversità. Ninkoraġġixxi li kull minn hu kkonċernat dwar din il-kwistjoni vitali biex jikkontribwixxi u biex jgħin fit-tfassil tal-politika tagħna għal suġġett tant importanti."

Fokus ġdid biex nissieltu t-telf tal-biodiversità

F'Marzu 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel fuq viżjoni għal wara l-2010 u fuq mira ġdida ambizzjuża għall-2020 għal biodiversità biex tieħu post il-mira tal-2010 li se tiskadi. Il-mira l-ġdida għandha l-għan li "twaqqaf it-telf tal-biodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020, li treġġagħhom lura għal li kienu sakemm hu vijabbli, waqt li żżid il-kontribuzzjoni tal-UE biex tippervjeni t-telf globali tal-biodiversità".

Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija uffiċjali li tiffoka fuq sett limitat ta' miri sekondarji li jitkejlu għal ekosistemi differenti, dawk li l-iktar jikkawżaw telf tal-biodiversità, u miżuri ta' aġir.

Dan l-istħarriġ huwa intenzjonat li jiġbor opinjonijiet dwar l-għażliet differenti ta' politika disponibbli sabiex l-istrateġija l-ġdida tiġi mfassla skonthom, u dwar il-passi li jridu jittieħdu biex jiġi żgurat li l-istrateġija tilħaq ir-riżultati mixtieqa. L-istħarriġ jistaqsi wkoll, b'mod partikolari, dwar l-oqsma fejn il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE titqies li mhiex adekwata jew li teħtieġ li tissaħħaħ, u dwar l-għażliet għat-titjib tal-integrazzjoni tal-politika dwar il-biodiversità ma' oqsma oħrajn.

Sfond

Bosta rapporti awtoritattivi jikkonfermaw li l-biodiversità globali tibqa' taħt minaċċi kbar, b'telf li jsir b'100 sa 1000 darba tar-rata normali. Aktar minn terz tal-ispeċijiet ivvalutati huma f'periklu ta' estinzjoni, u huwa stmat li 60% tal-ekosistemi tad-Dinja ddegradaw fl-aħħar 50 sena. Fl-2001, l-UE stipulat hi stess il-mira li twaqqaf it-telf tal-biodiversità fl-UE sal-2010. Sussegwentement żdidu l-isforzi biex jiġi indirizzat it-telf tal-biodiversità, u fl-2006 ġie adottat Pjan ta' Azzjoni għal Biodiversità tal-UE (BAP) mill-Kummissjoni biex jaċċellera l-progress. Minkejja l-isforzi li saru sa issa, madankollu, hemm indikazzjonijiet ċari li l-UE ma laħqitx il-mira tagħha. Għalhekk jeħtieġ approċċ ġdid.

Aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni tista' ssir fuq is-sit tal-internet

http://ec.europa.eu/environment/consultations/biodecline.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website