Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1095

Brussell, 7 ta' Settembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea organizzat l-ewwel laqgħa roundtable dwar il-liġi kuntrattwali ma' gruppi ta' rappreżentanti tan-negozju u tal-konsumaturi

Illum il-Kummissjoni Ewropea organizzat l-ewwel laqgħa ta' gruppi ta' rappreżentanti tan-negozju, tal-konsumaturi u tal-qasam legali biex tiddiskuti l-liġi kuntrattwali Ewropea. Bħalissa, il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti jwasslu għal spejjeż ta' tranżazzjoni ogħla għan-negozji. Il-kumpaniji – b'mod partikolari n-negozji ż-żgħar – ma jistgħux jisfruttaw ekonomiji ta' skala fis-Suq Uniku tal-UE. Il-konsumaturi jsofru minħabba li hemm inqas bejgħ transkonfinali ta' oġġetti, li jwassal għal inqas għażla u prezzijiet ogħla. Il-progress lejn il-liġi kuntrattwali Ewropea jista' jgħin biex jiġu riżolti dawn il-problemi. Il-Kummissjoni qed tfittex biex tibni kunsens fost il-partijiet interessati ewlenin dwar l-aħjar direzzjoni fil-liġi kuntrattwali Ewropea. Hija trid tiżgura li l-proposti li qed jiġu abbozzati minn grupp ta' esperti tal-liġi kuntrattwali (IP/10/595) jissodisfaw il-ħtiġijiet kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Fl-1 ta' Lulju, il-Kummissjoni pproponiet għażliet għal-liġi kuntrattwali Ewropea f'dokument ta' politika strateġika politika u fetħet konsultazzjoni pubblika (IP/10/872).

"Il-Kummissjoni Ewropea trid tgħin lill-konsumaturi u n-negozji jisfruttaw b'mod sħiħ is-Suq Uniku. Għalhekk l-opinjonijiet tagħhom huma importanti ferm jekk irridu nsibu soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali. In-negozji ż-żgħar spiss jitilfu n-negozju minħabba spejjeż ta' tranżazzjoni ogħla li jwaqqfuhom milli jespandu fi swieq ġodda. Il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-liġi kuntrattwali, li sabet appoġġ qawwi fil-Parlament Ewropew, hija għalhekk pass importanti lejn il-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda għan-negozji u biex 500 miljun konsumatur ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-Suq Uniku tagħna," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Il-kontribuzzjoni mill-gruppi ta' konsumaturi u negozji, b'mod partikolari l-SMEs, hija ta' importanza ewlenija għall-Kummissjoni. Irridu niżguraw li jiġu sodisfatti l-aspettativi tal-konsumaturi, l-impriżi u l-prattikanti legali. Il-laqgħa tal-lum turi li se nkunu qed nisimgħu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej matul kull pass lejn is-soluzzjonijiet futuri tal-liġi kuntrattwali Ewropea."

Grupp ta' esperti legali ilhom jiltaqgħu minn Mejju biex iħejju liġi kuntrattwali Ewropea tentattiva. Il-partijiet interessati ewlenin fl-Ewropa kollha li se jkunu assoċjati mill-qrib fil-ħidma ta' dan il-grupp iltaqgħu llum għall-ewwel darba. Fost dawk prezenti:

  • BusinessEurope, EuroCommerce, Eurochambres, l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Snajja, l-Intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju jew UEAPME u l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ;

  • BEUC, l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Konsumaturi;

  • Assoċjazzjonijiet ta' avukati bħall-Council of Bars u l-Law Societies of Europe u l-Council of the Notariats of the European Union.

Il-grupp se jiltaqa' darba fix-xahar biex isegwi l-ħidma tal-grupp ta' esperti u biex jiżgura li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-problemi prattiċi tan-negozji fil-kummerċ transkonfinali u l-interessi tal-konsumaturi.

Sfond

Fis-26 ta' April 2010, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti biex jesploraw il-fattibbiltà li jiġi żviluppat strument fakultattiv li jappoġġja l-kuntratti transkonfinali.

Id-diverġenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jfixklu s-Suq Uniku. In-negozji li jridu jespandu fi Stati Membri oħra tal-UE jiffaċċjaw spejjeż ta' tranżazzjoni għolja. B'żieda ma' dan, l-għażliet tal-konsumaturi huma limitati u l-prezzijiet jibqgħu għoljin. B'riżultat ta' dan, l-UE mhijiex qed taħsad il-potenzjal sħiħ tal-kummerċ onlajn. Minn kważi 11 000 test transkonfinali, 61% tal-ordinijiet tal-kummerċ elettroniku ma twettqux – fost raġunijiet oħrajn – minħabba li l-kummerċjanti rrifjutaw li jservu l-pajjiż tal-konsumatur.

Fl-1 ta' Lulju, il-Kummissjoni adottat dokument ta' politika strateġika, li ppreżentat seba' għażliet. Waħda mis-soluzzjonijiet issuġġeriti hija liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva. Konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sal-31 ta' Jannar 2011.

Taħt l-istrateġija Ewropa 2020 - imnedija mill-President José Barroso fit-3 ta' Marzu (IP/10/225) – il-Kummissjoni qed tindirizza l-ostakli fis-Suq Uniku biex tmexxi l-irkupru ekonomiku. Dan jinkludi progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva. Il-ħolqien ta' strument ta' dan it-tip huwa wieħed mill-azzjonijiet ewlenin fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni, li tnediet fid-19 ta' Mejju.

Il-Parlament Ewropew appoġġja l-idea ta' liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva f'riżoluzzjoni tal-25 ta' Novembru 2009. Fir-rapport tiegħu dwar is-Suq Uniku tad-9 ta' Mejju, l-Eks Kummissarju għas-Suq Intern u l-Kompetizzjoni Mario Monti identifika l-vantaġġi tat-"28 sistema" fakultattiva għall-konsumaturi u n-negozji.

Fil-21 ta' Mejju, il-Kummissjoni laqqgħet grupp ta' esperti biex ibiddlu l-ewwel abbozz ta' liġi kuntrattwali Ewropea żviluppat taħt il-Programm ta' Riċerka tal-UE f'soluzzjoni iktar faċli għall-użu adattata għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi u n-negozji (IP/10/595). Il-grupp, iffurmat minn esperti legali mill-Ewropa kollha, bħalissa qed jiltaqa' darba fix-xahar fi Brussell.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-websajt tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website