Navigation path

Left navigation

Additional tools

Riċerka fil-qasam tal-ICT: preservazzjoni tad-dejta diġitali tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet tal-futur

European Commission - IP/10/1094   07/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1094

Brussell, is-7 ta’ Settembru 2010

Riċerka fil-qasam tal-ICT: preservazzjoni tad-dejta diġitali tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet tal-futur

L-għodod żviluppati bl-użu tal-fondi tal-UE biex jiġi żgurat li d-dejta maħżuna b'mod diġitali tkun tista' tiġi ppreservata, ikun hemm aċċess għaliha u tiġi mifhuma għall-futur indefinit issa huma disponibbli fil-forma ta' softwer open source. Il-programm ta' riċerka tal-UE, CASPAR (għarfien kulturali, artistiku u xjentifiku għall-preservazzjoni, l-aċċess u s-sejbien mill-ġdid), involva riċerkaturi mir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, Iżrael, l-Italja u r-Renju Unit. Dan ix-xogħol jikkumplimenta inizjattivi bħall-Europeana, il-librerija diġitali Ewropea (ara MEMO/10/166). L-UE kkontribwixxiet EUR 8.8 miljun mill-ispiża totali tal-proġett ta' EUR 15-il miljun taħt il-programm għall-finanzjament tar-riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (Is-Sitt Programm Qafas 2001-2006). S'issa hemm volumi kbar ta' dejta elettronika bħal rekords uffiċjali, arkivji tal-mużewijiet u riżultati xjentifiċi li ma jistgħux jinqraw jew li jinsabu f'riskju li jintilfu minħabba li t-teknoloġiji ġodda ma jistgħux jaqrawhom jew jippermettu lill-utenti attwali jifhmuhom. L-applikazzjoni tar-riċerka tal-ICT biex iċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa jibbenefikaw hija element ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2010 (ara IP/10/581, MEMO/10/199 and MEMO/10/200).

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni, il-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "L-informazzjoni diġitali hija estremament vulnerabbli u wkoll estremament ta' valur. Kull min tilef l-aċċess għar-ritratti tal-familja jew għal dokumenti antiki jaf kemm tkun frustrat meta taħdem b'teknoloġiji li mhumiex kompatibbli. Ninsab eċitata ħafna bil-potenzjal tal-għodod u t-tekniki ta' CASPAR biex tkun żgurata kwalità sostenbbli tad-dejta ta' valur u aċċess għal din id-dejta fil-futur."

It-teknoloġija diġitali għamlet rivoluzzjoni fil-mod kif aħna nittrattaw l-għarfien u l-informazzjoni, speċjalment fl-oqsma xjentifiċi bħall-astronomija jew il-klimatoloġija li jistrieħu fuq l-analiżi kwantitattiva ta' settijiet ta' dejta kbar fuq perjodu twil ta' żmien. Pereżempju, issa ġiet irrekordjata evidenza tal-influwenza tal-attivitajiet tal-bniedem fuq it-tisħin globali għal diversi għexieren ta' snin. Minkejja l-evoluzzjoni ta' teknoloġiji li jirrekordjaw id-dejta, mill-"punch cards" u t-tejp manjetiku għall-"cloud computing" fuq servers enormi, l-abbiltà tal-aċċess u l-fehim tal-informazzjoni fil-futur f'pajsaġġ ta' teknoloġiji li qed jevolvu tibqa' kruċjali għall-progress xjentifiku.

Ammonti kbar ta' informazzjoni differenti ħafna qed jiġu trażmessi b'mod diġital . Xi tipi ta' dejta huma bħal dokumenti, pereżempju l-libreriji jippreservaw dokument stampat fuq xkaffa u fil-futur, in-nies li joħduh minn fuq l-ixkaffa jkunu jistgħu jaqrawh. L-ekwivalenza diġitali tfisser li fil-futur se nkunu kapaċi naqbdu l-fajl tal-"word processor" u nistampawh. Madankollu, il-kumplament tad-dinja diġitali mhijiex hekk. Pereżempju, il-fatt li nistgħu sempliċiment nistampaw in-numri li joħorġu mis-satelliti li josservaw id-dinja mhuwiex biżżejjed – in-nies se jkunu jistgħu jaqraw in-numri iżda dawn mhux se jkunu jinftiehmu.

CASPAR jindirizza firxa wiesgħa ħafna ta' kwistjonijiet li jduru mal-preservazzjoni tat-tipi kollha ta' informazzjoni trażmessa b'mod diġitali u kif din tista' tintuża fil-futur. Din tista' tiddeskrivi d-dejta biżżejjed biex fil-futur in-numri jkunu jistgħu jiġu estratti – l-ekwivalenza tkun li jkunu jistgħu jiġu stampati. Iżda CASPAR jiżgura wkoll li n-numri, u r-relazzjonijiet bejniethom, jistgħu jinftiehmu u jkun faċli jintużaw fi kwalunkwe softwer, u għal kwalunkwe riċerka li x-xjentisti jkunu jixtiequ fil-futur.

Dawn il-metodi ġew ittestjati b'suċċess b'tipi differenti ta' dejta mix-xjenza, mill-wirt kulturali u mill-arti kontemporanja.

Is-softwer open source ta' CASPAR huwa disponibbli biex jitniżżel bla ħlas u għal iktar żvilupp fl-applikazzjonijiet kummerċjali.

Għal iktar dettalji dwar il-proġett CASPAR, ara:

http://www.casparpreserves.eu/

CASPAR jista' jitniżżel minn:

http://sourceforge.net/projects/digitalpreserve/files/

Iktar stejjer ta' suċċess dwar ir-riċerka fil-qasam tal-ICT iffinanzjati mill-UE se jkunu ppreżentati waqt l-ikbar avveniment Ewropew dwar ir-riċerka fil-qasam tal-ICT li se jsir fi Brussell mis-27 sad-29 ta' Settembru 2010. Il-ġurnalisti jistgħu jattendu mingħajr ħlas wara li jirreġistraw fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/information_society/events/ict/2010/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website