IP/10/1091
Brussell, it-2 ta’ Settembru 2010
L-Unjoni Ewropea tapprova EUR 264 miljun biex tgħin 19-il Stat tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku jaffaċċjaw il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika
Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-ewwel deċiżjonijiet ta' ffinanzjar fl-ambitu tal-allokazzjoni tal-2010 ta' EUR 264 miljun għall-hekk imsejjaħ mekkaniżmu FLEX għall-Vulnerabbiltà biex tingħata għajnuna lill-aktar pajjiżi vulnerabbli tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku b'mod li dawn ikunu jistgħu jaffaċċjaw l-impatt tal-kriżi finanzjarja u tar-reċessjoni ekonomika globali. Il-mekkaniżmu V-FLEX huwa strument għal perjodu qasir li fuq perjodu ta' sentejn ipprovda EUR 500 miljun (2009-2010).
"Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadhom qed iħabbtuha ma' diffikultajiet konsiderevoli, li jinkludu nuqqas ta' fondi fil-baġits tal-gvernijiet tagħhom, bħala konsegwenza diretta tal-kriżi finanzjarja globali. Din is-sena, dan il-mekkaniżmu tal-UE se jgħin lil 19-il pajjiż biex isostnu l-livell tagħhom ta' infiq pubbliku f'oqsma ta' prijorità, u għalhekk jittaffa l-impatt soċjali tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku," qal Andris Piebalgs, il-Kummissarju għall-Iżvilupp.
Il-mekkaniżmu FLEX għall-Vulnerabbiltà (V-FLEX) jippermetti lill-Unjoni Ewropea li tintervjeni malajr biex tingħata għajnuna lil dawk il-pajjiżi l-aktar milquta mir-reċessjoni ekonomika minħabba li ma jkunux b'saħħithom biżżejjed biex jilqgħu għal skossi ġejjin minn barra. Fl-2010 dan il-mekkaniżmu se jagħti sostenn, fuq talba tagħhom, lil: Antigwa u Barbuda, il-Benin, il-Burundi, Burkina Faso, il-Kap Verde, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, Grenada, il-Ginea Bissaw, Ħaiti, il-Lesoto, il-Liberja, il-Malawi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Samoa, Sjerra Leone, it-Togo, Tonga, Tuvalu u ż-Żimbabwe. Id-deċiżjoni ta' ffinanzjar favur Burkina Faso (EUR 14-il miljun) u Grenada (EUR 3.5 miljun) ġew adottati llum. Id-deċiżjonijiet finanzjarji favur pajjiżi oħra se jsegwu matul il-ħarifa tal-2010.
Qabel dan, 15-il pajjiż ibbenefikaw minn iffinanzjar ta' EUR 236 miljun taħt il-V-FLEX: Benin, Burundi, ir-Repubblika Ċentro-Afrikana, il-Komoros, Dominika, il-Gana, Grenada, il-Ginea Bissaw, Ħaiti, il-Malawi, il-Mawrizju, is-Seychelles, Sjerra Leone, il-Gżejjer Solomon u ż-Żambja.
Il-kuntest:
L-istrument V-FLEX jaħdem b'mod preventiv fuq il-bażi ta' tbassir ta' telf fiskali u ta' kriterji oħra ta' vulnerabbiltà u jgħin biex jittaffa l-impatt, aktar milli billi jaġixxi wara li tkun saret il-ħsara. Huwa jipprovdi malajr għotjiet immirati u qed jaġixxi b'mod kumplimentari għall-assistenza mill-Bank Dinji li bbażata fuq is-self, mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-banek ta' żvilupp reġjonali li bl-appoġġ tagħhom huwa ġie żviluppat.
Intervent permezz tal-V-Flex isir wara li jkun hemm talba għalih, u huwa mmirat lejn pajjiżi li għandhom livell għoli ta' vulnerabbiltà ekonomika, soċjali u politika, il-linji politiċi t-tajba biex jiġġieldu l-kriżi, kapaċità suffiċjenti li jassorbu l-fondi, kif ukoll li jkollhom nuqqas ta' fondi fil-baġits tagħhom fejn is-sostenn mill-UE jkun jista' jagħmel id-differenza billi jelimina jew iċekken b'mod sinifikanti dan in-nuqqas.
Il-V-FLEX ta' EUR 500 miljun qed jingħata b'żieda mal-EUR 1 biljun tal-Faċilità tal-Ikel adottata fit-30 ta' Marzu 2009, kif ukoll l-allokazzjoni ta' EUR 200 miljun taħt il-FEŻ fl-2008 biex pajjiżi fit-triq ta' żvilupp jkunu jistgħu jlaħħqu ma' prezzijiet ogħla għall-ikel. Fil-livell nazzjonali, huwa kumplimentari għal strumenti finanzjarji oħra taħt il-baġit tal-UE u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
Anness:
Lista tal-pajjiżi u ammonti maqbula għall-iffinanzjar fl-2009-2010 b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika
(f'miljuni ta' euro) | VFLEX Allokazzjoni għall-2009 | VFLEX Allokazzjoni għall-2010 (ipprogrammata) | Total |
Antigwa u Barbuda | / | 9 | 9 |
Benin | 25 | 13 | 38 |
Il-Burundi | 13,6 | 15 | 28,6 |
Burkina Faso | / | 14 | 14 |
Il-Kap Verde | / | 9 | 9 |
Ir-Repubblika Ċentr-Afrikana | 7,6 | 13 | 20,6 |
Il-Komoros | 4,7 | / | 4,7 |
Dominika | 5 | / | 5 |
Ir-repubblika Demokratika tal-Kongo | / | 50 | 50 |
Il-Gana | 35 | / | 35 |
Grenada | 5 | 3,5 | 8,5 |
Il-Ginea Bissaw | 8 | 8,5 | 16,5 |
Ħaiti | 30 | 26 | 56 |
Il-Lesoto | / | 21 | 21 |
Il-Liberja | / | 12,5 | 12,5 |
Il-Malawi | 25 | 19 | 44 |
Il-Mawrizju | 10,9 | / | 10,9 |
Samoa | / | 5,5 | 5,5 |
Is-Seychelles | 9 | / | 9 |
Sjerra Leone | 12 | 10 | 22 |
Il-Gżejjer Solomon | 15,2 | / | 15,2 |
It-Togo | / | 12 | 12 |
Tonga | / | 5,5 | 5,5 |
Tuvalu | / | 1,5 | 1,5 |
Iż-Żambja | 30 | / | 30 |
Iż-Żimbabwe | / | 16 | 16 |
Total | 236 | 264 | 500 |
VFLEX= L-istrument FLEX dwar il-vulnerabbiltà