Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni żżid żewġ linji tal-ajru Ganjani mal-lista tal-UE ta' trasportaturi bl-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat

European Commission - IP/10/1090   02/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1090

Brussell, it-2 ta' Settembru 2010

Il-Kummissjoni żżid żewġ linji tal-ajru Ganjani mal-lista tal-UE ta' trasportaturi bl-ajru soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat

Il-Kummissjoni Ewropea illum aġġornat il-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti fl-Unjoni Ewropea biex timponi projbizzjoni fuq l-operat ta' trasportatur tal-ajru mill-Gana u biex tagħmel restrizzjonijiet fuq l-operat ta' trasportatur tal-ajru ieħor minn dak il-pajjiż.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli mill-mobilità u t-trasport qal: "Ma nistgħu nittolleraw ebda kompromess fis-sikurezza tal-ajru. Meta jkollna provi li trasportaturi tal-ajru mhumiex iwettqu operazzjonijiet sikuri jew meta l-awtoritajiet regolatorji ma jħarsux l-obbligu tagħhom li jinfurzaw l-istandards tas-sikurezza, aħna jkollna naġixxu biex niggarantixxu li kwalunkwe riskju għas-sikurezza jkun eskluż."

Il-lista l-ġdida tieħu post dik ta' qabilha u diġà tinstab fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni (1).

Dan l-aġġornament huwa adottat wara li żewġ Stati Membri ħadu miżuri eċċezzjonali li pprojbixxew it-trasportaturi tal-ajru konċernati mit-territorju tagħhom. Permezz ta' dan l-aġġornament, it-trasportatur tal-ajru Meridian Airways mill-Gana qed jiġi inkluż fil-lista tal-linji tal-ajru pprojbiti minħabba li kien hemm sensiela ta' riżultati baxxi ħafna ta' spezzjonijiet li mhux biss jinvolvu l-inġenju tal-ajru tagħhom iżda wkoll il-faċilitajiet użati mill-linja tal-ajru fl-UE.

Trasportatur ieħor mill-Gana, Airlift International, kien spezzjonat fi Stat Membru u r-riżultati wrew standard li hu ferm iktar baxx minn dak meħtieġ bl-istandards internazzjonali. Il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru unanimament appoġġa l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-operat tal-Airlift International biex jeskludi l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru spezzjonati mill-UE, flimkien ma' tnejn oħra li bħalissa huma maħżunin. Ir-riżultat ta' dan huwa li l-kumpanija fadlilha biss inġenju tal-ajru wieħed li għadu jista' jopera għall-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib il-prestazzjoni tal-linja tal-ajru u se tissokta, u ssaħħaħ il-konsultazzjonijiet tagħha mal-organizzazzjoni tal-avjazzjoni ċivili tal-Gana biex issib soluzzjonijiet sontenibbli għall-problemi ta' sikurezza identifikati. Il-Kummissjoni se tirrevedi il-każ taż-żewġ trasportaturi tal-ajru fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru f'Novembru.

Attwalment, il-lista tal-Unjoni fiha ħames trasportaturi individwali li l-operazzjonijiet tagħhom huma pprojbiti kompletament fl-Unjoni Ewropea – l-Afganistan (Ariana Afghan Airlines), is-Surinam (Blue Wing Airlines), il-Gana (Meridian Airways), il-Kambodja (Siem reap Airways International) u r-Rwanda (Silverback Cargo Freighters). It-trasportaturi kollha ta' 17-il pajjiż – 278 kumpanija bħala total – huma pprojbiti: L-Angola, il-Benin, ir-Repubblika Demokritika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon, (bl-eċċezzjoni ta' tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta' sitt trasportaturi li tneħħewlhom ir-restrizzjonijiet kompletament), il-Kazakistan (bl-eċċezzjoni ta' trasportatur li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, il-Filippini, ir-Repubblika tal-Kongo, is-Sjerra Leone, is-São Tomé u l-Príncipe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja. Għaxar trasportaturi qed jitħallew joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet – il-Kazakistan (Air Astana); ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (Air Koryo); il-Gana (Airlift International); Il-Komoros (Air Service Comores); il-Gabon (Gabon Airlines, Afrijet u SN2AG); l-Iran (Iran Air); l-Angola (TAAG Angola Airlines); u l-Ukraina (Ukrainian Mediterranean Airlines).

1 :

http://ec.europa.eu/transport/air-ban/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website