Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ibħra Ewropej: Il-Kummissjoni tistipula kriterji għal status ambjentali tajjeb

European Commission - IP/10/1084   01/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1084

Brussell, l-1 ta' Settembru 2010

L-ibħra Ewropej: Il-Kummissjoni tistipula kriterji għal status ambjentali tajjeb

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni li tagħti l-kriterji meħtieġa biex jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ibħra Ewropej. Din se tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji tal-baħar kkoordinati fi ħdan kull baħar reġjonali, filwaqt li jiżguraw konsistenza u jippermettu li jitqabbel il-progress bejn ir-reġjuni. Id-definizjoni tal-kriterji hija rikjesta skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar li għandha l-għan li tikseb status ambjentali tajjeb fl-ibħra kollha tal-UE sal-2020.

Il-Kummissarju tal-Ambjent Janez Potočnik qal: "Irridu li l-ibħra tagħna jkunu f'kundizzjoni tajba u produttivi. Id-deċiżjoni tal-lum hija l-punt tal-bidu għall-istabbiliment ta' għanijiet preċiżi għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb. L-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-kriterji għal status ambjentali tajjeb matul is-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità hija pass ieħor 'il quddiem fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għal wara l-2010.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kriterji għal Status Ambjentali Tajjeb tal-ibħra tiffoka fuq aspetti differenti ta' ekosistemi tal-baħar inklużi d-diversità bijoloġika, il-popolazzjoni tal-ħut, l-ewtrofikazzjoni, il-kontaminanti, l-iskart u l-istorbju.

Il-kriterji u l-indikaturi relatati definiti fid-Deċiżjoni kienu bbażati fuq parir xjentifiku u tekniku provdut minn esperti indipendenti u għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-istatus ambjentali tal-ekosistemi tal-baħar. Huma mibnija fuq obbligi li jeżistu, u fuq żviluppi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, u jkopru elementi tal-ambjent tal-baħar li għadhom ma ġewx indirizzati fil-politiki eżistenti.

Madankollu, waqt li xi kriterji huma żviluppati kompletament u qed jitħaddmu, oħrajn għad iridu jiġu rfinati iktar. Id-Deċiżjoni tiffoka fuq il-ħtieġa li jitkabbar iżjed l-għarfien xjentifiku għall-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb biex jappoġġa approċċ ibbażat fuq ekosistemi għall-ġestjoni tal-ibħra Ewropej. Għalhekk ikun jeħtieġ li l-kriterji jiġu riveduti biex jitqies għarfien xjentifiku ġdid.

Il-mira tal-2020 għal status ambjentali tajjeb

Status Ambjentali Tajjeb tfisser li l-istat ġenerali tal-ambjent fl-ibħra jipprovdi oċeani ekoloġikament diversi u dinamiċi, u ibħra li huma f'kundizzjoni tajba u produttivi. L-użu tal-ambjent tal-baħar għandu jinżamm f'livell sostenibbli li jissalvagwardja l-użi u l-attivitajiet potenzjali mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni. Dan ifisser li għandhom jitqiesu b'mod komplet l-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi tal-ekosistemi tal-baħar, jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar, u ma jitħalliex li jsir it-tnaqqis tal-bijodiversità kkawżat mill-bniedem.

Biex jinkiseb l-għan tal-UE tal-istatus ambjentali tajjeb għall-ibħra kollha sal-2020, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji tal-baħar li jservu bħala pjanijiet ta' azzjoni għall-applikazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq ekosistemi għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem. L-Istatus Ambjentali Tajjeb għandu jiġi ddeterminat fil-livell ta' reġjuni jew ta' reġjuni sekondarji tal-baħar, abbażi ta' 11-il indikatur kwalitattiv tal-ambjent tal-baħar speċifikati fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar. Hemm bżonn kooperazzjoni reġjonali f'kull stadju tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Għal aktar tagħrif:

Dwar id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar:

http://ec.europa.eu/environment/water/marine/index_en.htm

Dwar konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar:

http://ec.europa.eu/environment/water/marine/conventions_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website