IP/10/1082
Brussell, l-1 ta’ Settembru 2010
Mil-lum l-iskejjel jistgħu jirreġistraw biex jieħdu sehem fil-Konkors tal-UE għat-Tradutturi Żgħażagħ
L-iskejjel sekondarji li jixtiequ li l-istudenti tagħhom jieħdu sehem fil-Konkors tal-2010 tat-Tradutturi Żgħażagħ tal-UE jistgħu, mil-lum, jirreġistraw fis-sit: http://ec.europa.eu/translatores Ir-reġistrazzjoni għal dan il-konkors, li huwa magħruf bħala 'Juvenes Translatores' (li bil-Latin tfisser 'tradutturi żgħażagħ') tista' ssir sal-20 ta' Ottubru. Il-formola tal-applikazzjoni onlajn hija disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-kompetizzjoni, li hija miftuħa għall-istudenti li twieldu fl-1993, se ssir fit-23 ta' Novembru, fl-istess ħin fl-iskejjel kollha magħżula.
Fi kliem Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, 'Il-konkors tfassal biex iħeġġeġ l-użu u t-tagħlim tal-lingwi barranin fl-Ewropa, kif ukoll l-arti speċifika tat-traduzzjoni.' Hi tenniet li, 'Il-ħiliet lingwistiċi huma assi enormi għaż-żgħażagħ tal-lum, li jivvjaġġaw iktar minn missirijiethom u jfittxu aktar spiss li jaħdmu barra minn pajjiżhom. L-għarfien tal-lingwi jista' jservi biex ikabbar l-iskop tal-ħajja u jwessa' l-orizzonti.'
Din is-sena, l-għadd totali ta' skejjel li jistgħu jieħdu sehem qed jiżdied minn 600 għal aktar minn 750, b'rispons għad-domanda qawwija mindu tnieda l-konkors fl-2007. L-għadd ta' skejjel magħżula minn kull Stat Membru se jirrifletti n-numru ta' siġġijiet li kull pajjiż rispettiv se jkollu fil-Parlament Ewropew fl-2014 (ara hawn taħt). Jekk xi Stat Membru jaqbeż il-kwota allokata lilu, il-Kummissjoni se tuża metodu ta' għażla każwali biex tiddetermina liema skejjel jistgħu jieħdu sehem.
Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal kull min twieled fl-1993 u l-iskejjel magħżula se jiġu mistiedna jirreġistraw sa ħames studenti. Huma eliġibbli l-istudenti ta' kwalunkwe nazzjonalità, sakemm dawn ikunu rreġistrati fi skola li tkun tinsab f'xi Stat Membru tal-UE. Huma jkunu liberi li jittraduċu minn u lejn kwalunkwe lingwa fost it-23 lingwa uffiċjali tal-UE.
Il-konkors se jsir fl-istess ħin fl-iskejjel magħżula kollha, taħt is-superviżjoni tal-iskejjel rispettivi. Il-kontestanti se jkollhom sagħtejn biex jittraduċu test mibgħut lill-iskejjel mill-Kummissjoni ftit ħin biss qabel tibda l-kompetizzjoni. Jistgħu jintużaw id-dizzjunarji, iżda mhux tagħmir elettroniku.
Wara l-konkors, it-tradutturi se jiġu vvalutati minn tradutturi tal-Kummissjoni u r-rebbieħa jiġu mistiedna Brussell fir-rebbiegħa tal-2011 għal ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet ospitata mill-Kummissarju Androulla Vassiliou. Matul il-mawra r-rebbieħa se jiltaqgħu wkoll ma' tradutturi li jaħdmu mal-UE.
L-għadd massimu ta' skejjel parteċipanti minn kull pajjiż:
Il-Belġju | 22 |
Il-Bulgarija | 18 |
Ir-Repubblika Ċeka | 22 |
Id-Danimarka | 13 |
Il-Ġermanja | 96 |
L-Estonja | 6 |
L-Irlanda | 12 |
Il-Greċja | 22 |
Spanja | 54 |
Franza | 74 |
L-Italja | 73 |
Ċipru | 6 |
Il-Latvja | 9 |
Il-Litwanja | 12 |
Il-Lussemburgu | 6 |
L-Ungerija | 22 |
Malta | 6 |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | 26 |
L-Awstrija | 19 |
Il-Polonja | 51 |
Il-Portugall | 22 |
Ir-Rumanija | 33 |
Is-Slovenja | 8 |
Is-Slovakkja | 13 |
Il-Finlandja | 13 |
L-Isvezja | 20 |
Ir-Renju Unit | 73 |
Totali | 751 |
Aktar informazzjoni dwar il-konkors hija disponibbli kif ġej:
Il-websajt tal-konkors: http://ec.europa.eu/translatores
Facebook: JuvenesTranslatores
Twitter: @translatores
Id-DĠ tat-Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/