Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1079

Brussell, 31 ta’ Awwissu 2010

Il-Kummissarju Šemeta jżur iċ-Ċina biex jagħti spinta lill-kooperazzjoni fil-kontrolli tad-dwana u l-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, għada se jiftaħ konferenza internazzjonali fl-Expo Dinjija 2010 li qiegħda ssir f' Shangai dwar il-ħolqien ta' relazzjonijiet biex ikun iffaċilitat il-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE. L-għan tal-konferenza hu li jkunu esplorati modi li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u ċ-Ċina, sabiex ikun possibbli fluss kummerċjali mingħajr xkiel bejn iż-żewġ naħat filwaqt li ċ-ċittadin ikun jista' jgawdi minn livell għoli ta' protezzjoni. L-assigurazzjoni tal-katina ta' forniment, il-ġlieda kontra l-kutrabandu (b'mod partikolari tas-sigaretti) u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali se jkunu fuq quddiem nett tal-aġenda. Iċ-Ċina hija t-tieni msieħba kummerċjali tal-UE wara l-Istati Uniti u l-ikbar sors tal-importazzjonijiet tagħha. L-UE hija l-ikbar suq tal-esportazzjoni taċ-Ċina. Għalhekk, kemm l-UE kif ukoll iċ-Ċina għandhom interess reali biex jiżguraw li fis-swieq ta' xulxin jidħlu prodotti sikuri, genwini u legali. Il-Kummissarju Šemeta se jdum tlett ijiem iċ-Ċina jiddiskuti mal-awtoritajiet nazzjonali u r-rappreżentanti tan-negozji kwistjonijiet ewlenin relatati mad-dwana u ma' miżuri kontra l-frodi, u se jżur il-port ta' Shangai biex jara b'għajnejh kif iċ-Ċiniżi joperaw il-kontrolli tad-dwana.

Il-Kummissarju Šemeta qal: "Il-kummerċ li qed jikber b'rata mgħaġġla bejn l-UE u ċ-Ċina huwa pożittiv ħafna. Madankollu, il-fattur negattiv huwa li rajna żieda parallela fil-kummerċ illegali li għandu jitwaqqaf. Hu essenzjali li r-regoli doganali jkunu rispettati biex iċ-ċittadini tagħna jkunu protetti u biex ikun garantit il-fluss liberu ta' oġġetti bejn nazzjonijiet kummerċjanti. Għalhekk għandna naħdmu iktar dwar il-kooperazzjoni doganali effiċjenti bejn l-UE u ċ-Ċina mibnija fuq fiduċja reċiproka u objettivi komuni."

Id-dwana tal-UE għandha rwol kruċjali: li tiżgura l-bilanċ bejn il-protezzjoni tas-soċjetà u l-iffaċilitar ta' flussi kummerċjali leġittimi. Id-dwana għandha informazzjoni dwar kull importazzjoni u esportazzjoni li taqsam il-fruntieri tal-UE u tuża metodi sofistikati biex tikkontrolla dawn l-oġġetti. Iċ-Ċina hija l-iktar sfida importanti għall-politika tal-kummerċ tal-UE. Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali fuq iż-żewġ naħat hija essenzjali biex ikun iffaċilitat dan il-kummerċ.

Is-sigurtà tal-katina ta’ forniment

Relazzjonijiet kummerċjali tajbin għandhom ikunu bbażati fuq il-fiduċja li ż-żewġ naħat ikunu impenjati b'mod sħiħ biex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà fl-oġġetti li jesportaw. L-UE u ċ-Ċina ilhom jaħdmu għadd ta' snin biex jissolidifikaw din il-fiduċja fil-qasam tad-dwana. Fost il-miżuri importanti li ttieħdu kien hemm l-iffirmar ta' Ftehim ta' Kooperazzjoni Doganali u ta' Assistenza Amministrattiva Reċiproka u l-istabbiliment ta' Kumitat UE-Ċina għall-Kooperazzjoni Doganali Konġunta (JCCC(Joint Customs Co-operation Commitee), biex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u biex jgħinu jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-problemi li jiltaqgħu magħhom f'dan il-qasam.

Kwistjoni importanti li l-Kummissarju se jiddiskuti mal-kontrapartijiet tiegħu f'Shangai hija l-espansjoni tal-proġett pilota Rotot Kummerċjali Intelliġenti u Sikuri ((SSTL) Smart and Secure Trade Lanes) li kien varat fl-2006. Dan il-proġett storiku jeżamina l-miżuri ta' sigurtà applikati fuq kontejner u t-teknoloġija ta' sostenn (pereżempju: siġilli intelliġenti) matul il-vjaġġ kollu tiegħu mill-bidu sal-aħħar, kif ukoll il-promozzjoni ta' skambju ta' dejta u rikonoxximent reċiproku ta' kwistjonijiet doganali ewlenin. L-ewwel fażi involviet portijiet fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll fil-port Ċiniż ta' Shenzhen. Il-Proġett pilota SSTL kellu suċċess kbir kemm fl-iżvilupp ta' fehim, fiduċja u kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali li kienu qed jipparteċipaw, kif ukoll fil-progress tax-xogħol fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta' sħubija kummerċjali fuq iż-żewġ naħat. L-UE u ċ-Ċina qed iħejju biex ivaraw il-fażi li jmiss tal-SSTL b'parteċipazzjoni estiża biex tinkludi lill-Belġju, lil Franza, lill-Ġermanja u lill-Italja kif ukoll lill-port ta' Shangai. L-objettiv fit-tul ta' dan il-proġett huwa li jiffaċilita l-ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri tas-sigurtà, il-kontroll tar-riżultati u tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Il-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija hija fattur ewlieni biex ikun żgurat is-suċċess tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali UE-Ċina. F'Jannar 2009, l-UE u ċ-Ċina ffirmaw ftehim dwar Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż għal kooperazzjoni doganali iktar mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali. Għandu l-għan li jsaħħaħ il-kontrolli doganali kontra l-iffalsifikar u l-piraterija f'oġġetti kkummerċjati bejn iż-żewġ naħat (ara IP/09/193). F'dan il-Pjan ta' Azzjoni, iż-żewġ naħat iffukaw fuq l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' netwerk doganali dwar il-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, kif ukoll l-iżvilupp ta' attivitajiet f'oqsma ewlenin bħall-iskambju ta' dejta, il-qsim ta' prattiki tajba u x-xogħol mal-industrija dwar din il-kwistjoni. Matul iż-żjara tal-Kummissarju fiċ-Ċina, iż-żewġ naħat se jiddiskutu l-estensjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni sal-aħħar tal-2012, bl-għan li tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa u b'suċċess tiegħu, u se jagħtu ħarsa lejn modi li bihom jistgħu jitjiebu attivitajiet skont il-Pjan.

Il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti

Il-Kummissarju Šemeta se jiddiskuti wkoll kif il-kooperazzjoni UE-Ċina tista' tiżdied f'termini tat-twaqqif tal-kummerċ illegali tas-sigaretti. Is-sigaretti foloz jew bil-kutrabandu huma problema kbira għall-UE: is-sena l-oħra, nqabdu iktar minn 5 biljun sigarett illegali mid-dwana tal-UE u dan forsi huwa biss 5-10 % ta' dak li huwa ssuspettat li hu l-volum reali tal-kummerċ. L-UE u l-Istati Membri jitilfu iktar minn EUR 10 biljun kull sena f'taxxi mhux imħallsa mill-kummerċ tat-tabakk illegali. Barra minn hekk, il-flus mis-sigaretti foloz jew bil-kutrabandu huma introjtu għall-kriminalità u t-terroriżmu organizzat, li jaffettwaw pajjiżi madwar id-dinja kollha. Il-kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-UE dwar il-kutrabandu tas-sigaretti qed isseħħ fil-qafas ta' Ftehim ta' Assistenza Reċiproka iffirmat miż-żewġ naħat fl-2004 (ara IP/04/599). Mill-2008, l-OLAF (l-Uffiċċju kontra l-Frodi tal-UE) għandu uffiċjal ta' kollegament f'Beijing biex jaħdem mad-Dwana Ċiniża u awtoritajiet oħra fil-ġlieda kontra l-kutrabandu tas-sigaretti. Bil-għan li jitwettqu operazzjonijiet immirati u jitjiebu l-kontrolli kontra s-sigaretti llegali, hu essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u skambju ta' informazzjoni u intelliġenza dwar kunsinni suspettati.

Għal aktar tagħrif, ara MEMO/10/389

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/policy_issues/conference_events/shangai/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website