Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kriminalità transkonfinali: Il-Kummissjoni tippubblika opinjoni fuq il-proposti tal-Istati Membri dwar il-qsim tal-evidenza

European Commission - IP/10/1067   24/08/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1067

Brussell, l-24 ta' Awwissu 2010

Kriminalità transkonfinali: Il-Kummissjoni tippubblika opinjoni fuq il-proposti tal-Istati Membri dwar il-qsim tal-evidenza

Investigatur li qed ifittex evidenza f'pajjiż ieħor tal-UE jiddependi minn tirqigħ ta' regoli adottati fuq medda ta' 50 sena. Irid juża diversi formalitajiet u proċeduri biex jikseb evidenza differenti. L-awtoritajiet fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera jistgħu jinjoraw it-talba, jew jistabbilixxu l-iskadenza tagħhom huma stess. Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat opinjoni fuq proposta minn seba' Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja) għal Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea - sistema li tiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet tal-ġustizzja biex jiksbu evidenza għal proċedimenti (jew investigazzjonijiet) kriminali transnazzjonali. Il-proposta għandha tippermetti lill-awtoritajiet jitolbu lill-kontropartijiet tagħhom biex jinvestigaw, jaqsmu u jiġbru evidenza. Jekk investigaturi Svediżi, pereżempju, qed ifittxu kriminali moħbijin f'dar fi Spanja, jistgħu jitolbu lill-kollegi tagħhom jagħmlu tfittxija f'dik id-dar. L-opinjoni ppubblikata llum mill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur miżjud tas-sostituzzjoni tas-sistema frammentata kurrenti rigward miżuri investigattivi b'qafas legali uniku. Tinnota wkoll il-ħtieġa ta' regoli ċari u dettaljati, li josservaw għal kollox il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu standards minimi għall-ġbir ta' evidenza sabiex l-ammissibbiltà tagħha fil-qorti tkun mingħajr dubju, kif ukoll standards għoljin ta' protezzjoni tad-dejta għal informazzjoni sensittiva.

"Biex nindirizzaw il-kriminalità transkonfinali b’mod effettiv, l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġu regoli ċari u mhux burokratiċi biex jikkoperaw. Investigatur li qed ifittex organizzazzjoni kriminali internazzjonali jew xi ħadd li kkommetta stupru f'diversi pajjiżi m'għandux għalfejn iqatta' l-ġurnata jimla formoli. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nistabbilixxu s-salvagwardji proċedurali xierqa li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-persuni involuti fl-investigazzjonijiet, speċjalment dawk suspettati li jkunu għadhom ma nstabux ħatja," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Li l-awtoritajiet tal-ġustizzja jiġu mmotivati biex jaħdmu flimkien b'fiduċja reċiproka hija ħaġa kemm delikata kif ukoll kruċjali. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat proposti li għandhom l-għan li jtejbu d-drittijiet tal-persuni suspettati tul l-Ewropa u jżidu l-fiduċja fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali differenti. Se nsegwu d-dibattitu dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea. Lesti li ngħinu lill-Istati Membri jiżguraw li l-proposti tagħħom jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE matul in-negozjati u wara fl-applikazzjoni prattika ta' dan l-istrument tal-UE."

Il-Kummissjoni llum adottat analiżi ta' proposta għal qsim ta' evidenza – mingħajr standards ta' ammissibilità – imressqa minn seba' Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja) fil-21 ta' Mejju 2010. Ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa wkoll fid-Direttiva proposta.

Il-Kummissjoni nnutat il-vantaġġ li jista' jkollha l-proposta tal-Istati Membri tal-UE għal sistema aktar sempliċi u unifikata – jekk appoġġata minn standards proċedurali u fundamentali xierqa. L-investigaturi jistgħu jużaw formola waħda standard biex jitolbu direttament kull tip ta' evidenza mill-kontropartijiet tagħhom, bħalma huma depożizzjonijiet minn xhieda jew tfittxijiet fi djar. Dan għandu jgħin ukoll lill-vittmi biex jevitaw milli jgħaddu mill-esperjenza diffiċli tagħhom diversi drabi jew milli jkollhom jivvjaġġaw għal ġurisdizzjoni oħra billi jagħtu l-evidenza tagħhom permezz ta' trażmissjoni bil-vidjo.

L-awtoritajiet ikunu jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew li jwettqu l-ordnijiet f'għadd limitat ta' ċirkostanzi biss, bħal tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali.

Madanakollu, il-Kummissjoni nnutat li l-awtoritajiet se jsibuha bi tqila biex jużaw evidenza kondiviża bħal dejta tal-banek, rekords tat-telefon jew tad-DNA mingħajr ma jkun hemm qabel kollox fiduċja reċiproka fil-mod li tkun inkisbet. Għaldaqstant hemm bżonn li tkun akkumpanjata minn standards minimi komuni għall-ġbir ta' evidenza tul l-UE, sabiex tkun żgurata l-ammissibilità tagħha fil-qorti kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u għal smigħ ġust. Kull skambju ta' dejta għandu josserva r-regoli ta' protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Is-27 Stat Membru tal-UE issa se jinnegozjaw proposta finali, li mbagħad tiġi vvutata mill-Parlament Ewropew taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi jekk teħtieġx tagħmel proposti separati, partikolarment dwar il-kisba/l-ammissabbiltà tal-evidenza. Kwalunkwe proposta għal regoli tal-UE trid tosserva l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Sfond

Il-Mandat Ewropew għall-Provi, li kien ntlaħaq ftehim dwarha f'Diċembru 2008, tippermetti lil ċerti investigaturi jitolbu lil xulxin biex jaqsmu evidenza li diġà teżisti, iżda mhux li jiġbru evidenza ġdida. Madanakollu, għadu qatt ma nħareġ Mandat Ewropew għall-Provi wieħed, meta mqabbel mal-14 000 Mandat Ewropew ta' Arrest fl-2008, għaliex huwa biss fis-seħħ fi Stat Membru wieħed (id-Danimarka).

F'Diċembru li għadda l-mexxejja Ewropej approvaw il-Programm ta' Stokkolma. Il-Kummissjoni biddlet dawn l-għanijiet politiċi fi pjan ta' azzjoni għall-2010-2014 (IP/10/447).

Ftehimiet eżistenti jipprovdu biss il-bażi għall-awtoritajiet tal-ġustizzja biex jikkoperaw, iżda mhux biex jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ta' xulxin. Il-Kunsill tal-Ewropa fl-1959 adotta l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali. Taħt il-Konvenzjonijiet Ewropej dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tad-29 ta' Mejju 2000, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE mmira li jinkoraġġixxi l-koperazzjoni spontanja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija u dawk doganali.

Għal aktar tagħrif:

L-opinjoni tal-Kummissjoni rigward id-Direttiva proposta dwar Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea hija disponibbli f'dan l-indirizz:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Id-Direttiva proposta nnifisha:

http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/10/st09/st09288-ad01.en10.pdf

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website