IP/10/1063
Brussell, it-23 ta’ Awwissu 2010
Il-Kummissjoni Ewropea tappella lil 14-il Stat Membru tal-UE biex dawn jiżguraw li l-kriminalità transkonfinali ma trendix
Ix-xahar li għadda l-awtoritajiet Taljani kkonfiskaw b'kemm jiswew € 60 miljun assi tal-Mafja. Fir-Renju Unit, inħatfu £92.3 miljun mingħand ċirku internazzjonali kriminali bi proprjetà fid-Dubaj. Dawn il-konfiski laħqu biss parti żgħir mill-ġid totali tal-kriminali, li llum jista' jiġi faċilment trasferit minn konfini għal ieħor. Huwa għalhekk li r-regoli tal-UE, fis-seħħ mill-2006 (id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2006/783/JHA) jippermettu lill-Istati Membri jikkonfiskaw assi kriminali li jkunu barra l-pajjiż. Madankollu, rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea llum juri li nofs il-pajjiżi tal-UE għad iridu jadottaw dawn ir-regoli. Dan ifisser li l-assi li jkunu jappartjenu lil organizzazzjoni kriminali li, nagħmlu mod, tkun qed taffaċċja prosekuzzjoni fi Franza – sew jekk dawn l-assi jkunu jikkonsistu fi proprjetà, flus maħsula jew karozzi misruqa – ma jkunux jistgħu jinqabdu jekk ikunu fis-Slovakkja jew fil-Bulgarija, dejjem bħala eżempju.. Ir-regoli tal-UE suppost jippermettu lill-awtoritajiet tal-ġustizzja jitolbu lill-kollegi rispettivi tagħhom fi Stati Membri oħra biex dawn jinfurzaw l-ordnijiet ta' konfiska, iżda r-rapport tal-lum tefa' dawl fuq il-fatt li l-implimentazzjoni batut, u l-ħafna burokrazija, li ta’ spiss huma turija ta' nuqqas ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja ta' pajjiż ieħor, għadhom ta' xkiel biex l-assi tal-kriminali jiġu attakkati.
"Fi żmien ta' kriżi ekonomika, hija sfortuna li l-Istati Membri tal-UE qed iħallu b'kemm jiswew biljuni ta' euro ta' assi tal-kriminali jiżgiċċaw. Dan qed iseħħ minkejja li erba' snin ilu l-gvernijiet kienu qablu dwar miżuri ta' konfiska," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "In-nuqqas ta' rieda min-naħa ta' ħafna Stati Membri li jsegwu d-Deċiżjonijiet ta' Qafas tal-Kunsill, li magħhom kienu lkoll qablu, juri biċ-ċar - għal darb'oħra - għal-liema raġuni l-qasam tal-ġustizzja tal-UE kellu bżonn it-Trattat ta' Lisbona. Għall-quddiem hemm bżonn li jkollna regoli aktar ċari, applikazzjoni u infurzar aktar konsistenti u – fuq kollox – fiduċja bejn is-sistemi tal-ġustizzja. Fil-frattemp, nappella lill-Istati Membri biex jattwaw ir-regoli kontra l-kriminalità sabiex l-awtoritajiet tal-ġustizzja jkunu jistgħu jaħdmu flimkien u b'mod effettiv jattakkaw il-profitti illegali li jkunu għamlu l-kriminali."
Il-kriminali jieħdu vantaġġ mill-konfini miftuħa fl-UE billi jmexxi assi misruqa jew prodotti illegali minn konfini għal ieħor. Il-konfiska hija għodda siewja biex din il-prassi titwaqqaf.
Skont ir-regoli tal-UE, pajjiż tal-UE jista' jibgħat ordni ta' konfiska lil pajjiż ieħor fejn ikun jgħix is-suġġett tal-ordni, jew fejn ikollu proprjetà jew dħul. Il-pajjiż l-ieħor jagħmel il-konfiska direttament, skont ir-regoli nazzjonali tiegħu, mingħajr aktar formalitajiet.
Madankollu, ir-rapport tal-lum juri li sa Frar 2010 kienu biss 13 mis-27 pajjiż tal-UE li attwaw ir-regoli. Għalkemm l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-miżuri kienet l-24 ta' Novembru 2008, seba' pajjiżi qalu lill-Kummissjoni li l-proċess leġiżlattiv għadu għaddej, filwaqt li seba' oħra ma taw l-ebda informazzjoni (ara l-Anness).
It-13-il Stat Membri li attwaw ir-regoli diġà qed jużawhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità. L-awtoritajiet tal-ġustizzja fl-Olanda, pereżempju, bagħtu 121 ordni ta' konfiska lill-kollegi rispettivi tagħhom madwar l-UE mindu daħlu fis-seħħ ir-regoli, għal assi li jiswew total ta' kwazi €20 miljun.
Il-kooperazzjoni tal-ġustizzja tkun limitata jekk ma jkunx hemm fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja
Ir-regoli tal-UE li hemm bħalissa jelenkaw numru limit ta' ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwettqu ordnijiet ta' konfiska, bħal ma huma vjolazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem (li wieħed jiġi ġġudikat darbtejn għall-istess reat) jew inkella dewmien twil ħafna bejn it-twettiq tal-fatt u s-sentenza finali. Madankollu, ir-rapport tal-lum juri li l-pajjiżi kollha ħlief tlieta (l-Irlanda, il-Portugall u l-Pajjiżi l-Baxxi1) żiedu raġunijiet ulterjuri li minħabba fihom jistgħu jirrifjutaw li jwettqu ordnijiet ta' konfiska ta' pajjiżi oħra. Dan jillimita l-impatt ta' strument maħsub biex jippermetti lill-awtoritajiet biex jagħrfu mal-ewwel id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet l-oħrajn.
Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-lum wissa wkoll li anki fejn ir-regoli ġew adottati, l-ordnijiet ta' konfiska għadhom mhux awtomatikament mogħtija għarfien minħabba formalitajiet legali, bħal ma huma seduti pubbliċi, li ġew miżjuda mar-regoli nazzjonali f'erba' pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja).
F'Marzu, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE Reding qalet li l-fiduċja reċiproka hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet tal-ġustizzja jkunu jistgħu jagħrfu d-deċiżjonijiet ta' xulxin (SPEECH/10/89). Il-Kummissjoni għalhekk għamlitha bħala prijorità li toħroġ bi standards minimi komuni – sa mid-drittijiet ta' interpretazzjoni u traduzzjoni għal dawk suspettati li wettqu att kriminali (li se jidħlu fis-seħħ din il-ħarifa - IP/10/746) kif ukoll ittra tad-drittijiet (proposta fl-20 ta' Lulju - IP/10/989).
Sfond
Fis-6 ta' Ottubru 2006, l-Istati Membri tal-UE qablu fuq Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill (2006/783/JHA) biex jagħrfu u immedjatament jibdew jeżegwixxu ordnijiet ta' konfiska li jkunu saru minn awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi oħra tal-UE.
Qabel it-Trattat ta' Lisbona, ir-regoli ta' ġustizzja tal-UE kienu jiġu adottati taħt dak li kien jissejjaħ "it-tielet pilastru" bħala "Deċiżjonijiet ta' Qafas", li kienu vinkolanti fuq l-Istati Membri għal dak li għandu x'jaqsam ma' riżultati, iżda l-forma u l-metodi kienu jitħallew f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Minħabba f'hekk kien ikun possibbli li jitfasslu regoli approssimattivi li fil-prattika setgħu jvarjaw ħafna madwar l-UE. Għal perjodu tranżizzjonali sal-2014, il-Kummissjoni ma tista' tieħu l-ebda azzjoni legali biex tara li l-Istati Membri jinfurzaw dawn ir-regoli, bħal ma tista' tagħmel f'oqsma ta’ politika oħra. Sa dak iż-żmien hija se tkompli żżomm għajnejha fuq l-implimentazzjoni u l-konformità effettiva mill-Istati Membri, u tagħti l-appoġġ tagħha għal dan.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:
http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm
Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm
ANNEX
Notification of implementation of Council Framework Decision 2006/783/JHA90 as of February 2010
Country | State of play | Extra grounds for refusal |
Austria | Full implementation | Yes |
Belgium | Implementation in process | |
Bulgaria | No notification | |
Cyprus | Implementation in process | |
Czech Republic | Full implementation | Yes |
Denmark | Full implementation | Yes |
Estonia | No notification | |
Finland | Full implementation | Yes |
France | Implementation in process | |
Germany | Full implementation | Yes |
Greece | Implementation in process | |
Hungary | Full implementation | Yes |
Ireland | Full implementation | No |
Italy | Implementation in process | |
Latvia | Full implementation | Yes |
Lithuania | Implementation in process | |
Luxembourg | No notification | |
Malta | No notification | |
The Netherlands | Full implementation | No |
Poland | Full implementation | Yes |
Portugal | Full implementation | No |
Romania | Full implementation | Yes |
Slovakia | No notification | |
Slovenia | Full implementation | Yes |
Spain | Implementation in process | |
Sweden | No notification | |
United Kingdom | No notification |
Wieħed għandu jżomm f'moħħu li r-rapport adottat illum tlesta fi Frar 2010, filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi introduċew il-liġi ta' implimentazzjoni nazzjonali f'April 2010. Bħala riżultat, ir-rapport jistqarr li l-Irlanda u l-Portugall huma l-uniċi żewġ pajjizi li ma introduċew l-ebda raġuni għal ċaħda.