Navigation path

Left navigation

Additional tools

"Tisparawx, jien ħaddiem umanitarju!" - fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, il-Kummissjoni Ewropea tappella biex jintwera rispett għall-prinċipji umanitarji

European Commission - IP/10/1058   19/08/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1058

Brussell, it-19 ta' Awwissu, 2010

"Tisparawx, jien ħaddiem umanitarju!" - fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, il-Kummissjoni Ewropea tappella biex jintwera rispett għall-prinċipji umanitarji

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, li jaħbat fid-19 ta' Awwissu, il-Kummissjoni Ewropea tagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji li tilfu ħajjithom jew il-libertà tagħhom, jew li weġġgħu waqt li kienu fuq ħidmiethom. Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja tagħha (l-ECHO) għandha persunal li jkun preżenti b'mod permanenti f'postijiet madwar id-dinja li jkunu maħkuma minn xi kriżi. L-ECHO jaħdem fil-qrib ma' organizzazzjonijiet sħab li jwasslu l-għajnuna umanitarja, bħall-aġenżiji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-moviment tas-Salib/in-Nofs Qamar l-Aħmar u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Flimkien, huma jaraw li titwassal l-għajnuna umanitarja lil popolazzjonijiet ċivili madwar id-dinja b'mod li jkun imparzjali u mingħajr diskriminazzjoni. Iżda l-aċċess umantiarju u s-sigurtà tal-ħaddiema li jwasslu l-għajnuna umanitarja qiegħed jaffaċċja dejjem aktar riskji.

Kristalina Georgieva, Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, Għajnuna Umanitarja u Reazzjoni għall-Kriżi, qalet: "Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja jagħtina l-opportunità biex nirriflettu dwar l-importanza tal-ħidma umanitarja biex tiġi mħarsa l-ħajja u biex in-nies bil-bżonn jingħataw l-għajnuna kulfejn ikun meħtieġ. Il-ħaddiema li jwasslu l-għajnuna umanitarja jaqdu lill-umanità, ta' spiss f'ċirkostanzi perikolużi. Rajniehom iwasslu l-għajnuna lill-vittmi ta' terremoti, ta' nirien u għargħar. Iżda huwa fil-postijiet fejn hemm il-ġlied li ħajjithom tkun l-aktar fil-periklu. Teżisti xejra allarmanti li dawn in-nies dedikati jkunu fil-mira tal-vjolenza. Jeħtieġ li nipproteġu s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu kulfejn ikun hemm bżonnhom. Sabiex ikunu jista' jsir dan, jiena se nkompli nqajjem għarfien dwar il-kundizzjonijiet ta' sigurtà, li qed jeħżienu, ta' dawk li jqiegħdu ħajjithom f'periklu biex ikunu jistgħu jsalvaw ħajjet ħaddieħor. Huwa tal-akbar importanza li nifhmu u nirrispettaw il-prinċipji ċentrali tal-għajnuna umanitarja: l-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza. Hemm bżonn inwaqqfu l-isparar fuq il-ħaddiema umanitarji – meta dawn jintlaqtu, tindarab fl-istess ħin it-tama fil-futur ta' wliedna".

Skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) fl-2009 inqatlu 102 ħaddiem umanitarju u ħafna aktar sfaw midruba f'aċċidenti ta' sigurtà, filwaqt li 92 inħatfu.

Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja ġie stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2008 u mfakkar għall-ewwel darba fl-2009 "bħala kontribut biex jiżdied l-għarfien pubbliku dwar il-ħidma umanitarja u l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali, u biex jitfakkar il-persunal kollu umanitarju, sew tan-Nazzjonijiet Uniti u dak assoċjat, li ħadem biex tisseddaq il-kawża umanitarja, u dawk li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta' dmirijiethom". Huwa wkoll tfakkira tal-ġrajjiet ta' dak il-jum fl-2003 meta l-uffiċċju tan-NU fl-Iraq ġie bbbumbardjat u nqatlu 22 ruħ. It-tema tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja ta' din is-sena hija "Aħna ħaddiema umanitarji li nwasslu l-għajnuna".

Is-sħubija bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Ewropea hija element ċentrali tas-sistema umanitarja dinjija. L-UE u n-NU se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema li jwasslu l-għajnuna umanitarja u li l-prinċipji umanitarji jiġu rispettati.

Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

MEMO/10/379


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website