Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Pakistan: Il-Kummissarju Georgieva tipproponi li l-finanzjament mill-Kummissjoni jiżdied għal €70 miljun qabel iż-żjara tagħha fiż-żona

European Commission - IP/10/1056   18/08/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1056

Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2010

Il-Pakistan: Il-Kummissarju Georgieva tipproponi li l-finanzjament mill-Kummissjoni jiżdied għal €70 miljun qabel iż-żjara tagħha fiż-żona

Bħala rispons għall-iskala dejjem tikber tal-kriżi umanitarja, il-Kummissarju għall-Koperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet, Kristalina Georgieva, illum ħabbret li l-Kummissjoni se timmobilizza €30 miljun addizzjonali f'assistenza urġenti biex jiġu megħjunin il-milqutin. Dan l-aktar finanzjament riċenti jfisser li t-total tal-fondi tal-għajnuna umanitarja allokati mill-Kummissjoni bħala assistenza għall-popolazzjonijiet milqutin mill-għargħar se jitla' għal €70 miljun. Fit-23 ta' Awwissu, il-Kummissarju Georgieva se tivvjaġġa lejn iż-żoni milqutin fil-Pakistan u se tiltaqa' mal-awtoritajiet u ma' esperti tat-twassil tal-għajnuna, kif ukoll man-nies milqutin mill-għargħar."

Il-Kummissarju Georgieva qalet: "Il-ħsara li kkaġuna l-għargħar fil-Pakistan hija massiva u bosta miljuni ta' nies qed isofru. Il-fondi addizzjonali se jintużaw biex tingħata spinta lill-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja mwettqin mis-sħab tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. L-esperti tal-Kummissjoni dwar it-twassil tal-għajnuna huma attivi wkoll fuq il-post fil-Pakistan. Huma qed jaħdmu flimkien ma' sħabna biex jiżguraw li l-fondi qed jintużaw bl-iktar mod effiċjenti possibbli għall-benefiċċju tal-vittmi ddisprati ta' dan l-għargħar diżastruż."

Mill-31 ta' Lulju 'l hawn, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet €40 miljun f'għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-għargħar fil-Pakistan (ara IP/10/1018 u IP/10/1048). Fl-aħħar tnax-il xahar, il-Kummissjoni pprovdiet total ta' €111.25 miljun f'għajnuna umanitarja għall-persuni fil-bżonn fil-Pakistan, mingħajr ma wieħed jgħodd it-talba mħabbra llum.

Id-dipartiment tal-Kummissjoni għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili (l-ECHO) għandu uffiċċju ta' sostenn f'Islamabad. Esperti tal-ECHO qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi fil-qagħda umanitarja u qed jimmoniterjaw l-użu tal-fondi tal-Kummissjoni għall-għajnuna lill-milqutin.

Il-proġetti umanitarji ffinanzjati mill-Kummissjoni qed jiġu implimentati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwasslu l-għajnuna lill-milqutin, aġenziji speċjalizzati tan-NU u mill-Moviment tan-Nofs Qamar l-Aħmar. L-attivitajiet koperti jinkludu s-saħħa, l-ikel, l-ilma u s-sistemi tad-drenaġġ, akkomodazzjoni (ta' emerġenza), affarijiet mhux tal-ikel (kutri, folji tal-plastik, settijiet tal-iġene, settijiet tal-kċina, eċċ.), appoġġ psikoloġiku, komunikazzjoni ta' emerġenza, appoġġ għal-ħajja u ħarsien.

Organizzazzjonijiet sħab fil-qasam tat-twassil tal-għajnuna lill-milqutin li rċevew fondi jew li jinsabu fil-proċess li jirċievu sostenn imminenti jinkludu l-Acted, l-ActionAid, il-Concern, il-Cordaid, id-Danish Church Aid, il-Hope87, l-International Catholic Migration Commission (l-ICMC), l-International Organisation for Migration (l-IOM), l-International Rescue Committee (l-IRC), il-Merlin, l-Oxfam u s-Save the Children.

Azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat fis-6 ta' Awwissu. Iċ-Ċentru tal-Moniteraġġ u l-Informazzjoni (Il-Monitoring and Information Centre – l-MIC) fi ħdan l-ECHO jinsab f'kuntatt mal-31 pajjiż li qed jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu, li diversi minnhom qed jipprovdu assistenza lill-Pakistan permezz ta' għoti ta' oġġetti (e.g. unitajiet tat-tisfija tal-ilma, kittijiet tas-saħħa għall-emerġenzi, tined, ġeneraturi tal-elettriku). Uffiċjal ta' Kollegament tal-MIC jinsab fl-uffiċċju tal-ECHO f'Islamabad sabiex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-assistenza tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u biex jagħmel kollegament mas-sistema tan-NU.

Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website