Navigation path

Left navigation

Additional tools

ip/10/1050

Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2010

Riċerka fil-qasam tal-ICT: WOUNDMONITOR - proġett iffinanzjat mill-UE - jgħin fl-identifikazzjoni tal-batterji u jħaffef il-fejqan għall-vittmi ta' ħruq

Fl-UE, aktar minn 4000 persuna jmutu kull sena minħabba inċidenti kawżati min-nar filwaqt li eluf oħra jittieħdu l-isptar sabiex jirċievu kura għall-ħruq. Permezz ta' riċerka ffinanzjata mill-UE, esperti mediċi se jkunu jistgħu jidenfitikaw aktar malajr batterji jew fungu ta' ħsara li jistgħu jkunu preżenti fil-ġrieħi tal-vittmi ta' ħruq u li jwasslu għal infezzjoni. Fl-istess waqt, jkun jista' jitħaffef, b'għadd ta' jiem, il-proċess dijanjostiku u ta' fejqan. Sa llum, it-tobba kellhom dejjem jiddependu fuq testijiet mikrobijoloġiċi li kienu jdumu bosta ġranet biex jidentifikaw il-batterji li kienu qegħdin iwasslu għal infezzjoni. Riċerkaturi mill-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja u r-Renju Unit żviluppaw apparat elettroniku żgħir li jista', fi ftit minuti, jidentifika preċiżament it-tip ta' batterji billi jidentifika l-ammonti żgħar ħafna ta' gass ħierġin mill-batterji stess. Aktar ma jiġu ddijanjostikati malajr l-infezzjonijiet ikun aktar possibbli li l-pazjenti tingħatalhom il-kura malajr, li min-naħa tagħhom jafu jnaqqsu l-ispiża marbuta mal-perjodi twal ta' żmien fl-isptar. L-UE investiet EUR 1.67 miljun mill-fondi allokati għar-riċerka fil-qasam tal-ICT fil-WOUNDMONITOR u rnexxielha tiżviluppa l-ewwel apparat prototip ta' suċċess.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Kull sajf naraw xeni ta' nies b'feriti gravi kawżati min-nirien domestiċi jew tal-foresti. Permezz tal-fondi tal-UE, it-teknoloġija żviluppata mill-WOUNDMONITOR se tħaffef iż-żmien meħtieġ għad-dijanjosi u se tgħin lit-tobba jippreskrivu aktar malajr il-kura adattata".

Il-maġġor parti tal-każijiet ta' ħruq fl-UE jsiru d-dar jew fuq il-post tax-xogħol u huma aktar predominanti fost il-gruppi vulnerabbli bħall-anzjani jew it-tfal żgħar. Għalhekk, huwa ta' importanza kritika li jkun hemm dijanjosi u kura bikrija tal-infezzjoni f'pazjenti tal-ħruq. Madankollu, minkejja l-progress fil-mediċina moderna, it-testijiet mikrobijoloġiċi jistgħu jdumu sa tliet ijiem sabiex tiġi identifikata l-batterji preżenti fil-ġerħa. It-tobba jistgħu jagħżlu l-kura adattata biss wara li tkun saret din l-identifikazzjoni.

Tradizzjonalment, l-istudenti tal-mediċina kienu mgħallma kif jirrikonoxxu infezzjonijiet tal-batterji mir-riħa karatteristika tagħhom. Dawk li jmexxu l-kliniċi kif ukoll ir-riċerkaturi mill-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja u r-Renju Unit involuti fil-proġett WOUNDMONITOR qegħdin jużaw l-istess metodu iżda kienu megħjuna mill-aħħar teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs).

Ir-riċerkaturi żviluppaw apparat li jista' jidentifika t-tipi ta' batterji mill-ammonti żgħar ta' gassijiet volatili li huma rikonoxxibbli mir-riħa tagħhom. L-esperti l-ewwel identifikaw it-tliet tipi ewlenin ta' batterji: staphylococcus, streptococcus u pseudomonas li jammontaw għal madwar 80 fil-mija tal-infezzjonijiet tal-batterji li jinstabu fil-ħruq. Wara, huma identifikaw il-kimiċi volatili mifruxa mill-batterji meta jimmultiplikaw ruħhom. B'din l-informazzjoni, l-grupp ta' esperti żviluppa apparat - ta' kważi l-istess daqs ta' karta A4 – li għandu tmien sensers tal-gass. It-tendenza fis-sinjali mogħtija mis-sensers tirrappreżenta l-karatteristiċi tal-kimiċi preżenti li, fl-istess waqt, iwasslu għall-indentifikazzjoni tal-batterji.

Dan l-apparat kumpless iżda kompatt ħafna ġie ppruvat fi sptar f'Manchester (UK) kif ukoll fl-Isptar tal-Università Medika ta' Kaunas (il-Litwanja). Ir-riżultati kienu sodisfaċenti ħafna u r-riċerkaturi vvalutaw b'mod pożittiv il-livell ta' riskju tal-apparat. Bosta kumpaniji kummerċjali diġà wrew interess fl-apparat WOUNDMONITOR u bħalissa għaddejjin in-negozjati sabiex jikkwalifikaw l-apparat għall-użu kummerċjali.

L-UE ffinanzjat il-proġett b'EUR 1.67 miljun mis-Sitt Programm Qafas (is-6 FWP) għar-Riċerka.

Għal iktar dettalji dwar il-proġett WOUNDMONITOR, ara:

http://www.woundmonitor.manchester.ac.uk/index.html

Iktar stejjer ta' suċċess dwar ir-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni ffinanzjata mill-UE se jkunu ppreżentati waqt l-ICT 2010, l-ikbar avveniment Ewropew dwar ir-riċerka fil-qasam tal-ICT li se jsir fi Brussell mis-27 sad-29 ta' Settembru 2010. Il-ġurnalisti jistgħu jattendu wara li jirreġistraw fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/information_society/events/ict/2010/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website