Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Lejn eżenzjoni sħiħa mill-viża għal permanenza qasira għal ċittadini Ewropej li jmorru l-Brażil

Commission Européenne - IP/10/1040   06/08/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE EL ET LV

IP/10/1040

Brussell, il-6 ta’ Awwissu 2010

Lejn eżenzjoni sħiħa mill-viża għal permanenza qasira għal ċittadini Ewropej li jmorru l-Brażil

Illum il-Kummissjoni adottat abbozz ta' deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' ftehimiet mal-Brażil dwar l-eżenzjoni sħiħa mill-viża għal permanenza qasira għad-detenturi ta' passaporti ordinarji u għal dawk ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz jew uffiċjali. Ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Brażil u pajjiżi tal-UE ser jibqgħu fis-seħħ.

"Ladarba dawn il-ftehimiet jidħlu fis-seħħ, huma ser ikollhom impatt pożittiv reali fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna, speċjalment iċ-ċittadini ta' Malta, l-Estonja, Ċipru u l-Latvja li sa issa għad għandhom bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn il-Brażil", qalet Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni tal-UE. Il-Kummissjoni ser tagħmel kull sforz sabiex tippermetti l-iffirmar u r-ratifikazzjoni ta' dawn il-ftehimiet fl-ewwel okkażjoni possibbli."

Il-ftehimiet għall-eżenzjoni mill-viża UE-Brażil ser jagħtu aċċess reċiproku għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini kollha Brażiljani u tal-UE, inklużi persuni li għandhom in-nazzjonalità tal-erba' Stati Membri (Malta, l-Estonja, Ċipru u l-Latvja) li fil-preżent ma jgawdux minn vjaġġar ħieles mill-viża lejn il-Brażil.

Il-ftehim għad-detenturi ta' passaport ordinarju jkopri l-ivvjaġġar għall-għanjijiet turistiċi u ta' negozju. Fl-istess ħin jipprovdi li l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn il-Brażil u l-Istati Membri li jinkludu kategoriji mhux koperti mill-ftehim UE-Brażil jibqgħu japplikaw. B'dan il-mod ċittadini tal-UE li jixtiequ jivvjaġġaw għal raġunijiet għajr turiżmu u negozju ser ikomplu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-viża skont dawn il-ftehimiet bilaterali.

L-adozzjoni tal-proposti tal-lum ifissru pass ieħor importanti lejn il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet għall-eżenzjoni mill-viża għal permanenzi qosra bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil. Ladarba il-ftehimiet ikunu konklużi, iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża għall-Brażil, b'hekk tintemm il-kwistjoni fit-tul tan-nuqqas ta' reċiproċità bejn il-Brażil u erba' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar iridu jkunu approvati mill-Kunsill, li jagħti s-setgħa għall-iffirmar taż-żewġ ftehimiet lill-partijiet kontraenti.

Sfond

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, ċittadini Brażiljani jistgħu jivvjaġaw lejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea mingħajr ħtieġa ta' viża għal permanenzi qosra. Dan għandu jkun reċiprokat mill-Brażil. Madanakollu l-pajjiż għadu jitlob viża mill-persuni bin-nazzjonalità ta' erba' Stati Membri: l-Estonja, Ċipru, Malta u l-Latvja.

Għal raġunijiet kostituzzjonali, il-Brażil ma jistax jagħti eżenzjoni mill-viża għal dawn l-Istati Membri unilateralment, għalhekk huwa neċessarju li jkun konkluż ftehim għall-eżenzjoni mill-viża biex ikun ratifikat mill-Parlamet tiegħu.

Il-Brażil għandu ftehimiet bilaterali dwar eżenzjoni mill-viża mal-Istati Membri, ħlief ma' dawk l-erbgħa kkonċernati. Dawn il-ftehimiet bilaterali jvarjaw ħafna minn xulxin fir-rigward tal-ambitu personali tal-applikazzjoni tagħhom (jiġifieri, fir-rigward tal-kategoriji tal-persuni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-viża).

Min-natura tal-politika komuni dwar il-viża u l-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam joħroġ illi l-Unjoni biss tista' tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta' eżenzjoni mill-viża, u mhux l-Istati Membri individwali. Għalhekk, fit-18 ta' April 2008, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex titfaħ negozjati dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta' eżenzjoni mill-viża għal permanenzi qosra bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil. In-negozjati bdew fit-2 ta' Lulju 2008.

Matul in-negozjati, il-Partijiet Kontraenti qablu li jikkonkludu żewġ ftehimiet separati: wieħed fuq id-detenturi ta' passaport ordinarju u ieħor għad-detenturi ta' passaport diplomatiku u ta' servizz, (dan tal-aħħar ma għandux bżonn ikun ratifikat mill-kungress Brażiljan, għalhekk ir-ratifikazzjoni tista' tipproċedi iktar malajr u separatament mill-ftehim dwar id-detenturi ta' passaport ordinarju).

Fl-aħħar sessjoni ta' negozjati, li saret fi Brasilia mid-29 ta' Settembru sal-1 ta' Ottubru 2009, it-test tal-ftehim għall-eżenzjoni mill-viża għal permanenza qasira għad-detenturi ta' passaport ordinarju bejn l-UE u l-Brażil seta' jkun iffinalizzat u għalhekk in-negozjati kienu konklużi. In-negozjati fir-rigward tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi u ta' servizz kienu ffinalizzati fl-aħħar tal-2009.

L-inizjalar formali taż-żewġ ftehimiet sar nhar it-28 ta' April 2010.

Il-ftehim għall-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta' passaport ordinarju jżomm il-ftehimiet bilaterali, sa fejn jistabbilixxu vjaġġar ħieles mill-viża għall-kategoriji ta' persuni mhux koperti mill-ftehim tal-UE-Brażil. L-Unjoni Ewropea tista' tissospendi l-ftehim jekk il-Brażil jibda jiddenunzja l-ftehimiet bilaterali eżistenti.

Tul ta’ permanenza

Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma applikawx ir-regoli ta' Schengen b’mod sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni, l-eżenzjoni mill-viża tagħti dritt liċ-ċittadini tal-Brażil biex jibqgħu għal tliet xhur fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija), indipendentament mill-perjodu kkalkulat għaż-żona sħiħa ta’ Schengen .

It-tul tal-permanenza huwa llimitat mill-ftehim għal tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur fiż-żona Schengen. Għalhekk, dan il-ftehim jagħlaq il-possibbiltà mogħtija lil persuni ta' nazzjonalità Brażiljana mill-ftehimiet bilaterali li jakkumulaw il-permanenzi ta' tliet xhur għal kull Stat Membru fiż-żona Schengen.

Il-kontenut finali tal-ftehim għall-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta' passaport diplomatiku, ta' servizz jew uffiċjali huwa simili bl-eċċezzjoni li japplika għal kull tip ta' vjaġġar.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site