Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1035

Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2010

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE: daħlet fis-seħħ kooperazzjoni msaħħa biex tgħin lill-koppji internazzjonali

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE l-Istati Membri qed jużaw il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa biex jagħtu spinta lir-regoli li jippermettu lil koppji internazzjonali jagħżlu l-pajjiż li l-liġi tiegħu għandha tapplika għad-divorzju tagħhom. Id-deċiżjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa, li ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea ħames xhur ilu, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-22 ta' Lulju. Il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lil grupp ta’ minn tal-anqas disa’ pajjiżi jimplimenta miżuri jekk is-27 Stati Membri kollha ma jirnexxilhomx jaslu għal ftehim. F’dan il-każ tippermetti lil 14-il pajjiż tal-UE li jimxu ’l quddiem flimkien b'Regolament li se jagħti lill-koppji ċertezza legali u jevita "tellieqa għall-qorti” fil-każ ta’ divorzju u b’hekk jevita proċedimenti li huma ta’ piż kemm emozzjonali u kif ukoll finanzjarju. Ir-Regolament issa jrid jiġi approvat matul laqgħa imminenti tal-Kunsill mill-14-il pajjiż qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ. Il-proċedura tapplika għall-14-il pajjiż parteċipanti tal-UE, iżda jistgħu jissieħbu oħrajn fi kwalunkwe żmien.

"Dan l-ewwel użu tal-kooperazzjoni msaħħa huwa pass kbir ’il quddiem lejn UE li taħdem għaċ-ċittadini tagħha. L-imħabba la tirrikonoxxi fruntieri u lanqas nazzjonalitajiet. Ir-riżultat huwa li bosta koppji internazzjonali jeħtieġu ċertezza legali dwar ir-regoli li japplikaw għas-sitwazzjoni tagħhom," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. Hemm min esprima biżgħat li l-użu tal-kooperazzjoni msaħħa jista' jkun it-tmiem tal-integrazzjoni Ewropea kif nafuha aħna. Iżda jien ma għandi l-ebda dubju li dal-preċedent se japprofondixxi l-integrazzjoni Ewropea. Mijiet ta’ eluf ta’ koppji internazzjonali se jgawdu mir-regoli l-ġodda. Peress li l-proposta preċedenti kienet ilha imblukkata fil-livell tal-istituzzjonijiet għal ħames snin, wieħed jista’ jistqarr mingħajr riskju li l-UE issa għandha l-mezzi biex tpoġġi l-leġiżlazzjoni importanti fuq rotta aċċellerata."

Il-gvernijiet tal-UE adottaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fit-12 ta’ Lulju 2010 (IP/10/917). Din ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-22 ta' Lulju. L-14-il pajjiż parteċipanti (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) issa se jinnegozjaw u mbagħad jivvotaw dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jkun fih ir-regoli dettaljati li se japplikaw għal divorzji internazzjonali. L-14-il pajjiż iridu japprovaw b'mod unanimu r-Regolament u jikkonsultaw il-Parlament Ewropew qabel ma dan ikun jista’ jidħol fis-seħħ.

Il-proposta għandha l-għan li tħares is-sieħeb l-iktar dgħajjef fi proċeduri ta’ divorzju. Il-koppji internazzjonali se jkunu jistgħu jaqblu dwar liema liġi tapplika għad-divorzju jew is-separazzjoni legali tagħhom. Fil-każ li l-koppja ma tkunx tista' taqbel, l-imħallfin se jkollhom metodu komuni biex jiddeċiedu l-liġi ta’ liema pajjiż tapplika. Il-koppji se jkollhom iktar ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà. Dan għandu jgħin biex jipproteġi l-konjuġi u t-tfal tagħhom minn proċeduri kkumplikati, twal u diffiċli.

Is-soluzzjoni l-ġdida se tgħin lill-koppji b’nazzjonalitajiet differenti, lil dawk li jgħixu mifruda f'pajjiżi differenti kif ukoll dawk li jgħixu flimkien f'pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE hija ċara: Kien hemm iktar minn miljun divorzju fis-27 Stat Membru fl-2007, li minnhom 140,000 (13%) kellhom element "internazzjonali".

Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-miżura ta' kooperazzjoni msaħħa fis-16 ta' Ġunju 2010 (IP/10/747). Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE approvawha fl-4 ta' Ġunju (MEMO/10/236).

Il-Kummissjoni pproponiet il-miżura fl-24 ta' Marzu 2010 (IP/10/347) bi tweġiba għal talba minn disa' Stati Membri li kienu frustrati bin-nuqqas tal-Kunsill li jimxi ’il quddiem fuq proposta tal-Kummissjoni tal-2006 (għall-bidu l-Greċja kienet parti mill-pjan iżda iktar tard hija rtirat it-talba tagħha). Ħames pajjiżi addizzjonali – il-Ġermanja, il-Belġju, il-Latvja, Malta u l-Portugall – imbagħad talbu li jsiru parti mill-azzjoni tal-UE (IP/10/628).

Dawk il-pajjiżi l-oħra li jkunu jixtiequ jipparteċipaw jistgħu jagħmlu dan f'kull żmien. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, huma jridu l-ewwel jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Sfond

Skont it-Trattati tal-UE, il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti lil disa' pajjiżi jew aktar biex jimxu ’l quddiem fuq miżura li hija importanti, iżda li tkun imblukkata minn minoranza żgħira ta' Stati Membri. Pajjiżi oħra tal-UE jżommu d-dritt li jissieħbu meta jridu (l-Artikolu 331, Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

Il-Kummissjoni l-ewwel ipproponiet li tgħin lil koppji internazzjonali fl-2006, iżda l-pjan ma kellux l-appoġġ unanimu meħtieġ mill-gvernijiet tal-UE. Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda effett fuq il-liġijiet nazzjonali dwar id-divorzju jew dwar iż-żwieġ.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/10/100

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tinsab fuq:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2010:189:0012:0013:MT:PDF

Il-proposti tal-Kummissjoni huma disponibbli fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/doc/com_2010_105_en.pdf

Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site