Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom jirċievu benefiċċji tal-maternità u tal-pensjoni skont il-liġi l-ġdida tal-UE

Commission Européenne - IP/10/1029   04/08/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1029

Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2010

Il-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom jirċievu benefiċċji tal-maternità u tal-pensjoni skont il-liġi l-ġdida tal-UE

Il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-imsieħba tagħhom se jgawdu minn protezzjoni soċjali aħjar – inkluż id-dritt għal-lif tal-maternità għall-ewwel darba – skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE li għandha tidħol fis-seħħ illum. Id-Direttiva dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi li jgħinuhom (id-Direttiva 2010/41/UE) tħassar u tieħu post il-liġi preċedenti (id-Direttiva 86/613/KEE) u ttejjeb id-drittijiet ta' protezzjoni soċjali ta' miljuni ta' nisa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li ssaħħaħ l-intraprendenza tan-nisa. Bħalissa wieħed biss minn kull tliet imprendituri huwa mara.

"Permezz tad-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi l-ġdida, l-Ewropa se tieħu pass importanti 'l quddiem f'termini ta' żieda fil-protezzjoni soċjali u ta' għoti ta' drittijiet ekonomiċi u soċjali ndaqs għall-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom, u l-imsieħba tagħhom," qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Il-liġi Ewropea l-ġdida tiżgura, b'mod konkret, ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fid-dinja tax-xogħol, billi tippromwovi l-intraprendenza tan-nisa u billi tippermetti lin-nisa li jaħdmu għal rashom li jgawdu minn protezzjoni ta' sigurtà soċjali aħjar. Nistieden lill-Istati Membri kollha biex jibdew jimplimentaw id-Direttiva mill-aktar fis sabiex iċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jaraw il-benefiċċji fil-ħajja tagħhom ta' kuljum."

Il-Parlament Ewropew approva l-leġiżlazzjoni fit-18 ta' Mejju u l-Istati Membri tal-UE approvawha fis-7 ta' Ġunju (IP/10/699). Hija ttejjeb b'mod konsiderevoli l-protezzjoni tan-nisa li jaħdmu għal rashom u tal-konjuġi li jgħinuhom jew tal-imsieħba għall-ħajja ta' persuni li jaħdmu għal rashom, partikolarment ukoll f'każ ta' maternità. Huma jingħataw benefiċċju tal-maternità u lif ta' mill-anqas 14-il ġimgħa, jekk dawn jagħżlu li jieħduh. Fil-livell tal-UE, din hija l-ewwel darba li qed jingħata l-benefiċċju tal-maternità lill-persuni li jaħdmu għal rashom.

Ir-regoli l-ġodda se jservu biex jinkoraġġixxu l-intraprendenza f'sens ġenerali u partikolarment fost in-nisa. Bħalissa hemm differenza kbira bejn is-sessi f'dan il-qasam – 30% biss mill-imprendituri fl-Ewropa huma nisa.

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni dwar il-protezzjoni soċjali għall-konjuġi ta' għajnuna u l-imsieħba għall-ħajja (irrikonoxxuti bħala tali fil-liġi nazzjonali) hija wkoll kkunsidrata bħala avvanz konsiderevoli mid-Direttiva tal-1986. Huma se jkollhom id-dritt għall-kopertura tas-sigurtà soċjali (bħal pereżempju l-pensjonijiet) fuq l-istess bażi tal-persuni li jaħdmu għal rashom b'mod formali, jekk l-Istat Membru joffri tali protezzjoni lill-persuni li jaħdmu għal rashom. Dan se jkun jista' jipprovdi sistema ta' protezzjoni soċjali aktar b'saħħitha u jipprevjeni li n-nisa jaqgħu fil-faqar.

Fi żmien sentejn, l-Istati Membri tal-UE għandhom jintroduċu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Huwa biss f'każ ta' diffikultà partikolari li dan il-perjodu jista' jiġi estiż għal sentejn oħra sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-konjuġi ta' għajnuna.

Sfond

L-impjieg indipendenti huwa forma ta' impjieg sinifikanti – minkejja li f'minoranza – fl-Ewropa, li jirrappreżenta madwar 16% tal-popolazzjoni attiva.

Madwar 11% tal-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Ewropa joqogħdu fuq l-għajnuna tal-konjuġi u tas-sieħba tagħhom li jaħdmu fuq bażi informali f'negozji żgħar tal-familja, bħal pereżempju f'impriżi agrikoli jew f'xi klinika ta' tabib lokali. Tradizzjonalment, dawn il-konjuġi ta' għajnuna jiddependu kompletament fuq is-sieħba tagħhom li jaħdmu għal rashom. B'dan il-mod, huma jinsabu f'riskju kbir li jaqgħu fil-faqar f'każ ta' divorzju jew f'każ li jmutu jew li jfallu s-sieħba tagħhom.

Fir-rigward tal-impjegati, riċentement l-UE adottat Direttiva ġdida sabiex ittejjeb id-dritt għal-lif tal-paternità (IP/09/1854) u l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva riveduta dwar il-lif tal-maternità qiegħda bħalissa fl-ewwel qari tagħha mill-Parlament Ewropew (ara wkoll IP/08/1450).

Aktar tagħrif

Id-Direttiva dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu għal rashom:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2010:180:0001:0006:MT:PDF

Il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=418

In-nisa u l-intraprendenza:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/promoting-entrepreneurship/women/portal/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site