Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/969

Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2009

Il-Ġimgħa l-Ħadra 2009: it-Tibdil fil-Klima – aġixxi u adatta

Bil-finalizzazzjoni ta’ ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima li mistenni jintlaħaq f’Diċembru fil-konferenza ta’ Kopenħagen, it-tibdil fil-klima huwa l-qofol naturali għall-konferenza tal-Kummissjoni fil-Ġimgħa l-Ħadra 2009, li se ssir mit-23 sas-26 ta’ Ġunju fil-Binja Charlemagne fi Brussell. Bl-għajta ‘aġixxi u adatta’, il-Ġimgħa l-Ħadra, l-akbar konferenza annwali ddedikata għall-politika ambjentali tal-Ewropa, sejra teżamina l-ħafna wċuħ tal-isfidi biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE u tad-dinja u nadattaw għat-tibdil fil-klima li diġà jinsab għaddej. Tmienja mis-sessjonijiet tal-konferenza sejrin ukoll jippruvaw joħolqu viżjoni realistika ta’ kif tista’ tkun fl-2050 dinja b’użu baxx tal-karbonju. Aktar minn 4 000 parteċipant mill-Ewropa u lil hinn minnha mistennija jattendu l-avveniment ta’ tlett ijiem. Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso sejjer jagħmel id-diskors ewlieni fis-sessjoni tal-għeluq fis-26 ta’ Ġunju, li sejra tagħti ħarsa ’l quddiem lejn il-prospetti għall-ftehim ta’ Kopenħagen.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: “Bit-tqarrib tal-konferenza ta’ Kopenħagen, l-2009 għandha l-potenzjal li titniżżel fl-istorja bħala l-punt fejn bdiet tintrebaħ it-taqbida biex it-tibdil fil-klima ma nħalluhx jilħaq livelli perikolużi u jikkawża miżerja umana fuq skala vasta. Il-programm komprensiv tal-Ġimgħa l-Ħadra sejjer iħalli lill-parteċipanti jaqsmu l-għarfien dwar firxa wiesgħa ta’ aspetti tal-isfida klimatika li jeħtieġ li jittrattawhom issa dawk li jagħmlu l-politika, l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ġenerali.

Erba’ temi, 36 sessjoni

Il-konferenza tal-Ġimgħa l-Ħadra u l-wirja assoċjata magħha, li issa laħqu d-disa’ sena tagħhom, huma stabbiliti bħala forum annwali ewlieni għad-djalogu u l-qsim tal-esperjenzi, l-għarfien espert u l-aħjar prassi dwar il-ħarsien tal-ambjent.

Il-Ġimgħa l-Ħadra tlaqqa’ flimkien parteċipanti minn livelli differenti ta’ gvernijiet, istituzzjonijiet internazzjonali, negozji, organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet xjentifiċi u akkademiċi. L-għan huwa li niddiskutu l-aktar modi effikaċi għall-ħarsien u t-titjib tal-ambjent tal-Ewropa, għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni. L-avveniment huwa miftuħ għall-parteċipanti kollha, bla ħlas. Sal-lum irreġistraw aktar minn 4 000 parteċipant.

Il-Ġimgħa l-Ħadra 2009 t-titbdil fil-klima teżaminah minn erba’ lati: Il-politiki tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; id-dimensjoni internazzjonali; kif ngħixu mat-tibdil fil-klima; u l-‘viżjoni 2050: soċjetà bla karbonju’. Il-programm jinkludi 36 sessjoni tal-konferenza, uħud minnhom organizzati fi sħubija mal-maħseb Friends of Europe, ibbażat fi Brussell, flimkien ma għadd żgħir ta’ sessjonijiet perfierali addizzjonali.

L-ispettru wiesa’ ta’ kwistjonijiet li se jkunu koperti jinkludu l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, l-impatt tat-tibdil fil-kima fuq l-impiegi u l-koeżjoni soċjali, kif il-bijodiversità tista’ tadatta għat-tibdil fil-klima, it-‘tħaddir’ tal-ekonomija, l-isfida għall-agrikoltura, id-dimensjoni tas-sigurtà internazzjonali u l-aħħar żviluppi fil-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

Il-Kummissarju Dimas se jindirizza s-sessjoni għolja tal-ftuħ, kif ukoll is-sessjoni tal-għeluq li sejra tiffoka fuq it-‘Triq lejn Kopenħagen’. Minbarra l-President Barroso, il-kelliema l-oħra fis-sessjoni tal-għeluq se jkunu l-Ministru Żvediż tal-Ambjent Andreas Carlgren u l-Professur Wang Yi tal-Akkademja tax-Xjenzi taċ-Ċina.

Fost il-kelliema l-oħra fil-Ġimgħa l-Ħadra 2009 hemm:

  • Ladislav Miko, il-Ministru tal-Ambjent tar-Repubblika Ċeka

  • L-Eċċellenza Tiegħu Mickey Joy, l-Ambaxxatur ta’ Vanuatu

  • L-Eċċellenza Tagħha Joy Grant, l-Ambaxxatur tal-Belize

  • Festus Mogae, il-Mibgħut Speċjai tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima

  • Il-Prof. Jean-Pascal van Ypersele, Viċi President tal-Bord Intergovernattiv tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima

  • Tony Long, Direttur, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Politika tad-WWF

  • Steve Fludder, Viċi President, GE Ecomagination

  • Jeff McNeely, Xjenzat Kap, International Union for the Conservation of Nature

  • Ray Hammond, awtur u studjuż tal-ġejjieni

Is-sessjonijiet kollha se jixxandru live fuq il-websajt tal-Ġimgħa l-Ħadra fis-sit:

http://ec.europa.eu/environment/greenweek/home.html .

Premjijiet LIFE u avvenimenti ta’ filgħaxija

Fl-24 ta’ Ġunju, mis-14:00 sal-16:00, l-aħjar ħames proġetti LIFE-Environment “Best of the Best” għall-2008-2009 u l-aħjar ħames proġetti LIFE-Nature "Best of the Best" għall-2007-2008 se jkunu ppreżentati u jingħataw il-premjijiet. Il-proġetti rebbieħa LIFE-Environment huma mid-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Italja (2) u r-Renju Unit, filwaqt li l-proġetti LIFE-Nature huma minn Spanja, il-Finlandja (2), l-Ungerija u l-Greċja.

Aktar tagħrif dwar il-proġetti jingħata fis-siti:

http://ec.europa.eu/environment/life/bestprojects/best2008-2009/index.htm (LIFE-Environment)

http://ec.europa.eu/environment/life/bestprojects/bestnat2007-2008/index.htm ( LIFE-Nature)

Se jkun hemm ukoll avvenimenti kull filgħaxija matul il-Ġimgħa l-Ħadra, inkluża t-turija tal-film ġdid dwar it-tibdil fil-klima The Age of Stupid .

Konferenzi għall-Istampa

Il-Kummissarju Dimas u l-Ministru Miko sejrin jagħmlu konferenza għall-istampa flimkien fit-23 ta’ Ġunju fin-12:30, fil-kamra tal-istampa fil-Berlaymont.

l-Kummissarju Dimas u l-Ministru Carlgren sejrin jagħmlu konferenza għall-istampa flimkien fis-26 ta’ Ġunju fid-09:15, fis-Salon Rouge tal-Binja Charlemagne.

Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-parteċipanti kollha, inklużi l-ġurnalisti akkreditati għall-istituzzjonjiet tal-UE, se jeħtieġ li jkollhom baġġ tal-Ġimgħa l-Ħadra biex jitħallew jidħlu fil-Binja Charlemagne. Tista’ tirreġistra mal-wasla fil-konferenza, jew inkella bil-quddiem (il-metodu rrakkomandat) permezz tal-internet:

https://gw09.regware.be/

Aktar tagħrif:

Il-programm sħiħ tal-Ġimgħa l-Ħadra u r-Rokna tal-Istampa

http://ec.europa.eu/environment/greenweek/home.html


Side Bar