Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/936

Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2009

Tajani: Niffurmaw il-politika tat-trasport għall-futur

Proċess ta’ riflessjoni mniedi mill-Kummissjoni Ewropea, li kien jinvolvi lill-partijiet interessati u l-esperti tat-trasport, identifika sitt xejriet u sfidi ewlenin li se jiffurmaw il-futur tal-politika tat-trasport matul id-deċennji ta’ snin li ġejjin – it-tixjiħ, il-migrazzjoni u l-mobilità interna, sfidi ambjentali, id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-enerġija, l-urbanizzazzjoni u l-globalizzazzjoni. Dan juri l-ħtieġa li niffokaw il-politika Ewropea tat-trasport tal-futur fuq it-tfittxija ta' sistema tat-trasport li tkun integrata, ibbażata fuq it-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment Bl-adozzjoni tal-lum tal-Komunikazzjoni dwar il-futur tat-trasport 1 , il-Kummissjoni Ewropea trid tkompli tistimula d-dibattitu li jimmira lejn l-identifikazzjoni ta’ proposti politiċi konkreti għall-White Paper li jmiss dwar it-Trasport, prevista għall-2010.

“It-trasport kien u se jibqa’ komponent essenzjali tal-ħajja ta’ kulj um. Ikkontribwixxa sostanzjalment għall-iżvilupp, l-integrazzjoni u t-tkabbir tas-suq intern b’benefiċċji tanġibbli għall-ekonomija Ewropea. Il-politika Ewropea tat-trasport għolliet ukoll l-istandards għas-settur bħal pereżempju kundizzjonijiet imtejba tax-xogħol, kundizzjonijiet b’sikurezza u sigurtà ogħla kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri. Nemmen li wasal iż-żmien li din il-politika nagħtuha spinta ’l quddiem. L-ewwel nett billi nkomplu nintegraw modi differenti tat-trasport, billi nqiegħdu l-UE fuq quddiem nett tas-servizzi u t-teknoloġiji tat-trasport u t-tielet nett billi niffurmaw din il-politika għat-trasport tal-futur fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet kemm tal-utenti tat-trasport kif ukoll tal-ħaddiema,” qal il-Viċi president Antonio Tajani, responsabbli għat-trasport.

Fl-2001, il-Kummissjoni ħarġet White Paper, b'aġġornament fl-2006, dwar aġenda għall-politika tat-trasport sal-2010. Il-Komunikazzjoni adottata llum hija segwitu għall-White Paper u tiddefinixxi viżjoni għall-futur tat-trasport u l-mobilità sal-2020, li tqis xenarji li possibbilment jistgħu jirriżultaw deċennji ta’ snin wara dik id-data.

Il-politiki tat-trasport għall-għaxar snin li ġejjin għandhom ikunu bbażati fuq riflessjoni wiesgħa dwar il-futur tas-sistema tat-trasp ort. Il-Kummissjoni kkummissjonat studji esterni dwar l-evalwazzjoni ta’ politiki tal-imgħoddi u xenarji tal-futur u kkonsultat mal-esperti u l-partijiet interessati permezz ta’ Gruppi ta’ Fokus speċjalizzati u permezz ta’ Konferenza tal-Partijiet Interessati fuq Livell Għoli, li saret fid-9-10 ta' Marzu 2009.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni huma:

  • Il-Politika Ewropea tat-Trasport għenet fil-forniment ta' sistema effiċjenti tal-mobilità għan-nies u n-negozji fl-UE. Issa għandha quddiemha l-kompitu li tiżgura li din il-mobilità tista’ tkun sostnuta fil-futur.

  • Is-sostenibbiltà ambjentali, it-tixjiħ, il-migrazzjoni, l-iskarsezza tal-fjuwils fossili, l-urbanizzazzjoni u l-globalizzazzjoni huma tendenzi ewlenin fis-soċjetà tagħna u se jkunu ta’ sfida għas-sistema tagħna ta' mobilità.

  • L-aċċelerazzjoni tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u l-integrazzjoni sħiħa tal-modi differenti tat-trasport hija kruċjali biex dawk l-isfidi jintlaħqu. Dan huwa l-kuntest li fih l-utenti u l-impjegati tat-trasport, bil-ħtiġijiet u d-drittijiet tagħhom, jinżammu dejjem fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika.

  • Huwa importanti li l-projezzjoni esterna tal-Politika Ewropea tat-Trasport titmexxa ’l quddiem bħala mezz sabiex jiġu żgurati kemm aktar integrazzjoni mal-pajjiżi ġirien kif ukoll il-promozzjoni tal-interessi ekonomiċi u ambjentali tal-Ewropa fil-kuntest globali.

Il-Komunikazzjoni ma tinkludix programm dettaljat ta’ miżuri ta’ politika imma minflok tipprova tidentifika viżjoni strateġika għall-futur tat-trasport. Il-viżjoni u l-ideat li tressaq huma maħsuba biex jistimulaw aktar dibattitu maħsub biex jiġu identifikati għażliet possibbli ta’ politika. Is-sena d-dieħla dan ix-xogħol huwa mistenni jagħti lok għall-formulazzjoni ta’ proposti konkreti ta’ politika u għall-adozzjoni sussegwenti ta’ White Paper.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-partijiet kollha interessati sabiex jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju billi jissottomettu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-futur tat-trasport u dwar għażliet politiċi possibbli billi jibagħtuhom fl-indirizz elettroniku: tren-future-of-transport@ec.europa.eu sat-30 ta’ Settembru 2009.

1 :

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI – Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site