IP/09/92
Brussell, it-22 ta' Jannar 2009
Meta kkummentaw dwar dawn ir-rapporti, il-Kummissarju tal-UE għax-Xjenza u r-Riċerka Janez Potočnik, u l-Viċi President Günter Verheugen, responsabbli għall-politika tal-intrapriża u l-industrija, qalu: "Fi żmien ta' kriżi mhuwiex il-waqt li wieħed jieħu pawża mill-investimenti fir-riċerka u mill-innovazzjoni. Dawn huma vitali jekk l-Ewropa trid toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi ekonomika u jekk trid tindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tal-globalizzazzjoni. L-UE għandha ħafna kwalitajiet, speċjalment żona Eweropea ta' riċerka dejjem iżjed attraenti u prestazzjoni fl-innovazzjoni li qed dejjem titjieb. Imma għad baqa' x'isir, l-aktar fir-rigward tal-investiment relattivament baxx mill-impriżi. L-inzijattivi tal-Kummissjoni bil-għan li jtejbu l-effikaċja tar-riċerka fl-UE, jistimulaw l-innovazzjoni u jiżviluppaw swieq għat-teknoloġija avvanzata lill-UE qed iqabbduha t-triq it-tajba".
Is-sejbiet prinċipali tar-Rapport tal-2008 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività juru li
1. Ir-riċerka hija fattur ewlieni tal-kompetizzjoni f'dinja globalizzata.
Tfaċċaw atturi importanti fix-Xjenza u t-Teknoloġija, speċjalment fl-Asja. L-għarfien qiegħed kull ma jmur dejjem jinfirex ma' kullimkien, b'sehem l-UE issa jgħodd anqas minn 25 %. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka jeħtiġilha ssir aktar attraenti, miftuħa u kompetittiva fix-xena internazzjonali.
2. L-intensità totali tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-UE qed tistaġna, iżda dan jaħbi d-diversità fil-livell nazzjonali.
L-Istati Membri kollha tal-UE żiedu n-nefqa tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp bejn 2000 u 2006, fatt li jixhed l-impenn tagħhom lejn l-istrateġija ta' Liżbona. Madankollu, il-PGD żdied bl-istess rata ta' tkabbir matul dak il-perjodu, li fisser li mill-2005 l-intensità tar-Riċerka u l-Iżvilupp baqgħet ta' madwar 1.84 %[1]. Bejn l-2000 u l-2006, 17-il Stat Membru, l-aktar dawk li għadhom qed jippruvaw jilħqu 'l dawk aktar avvanzati, żiedu l-intensità tagħhom tar-Riċerka u l-Iżvilupp, iżda 10, li jirrapreżentaw 47 % tal-PGD tal-UE, raw tnaqqis fl-intensitajiet tagħhom tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-Ġappun żied l-intensità tiegħu tar-Riċerka u l-Iżvilupp minn 3.04 % għal 3.39 %, il-Korea minn 2.39 % għal 3.23 % u ċ-Ċina qed tilħaqhom malajr, b'żieda minn 0.90 % għal 1.42 %.
3. L-intensità tal-Investiment mis-Settur Privat għadha baxxa wisq.
Ir-raġuni prinċipali għad-differenza fl-intensità tar-Riċerka u l-Izvilupp bejn l-UE u l-kompetituri tagħha hija d-differenza fil-finanzjament tar-Riċerka u l-Iżvilupp mis-settur tan-negozju, li bejn l-2000 u l-2005 fl-UE naqas filwaqt li żdied sostanzjalment fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u fiċ-Ċina. Dan huwa l-aktar minħabba li l-industrija tat-teknoloġija avvanzata, fejn issir ħafna riċerka, hija iżgħar fl-UE. Il-ħolqien ta' ekonomija msejsa prinċipalment fuq l-għarfien teħtieġ tibdiliet strutturali lejn intensitajiet għola tar-Riċerka u l-Iżvilupp fi ħdan setturi tat-teknoloġija avvanzata u sehem akbar fl-ekonomija tal-UE mill-istess setturi. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet ta' qafas li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-SMEs li qed jikbru b'rata mgħaġġla fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata, l-iżvilupp ta' swieq miftuħa għall-innovazzjoni fl-Ewropa u aċċess irħas għall-ħruġ ta’ brevetti fl-UE kollha kemm hi.
4. L-eċċellenza fir-riċerka: għadd dejjem jikber ta' riċerkaturi, kapaċità tal-isfruttament tal-għarfien li għadha iżgħar minn tal-kompetitturi.
Mis-sena 2000, l-għadd ta' riċerkaruri fl-UE kiber b'rata darbtejn akbar minn dik li kiber biha fl-Istati Uniti u l-Ġappun, anki jekk il-proporzjon ta' riċerkaturi fost il-ħaddiema għadu inqas. Fejn jidħol l-impatt tar-riċerka, l-UE għadha tgħodd bħal l-akbar produttur fid-dinja ta' għarfien xjentifiku (abbażi tal-pubblikazzjonijiet), iżda tikkontribwixxi inqas pubblikazzjonijiet b'impatt qawwi mill-Istati Uniti.
5. Attrazzjoni akbar għall-investiment barrani u għall-professjonisti tax-Xjenza u t-Teknoloġija.
L-UE qed tiġbed sehem dejjem akbar ta' investimenti privati fir-Riċerka u l-Iżvilupp mill-Istati Uniti minkejja l-qawmien tal-Asja bħala post ġdid għar-Riċerka u l-Izvilupp. Fl-2005, l-affiljati mill-Istati Uniti għamlu 62.5 % tal-investimenti tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-UE, filwaqt li fiċ-Ċina għamlu biss 3.3 %. Qed tiġbed ukoll għadd dejjem akbar ta' professjonisti tax-Xjenza u t-Teknoloġija minn pajjiżi terzi.
Għal aktar tagħrif:
Ir-rapport sħiħ tal-2008 biċ-ċifri ewlenin tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività:
http://ec.europa.eu/research/era/
It-Tabella tar-Riżultati tal-Innovazzjoni tal-2008:
http://www.proinno-europe.eu/metrics
Ara wkoll MEMO/09/19 + IP/09/112 + MEMO/09/18
[1] Ċifri proviżorji għall-2007: 1.83%