Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-effettività tal-għalliema titfixkel min-nuqqas ta’ inċentivi u minn imġiba ħażina fil-klassi

Commission Européenne - IP/09/926   16/06/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/ 926

Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2009

L-effettività tal-għalliema titfixkel min-nuqqas ta’ inċentivi u minn imġiba ħażina fil-klassi

Tlieta minn kull erba’ għalliema jħossu li huma neqsin mill-inċentivi biex itejbu l-kwalità tat-tagħlim tagħhom, filwaqt li l-imġiba ħażina mill-istudenti fil-klassi ttellef il-lezzjonijiet fi tlieta minn ħames skejjel, skont rapport ġdid tal-OECD mħejji bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport huwa bbażat fuq l-Istħarriġ il-ġdid Internazzjonali dwar it-Tagħlim (TALIS) u jipprovdi, għall-ewwel darba, dejta komparabbli internazzjonalment dwar kundizzjonijiet li jaffettwaw lill-għalliema fl-iskejjel ibbażata fuq ir-riżultati tal-istħarriġ fi tlieta u għoxrin pajjiż parteċipant.

Huwa u jniedi r-rapport, is-Segretarju Ġenerali tal-OECD Angel Gurría saħaq fuq il-ħtieġa għal aktar sforz għal prestazzjoni aħjar tal-għalliema. Huwa qal, “L-għalliema ta’ kwalità għolja huma ċ-ċavetta għal implimentazzjoni ta’ suċċess tal-politika edukattiva.” Il-punt kruċjali huwa li l-kwalità ta’ sistema edukattiva ma tistax taqbeż il-kwalità tal-għalliema tagħha u x-xogħol tagħhom.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ, Ján Figel, żied: " Fl-UE hemm madwar 6¼ miljun għalliem, u dawn jeħtieġu l-għajnuna kollha li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet edukattivi biex jipprovdu l-aħjar mod ta’ tagħlim fl-ambjenti li qed jinbidlu b’mod rapidu fil-klassijiet tagħna. Dan jeħtieġ determinazzjoni u impenn minn dawk li jfasslu l-politika biex jagħtu appoġġ lill-għalliema tagħna, mhux biss biex itejbu t-taħriġ tagħhom, iżda wkoll biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom."

Ir-rapport, “Il-ħolqien ta’ ambjenti effettivi ta’ tagħlim” , jitkellem dwar ir-riżultati ta’ TALIS, u juri dan li ġej:

  • Fl-Awstrija, l-Belġju (Flanders), id-Danimarka, l-Irlanda u n-Norveġja, aktar minn 90 % tal-għalliema jgħidu li ma jistennew xejn lura għat-titjib tal-kwalità tat-tagħlim tagħhom.

  • L-għalliema huma anqas pessimisti fil-Bulgarija u l-Polonja, iżda xorta waħda nofshom ma jaraw l-ebda inċentiv biex jitjiebu.

  • Fl-Estonja, l-Italja, ir-Repubblika Slovakka, u Spanja, aktar minn 70 % tal-għalliema fil-livell baxx tas-sekondarja jaħdmu fi skejjel fejn kien jinħass li l-interruzzjonijiet fil-klassi jfixlu l-proċess tat-tagħlim “sa ċertu punt” jew “ħafna”.

  • Bejn wieħed u ieħor, 38 % tal-għalliema li ġew mistħarrġa kienu jaħdmu fi skejjel li kienu jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat. Fil-Polonja, il-problema affettwat biss 12 % tal-iskejjel. Iżda fit-Turkija, 78 % tal-iskejjel kienu qed ibatu minn nuqqasijiet bħal dawn. http://dx.doi.org/10.1787/607784618372

  • Bejn wieħed u ieħor, l-għalliema jqattgħu 13 % mill-ħin fil-klassi biex iżo mmu l-ordni. Fil-Bulgarija, l-Estonja, il-Litwanja u l-Polonja, inqas minn 10 % tal-ħin fil-klassi jintilef b’dan il-mod.

  • Barra minn interruzzjonijiet fil-klassi, fatturi oħrajn ta’ xkiel għat-tagħlim jinkludu tfal assenti (46 %), studenti li jaslu tard fil-klassi (39 %), kliem ħażin u dagħa (37 %), I-intimidazzjoni jew abbuż verbali ta’ studenti oħrajn (35%).

  • Minbarra n-nuqqas ta’ inċentivi għat-titjib, l-għalliema f’uħud mill-pajjiżi lanqas biss issirilhom valutazzjoni sistematika jew ma jirċievu l-ebda reazzjoni dwar xogħolhom. Dan huwa l-każ għal aktar minn 25 % tal-għalliema fl-Irlanda u l-Portugall, 45 % fi Spanja u 55 % fl-Italja. http://dx.doi.org/10.1787/607856444110

Il- lezzjoni ta’ politika prinċipali hi li l-awtoritajiet tal-edukazzjoni jeħtieġ li jipprovdu inċentivi aktar effettivi għall-għalliema. Ħafna pajjiżi ma jagħmlu l-ebda konnessjoni bejn il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-għalliema u l-premji u r-rikonoxximent li dawn jirċievu, u anke fejn hemm konnessjonijiet bħal dawn, ħafna drabi dawn ma jkunux daqshekk b’saħħithom.

B’mod ġenerali, l-istħarriġ juri li dawk li jagħmlu l-pjanijiet edukattivi jistgħu jagħmlu aktar biex jagħtu appoġġ lill-għalliema u biex itejbu l-prestazzjoni tal-istudenti jekk kemm il-pubbliku u dawk li jfasslu l-politika jiffokaw anqas fuq il-kontroll tar-riżorsi u l-kontenut edukattiv u aktar fuq ir-riżultati tat-tagħlim .

L-isfond

TALIS hu l- Istħarriġ il-ġdid tat-Tagħlim Internazzjonali tal-OECD. Dan hu l-ewwel stħarriġ internazzjonali li qed jiffoka fuq l-ambjent tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema fl-iskejjel. Hu jiffoka fuq kwistjonijiet li jaffettwaw lill-għalliema u l-prestazzjoni tagħhom, kif jidhru f'għajnejn il-prinċipali tal-iskejjel tagħhom u f’għajnejn l-għalliema stess. Filwaqt li jagħmel dan, l-istħarriġ jimmira li jimla l-vojt ta’ tagħrif importanti fit-tqabbil internazzjonali tas-sistemi edukattivi.

L-istħarriġ kien immexxi bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, u jkopri 23 pajjiż parteċipant : l-Awstralja, l-Awstrija, il-Belġju (il-Komunità Fjamminga), il-Brażil, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Korea, il-Litwanja, il-Malażja, Malta, il-Messiku, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja u t-Turkija.

F’kull pajjiż, intgħażlu madwar 200 skola bl-addoċċ, u f’kull skola kellu jimtela kwestjonarju wieħed mill-prinċipal tal-iskola u ieħor minn 20 għalliem magħżula kif ġie ġie.

Il-mistoqsijiet indirizzaw kwistjonijiet bħat-tħejjija tal-għalliem, il-prattiki tat-tagħlim li dawn jadottaw u r-rikonoxximent u l-premji għall-għalliema.

See www.oecd.org/edu/talis/firstresults


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site