Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/893

Brussell, 10 ta' Ġunju 2009

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi Strateġija biex tistimula l-iżvilupp tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku

Illum il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-proposta tagħha għal Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Ħames snin wara t-tkabbir, ir-reġjun qed jiffaċċja sfidi urġenti li jinkludu l-qagħda mwegħra tal-Baħar Baltiku, rotot tat-trasport fi stat ħażin, ostakoli għall-kummerċ u tħassib dwar il-forniment tal-enerġija. Dawn il-problemi ġew aggravati minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva. Fuq kollox l-Istrateġija, ippreżentata minn Danuta Hübner, Kummissarju għall-Politika Reġjonali, għandha l-għan li żżid il-potenzjal għall-iżvilupp tal-Istati Membri u tar-reġjuni fiż-żona tal-Baħar Baltiku, li fiha joqogħdu kważi 100 miljun persuna.

"L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija pass importanti peress li tidentifika mod ġdid ta' kif nistgħu naħdmu flimkien fl-Unjoni. Din ma timplikax liġijiet jew istituzzjonijiet ġodda imma hija aktar ibbażata fuq ir-rieda tal-gvernijiet u taċ-ċittadini fl-Istati Membri u fir-reġjuni biex jiffaċċjaw sfidi li huma urġenti u komuni. Il-Kummissjoni qed tipproponi pjan komprensiv ta' azzjoni, ibbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa ma' gvernijiet nazzjonali u reġjonali, man-negozji, mal-NGOs u mad-dinja akkademika: l-UE tinsab f'qagħda tajba biex tikkoordina x-xogħol li jeħtieġ li jsir sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli biex jiġi salvat il-Baħar Baltiku, tistimula l-kummerċ u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-reġjun kollu ," ikkummentat il-Kummissarju Hübner.

What are the issues?

Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku qed jiffaċċja diversi sfidi importanti. Il-qagħda tal-baħar qed tmur għall-agħar minħabba tnixxijiet eċċessivi ta' nitrati u fosfati u l-biodiversità tinsab mhedda. L-ekonomiji għandhom bżonn ikunu inter-konnessi aħjar. L-istatistiċi jindikaw dipendenza żejda fuq il-kummerċ mal-pajjiżi ġirien l-aktar qrib. Ir-reġjun Baltiku qed jiġi mfixkel minn distanzi twal, kemm internament kif ukoll mal-bqija tal-Ewropa: vjaġġ minn Tallinn għal Varsavja bil-ferrovija jieħu 36 siegħa. Tħassib ieħor huwa l-iżolament tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja f'termini tal-fornimenti tal-enerġija. Fl-aħħar nett, bin-numru dejjem jiżdied ta' tankers taż-żejt li jużaw il-baħar bħala t-triq prinċipali, it-theddida ta' aċċident hija dejjem preżenti.

Għalfejn l-UE?

Il-Baħar Baltiku huwa mdawwar minn tmien Stati Membri tal-UE u mir-Russja. Fil-passat ġew maħruġa diversi rapporti u pjanijiet ta' azzjoni, iżda dawn kellhom biss effett limitat. Hemm ħtieġa qawwija għal koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi korpi involuti. Ħafna mill-isfidi kurrenti huma f'oqsma tal-politika tal-UE. Il-programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE fir-reġjun jipprovdu bażi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni tindirizza l-proposti tagħha lill-Istati Membri imma tirrikonoxxi wkoll li ħafna mill-isfidi jistgħu jiġu ffaċċjati biss b'kooperazzjoni tajba mar-Russja. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li din il-kooperazzjoni għandha tisaħħaħ permezz ta' inizjattivi eżistenti, l-aktar permezz tad-" Dimensjoni tat-Tramuntan a ", il-politika komuni tal-UE, tar-Russja, tan-Norveġja u tal-Iżlanda.

"L-e wwel strateġija ta' dan it-tip"

L-istrateġija tinkludi kommunikazzjoni u pjan ta' azzjoni b'lista ta' 80 proġetti ta' prominenza, li xi wħud minnhom diġà ġew imnedija. L-erba' pedamenti ta' din l-istrateġija se jagħmlu din il-parti tal-Ewropa:

  • Ambjentalment sostenibbli (pereżempju permezz tal-iproċessar tal-ilma tal-iskart);

  • Prospera (pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni f'intrapriżi żgħar u medji);

  • Aċċessibbli u attraenti (pereżempju permezz tat-titjib fir-rotot);

  • Bla periklu u sikura (pereżempju permezz ta' rispons aħjar għal-aċċidenti).

Din hi l-ewwel darba li l-UE żviluppat strateġija komprensiva bħal din fil-livell ta' "makro-reġjun". Din tista' tinspira approċċi simili f'żoni bħall-Mediterran jew fil-baċin tad-Danubju. B'mod partikolari, din tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni reġjonali tal-Politika Marittima integrata tal-UE.

Bejn l-2007 u l-2013, ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku se jibbenefika minn aktar minn EUR 50 biljun ta' għajnuna f'investiment taħt il-Politika ta' Koeżjoni u ffinanzjar ieħor tal-UE, inkluż EUR 27 biljun għal aċċessibilità aħjar, kważi EUR 10 biljun għall-ambjent, EUR 6,7 biljun għal kompetitività u EUR 697 miljun għas-sikurezza u l-prevenzjoni ta' riskji.

Eżempji ta' proġetti

  • It-tneħħija tal-fosfati mid-diterġent fl-Istati Membri kollha bil-għan li jitnaqqsu s-sustanzi fil-baħar.

  • L-implimentazzjoni ta' "Pjan lnterkonness għas-Suq Baltiku tal-Enerġija" biex jgħaqqad aħjar lil-Latvja, lil-Litwanja u lill-Estonja ma' netwerks Ewropej.

  • Sal-2013 ir-'Rail Baltica' se tkun qed tgħaqqad lil Varsavja ma' Tallinn b'veloċità ppjanata ta' 120 km fis-siegħa .

  • Il-ħolqien ta' sistema konġunta ta' sorveljanza taż-żoni marittimi.

  • It-twaqqif ta' fond għall-innovazzjoni u għar-riċerka, billi jintuża ffinanzjar nazzjonali u privat biex l-attivitajiet ta' riċerka jkunu mfassla skont il-ħiliet speċifiċi tar-reġjun.

Nota għall-edituri

L-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni biex tipprepara strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku f'Diċembru 2007. Il-proposta tal-lum hija r-riżultat ta' konsultazzjoni pubblika onlajn imnedija mill-Kummissjoni f'Novembru 2008 ( IP/08/1619 ) u ta' diversi dibattiti pubbliċi li saru fit-tmien Stati Membri involuti. L-istrateġija hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Svediża tal-UE fit-tieni nofs tal-2009.

Aqra l-istrateġija u ara aktar proġetti:

http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperation/baltic/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website