Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/863

Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2009

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta linji gwida dwar l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u b'diżabilità

Il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ dokumenti ta' gwida li jistabbilixxu l-kriterji għal valutazzjoni fil-fond ta' ammonti kbar ta' għajnuna għat-taħriġ u ta' għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità. Il-linji gwida jippreżentaw fil-qosor it-tip ta' informazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni sabiex tagħmel il-valutazzjoni tagħha u l-metodoloġija tal-valutazzjoni, li hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna. Il-kriterji huma konformi mal-approċċ ekonomiku rraffinat tal-Kummissjoni fl-analiżi tal-għajnuna mill-istat, fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat (ara IP/05/680 u MEMO/05/195 ). Dawn huma parti mill-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tiċċara u tissimplifika r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.

Il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet li "id-dokumenti ta' gwida huma pass utli u prattiku sabiex jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji sabiex jifhmu kif l-aħjar jiksbu approvazzjoni rapida għall-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna għal ħaddiema b'diżabilità jew żvantaġġati. Huma implimentazzjoni ulterjuri tal-approċċ tagħna bbażat fuq l-ekonomija għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-istat, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat 2005 tal-Kummissjoni. Il-linji gwida jikkumplimentaw ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar impenn komuni favur l-impjiegi"

Ir-regolament tal-eżenzjoni ġenerali ta' kategorija li ġie adottat reċentement (ara IP/08/1110 u MEMO/08/482 ) jippermetti lill-Istati Membri jagħtu numru kbir ta' miżuri ta' għajnuna, inkluża għajnuna għat-taħriġ u għajnuna għall-impjieg lil ħaddiema b'diżabilità jew żvantaġġati, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni. Madankollu, miżuri individwali ta' għajnuna li jinvolvu ammonti kbar ta' għajnuna jistgħu jinvolvu riskju akbar ta' tfixkil tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għal dawn il-miżuri tibqa' neċessarja notifika sabiex jiġi vvalutat jekk l-effetti pożittivi humiex akbar mill-effetti negattivi.

Ir-Regolament ta' Eżenzjoni Ġenerali ta' Kategorija jiddefinixxi l-limitu tan-notifika bħala €2 miljun għall-proġetti ta' għajnuna għat-taħriġ. Għall-għajnuna għall-impjiegi dan il-limitu huwa stabbilit għal €5 miljun għal kull impriża kull sena għall-impjieg ta' ħaddiema żvantaġġati u €10 miljun għal kull impriża kull sena għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità.

Id-dokumenti ta' gwida dwar l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna għall-impjiegi jistabbilixxu l-kriterji li se jiffurmaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpatibilità ta' dawn il-miżuri ta' għajnuna nnotifikati individwalment.

B'mod partikolari, huma jipprovdu gwida dwar it-tip ta' informazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni u l-metodoloġija ta' valutazzjoni li hija se ssegwi. Il-kriterji huma bbażati fuq il-prinċipji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat, u b'mod partikolari t-test ta' bbilanċjar li jiżen l-effetti pożittivi kkawżati mill-għajnuna kontra l-impatt negattiv li t-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni jista' jinvolvi. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni globali tal-għajnuna sabiex tiddetermina jekk, b'mod ġenerali, il-miżura ta' għajnuna tistax tiġi approvata.

Għal aktar dettalji ara wkoll MEMO/09/260 .

It-test sħiħ tal-Avviż se jkun disponibbli fil-websajt:

http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/reform/reform.cfm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website