Navigation path

Left navigation

Additional tools

‘Impenn konġunt għax-xogħol’: Il-Kummissjoni tagħti bidu għal strateġija ġdida biex tiġġieled l-impatt tal-kriżi ekonomikauq ix-xogħol.

European Commission - IP/09/859   03/06/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/859

Brussell, 3 ta’ Ġunju 2009

‘Impenn konġunt għax-xogħol’: Il-Kummissjoni tagħti bidu għal strateġija ġdida biex tiġġieled l-impatt tal-kriżi ekonomikauq ix-xogħol.

L-UE se ta għmel disponibbli EUR 19-il biljun ta’ spejjeż ippjanati tal-Fond Soċjali Ewropew biex tappoġġja lil dawk milquta mill-kriżi ekonomika. L-UE se tantiċipa wkoll fondi u mhux se jinħtieġ kofinanzjament mill-Istati Membri għall-2009-2010. Flimkien mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u msieħba oħrajn, se titwaqqaf faċilità biex tipprovdi mikrokreditu lil dawk li normalment isibu diffikultà biex ikollhom aċċess għall-fondi meħtieġa biex jiftħu negozju jew mikrointrapriża. ‘L-Impenn Konġunt għax-Xogħol tal-UE' jippreżenta l-prijoritajiet u l-azzjonjiet ewlenin biex jitħarsu l-impjiegi u jiġu megħjuna dawk li qed iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet filwaqt li jwitti t-triq lejn l-irkupru. L-għan huwa li l-atturi relevanti, it-trejdjunjins u l-għaqdiet ta' min iħaddem kollha, kif ukoll l-Istati Membri u l-UE, jaħdmu flimkien biex iwettqu dan l-impenn. Il-proposti se jiġu ppreżentati lill-mexxejja tal-UE għall-qbil tagħhom fil-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta’ Ġunju.

“L-Ewropa ħadet azzjoni malajr bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, inkluż l-aspett soċjali tagħha. Illum, il-Kummissjoni qed tieħu pass ieħor lejn impenn konġunt u azzjoni koordinata mill-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali biex tħares u toħloq l-impjiegi," qal il-President Barroso. “Pereżempju, qegħdin naċċelleraw biljuni ta’ euro f’appoġġ tal-UE għat-tħarriġ mill-ġdid taħt il-Fond Soċjali Ewropew, li diġà jgħin iktar minn disa' miljun persuna fis-sena jsibu impjieg. Flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u partikolarment il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, se noħolqu faċilità ġdida ta' EUR 500 miljun biex nappoġġjaw l-intraprendituri. U fil-livell nazzjonali nixtiequ naraw ħames miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ikollhom aċċess għall-apprendistati. Jiena qed nappella lill-Kunsill Ewropew biex japprova dan il-pjan ambizzjuż.”

“Din il-kriżi bdiet fis-settur finanzjarju iżda l-effetti tagħha issa qed jinħassu minn kulħadd,” qal Vladimír Špidla, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi. “F’dawn l-aħħar xhur konna qed naħdmu mill-qrib mal-gvernijiet nazzjonali u mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem dwar l-aħjar modi biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali tal-kriżi. Partikolarment, jeħtieġ li niffukaw fuq l-impjegar taż-żgħażagħ, u ma għandniex inħallu li dawn jitilfu l-opportunità li jidħlu fis-suq tax-xogħol. ‘L-Impenn Konġunt għax-Xogħol’ huwa aġenda b’saħħitha, progressiva u kkoordinata biex tiġġieled kontra l-qgħad, tkattar il-ħolqien tal-impjiegi u twitti t-triq għal irkupru sostenibbli.”

Il- Kummissjoni tippreżenta tliet prijoritajiet ewlenin: is-sostenibilità tal-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-mobilità; l-aġġornament tal-ħiliet u l-provvediment tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; u ż-żieda fl-aċċess għax-xogħol. Il-proposti għandhom jidhru bħala komplimentari għall-azzjonijiet l-oħra li l-Kummissjoni qed tieħu biex tiffaċċja l-kriżi, inkluż il-proposti riċenti dwar is-superviżjoni finanzjarja (ara IP/09/836 ) u l-proposta biex il-Fond Ewropew tal-Globalizzazzjoni jiffunzjona aħjar f’waqtiet ta’ kriżi (ara MEMO/09/221 ). Huma wkoll konsistenti mal-istrateġiji għat-tul tal-UE fil-qasam tar-riforma tas-swieq tax-xogħol, inkluża l-Istrateġija ta’ Liżbona. Hemm konċentrazzjoni partikolarment qawwija fuq iż-żgħażagħ biex dawn jingħataw l-opportunitajiet tat-taħriġ u x-xogħol li jeħtieġu biex ikun żgurat li ma jonqsux milli jidħlu fis-suq tax-xogħol din is-sena minħaba l-kriżi.

Il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ azzjonjiet, fosthom:

  • L-aċċellerazzjoni ta’ EUR 19-il biljun ta’ fondi ppjanati biex jgħinu lin-nies iżommu xogħolhom jew isibu xogħol ieħor, permezz tal-aġġornament tal-ħiliet, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u t-titjib tas-servizzi pubbliċi tax-xogħol taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Għall-perjodu 2009-2010, il-Kummissjoni tista’ tirrimborsa l-infiq iddikjarat tal-Istati Membri b’rata ta’ 100 %. Dan ifisser li ma hemmx il-ħtieġa ta’ kofinanzjament nazzjonali sabiex il-proġetti li jgħinu lin-nies jiġu implimentati iktar malajr.

  • Riallokazzjoni ta’ EUR 100 miljun mill-baġit eżistenti tal-UE li, meta kkombinati mal-finanzjament mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, partikolarment il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, se jipprovdu iktar minn EUR 500 miljun għall-ħolqien ta’ faċilità ġdida tal-UE tal-mikrokreditu . Dawn il-mikrokrediti se jgħinu lil dawk fir-riskju li ma jiksbux il-fondi, bħal dawk li jkunu ġew qiegħda dan l-aħħar, biex jiftħu negozju u se jsaħħu l-impjiegi fin-negozji mikro li qed jiffaċċjaw il-kriżi finanzjarja.

  • Impenn li jingħataw mill-inqas ħames miljun apprendistat madwar l-UE lil żgħażagħ li qed jiffaċċjaw il-qgħad; u l-iffissar ta’ miri biex jipprovdu liż-żgħażagħ qiegħda b’opportunitajiet malajr għat-taħriġ jew ix-xogħol.

  • Appoġġ għal skemi – inkluż permezz tal-FSE – biex impjieg jinżamm vijabbli permezz ta’ ħinijiet iqsar tax-xogħol u t-taħriġ .

  • Għajnuna immedjata għal dawk qiegħda biex jevitaw ir-riskju ta’ qgħad fit-tul u t-telf ta’ ħiliet relevanti , inklużi proposti biex tingħata opportunità malajr għat-taħriġ jew ix-xogħol lil kull persuna qiegħda: fi żmien xahar għaż-żgħażagħ taħt l-20 sena, fi żmien xahrejn għal dawk taħt il-25 sena, u fi żmien tliet xhur għal dawk ‘il fuq minn 25 sena. Il-FSE għandu jappoġġja l-ksib ta’ dawn il-miri ta’ “bidu ġdid”.

  • Għajnuna biex dawk l-aktar żvantaġġati jerġgħu jsibu impjieg , pereżempju, permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mas-salarju, inċentivi għar-reklutaġġ u l-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' impjiegi mhux tas-sengħa fis-servizzi domestiċi u tal-kura.

  • Servizz onlajn ġdid ta’ ‘match and map’ biex jgħin lil min qed ifittex ix-xogħol iqabbel il-ħiliet tiegħu mal-pożizzjonijiet battala madwar l-Ewropa permezz tal-portal Ewropew eżistenti tal-impjiegi, EURES, u impenn biex il-persuni qiegħda li qed ifittxu x-xogħol fi Stat Membru ieħor, ikunu eliġibbli biex jirċievu, għal mill-inqas sitt xhur, il-benefiċċji tal-qgħad li kienu intitolati għalihom fil-pajjiż tar-residenza tagħhom.

  • Konċentrazzjoni fuq l-aġġornament tal-ħiliet u provvediment aħjar tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'analiżi settur settur mill-Kummissjoni tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-UE llum u għall-ġejjieni, inkluż il-ħiliet ambjentali.

  • Sistema ta' mezzi prattiċi biex tgħin lill-kumpaniji, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom imexxu u jantiċipaw aħjar ir-ristrutturar tan-negozju.

  • Gwida għat-taħriġ fin-negozji żgħar biex tgħin lill-SMEs iżommu u jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu.

Din il-komunikazzjoni qed issir b’segwitu għas-Samit riċenti tal-UE dwar ix-Xogħol tas-7 ta’ Mejju (ara IP/09/718 u MEMO/09/223 ).

Il-proposti stipulati mill-Kummissjoni issa se jingħaddu lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fit-18-19 ta’ Ġunju fejn il-Kummissjoni se tistieden lill-kapijiet tal- Istat u l-gvern biex jiffirmaw l-Impenn Konġunt għax-Xogħol. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress tal-Impenn Konġunt tal-UE u dwar l-implikazzjonijiet tiegħu għall-Istrateġija ta’ Liżbona wara l-2010 qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010.

Ara wkoll il- MEMO/09/259

Għal aktar informazzjoni:

Impenn komuni għax-xogħol (Parti 1: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u Parti 2: Annessi)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=514&furtherNews=yes

Il-websajt tal-President Barroso dwar il-kriżi:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/focus/credit_crunch/index_en.htm

Websajt dwar l-impatt soċjali tal-kriżi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website