Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/740

Brussell, 12.05.2009

Ċipep żgħar b'potenzjal kbir: Rakkomandazzjonijiet ġodda tal-UE jiżguraw li l-barcodes tas-seklu 21 jrrispettaw il-privatezza

L-Ewropej għandhom ikollhom kontroll fuq iċ-ċipep intelliġenti, suq dinji li se jikber b'ħames darbiet fl-għaxar snin li ġejjin, filwaqt li għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jużawhom b'faċilità sabiex titħaffef il-ħajja ta' kuljum. Diġà hemm aktar minn 6 biljun ċippa intelliġenti, li huma mezzi mikroelettroniċi li jistgħu jiġu integrati f'firxa ta' oġġetti ta' kuljum, minn friġġ sa tessera ta’ tal-linja. Bit-teknoloġija tal-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID), jistgħu jipproċessaw awtomatikament id-dejta meta jinġiebu qrib 'qarrejja' li jattivawhom, jaqbdu s-sinjal tar-radju tagħhom u jpartu d-dejta magħhom. Jinsabu fit-tesseri li tużaw biex tidħlu x-xogħol u fil-kards li bihom tħallas in-noll tal-awtostrada. Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat sett ta' rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li kull min huwa involut fid-disinn jew it-tħaddim ta' teknoloġija li tuża ċ-ċipep intelliġenti jirrispetta d-dritt fundamentali tal-individwu għall-privatezza u l-ħarsien tad-dejta, kif imniżżel fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mxandra fl-14 ta' Diċembru 2007.

"Iċ-ċipep intelliġenti huma teknoloġija promettenti għall-ġejjieni li tista' tagħmel il-ħajja aktar faċli b'diversi modi. Hawnhekk qed nitkellmu dwar oġġetti ta' kuljum li f'daqqa waħda jsiru intelliġenti billi jaqbdu ma' netwerk u jpartu l-informazzjoni. Nagħtu kas, friġġ intelliġneti li tavażak li l-ħalib mar jew imballaġġ intelliġenti tal-ikel li javża lill-ġenituri dwar allerġiji possibbli" qalet Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Hemm potenzjal ekonomiku ċar fl-użu ta' ċipep żgħar u intelliġenti li jippermettu l-komunikazzjoni bejn l-oġġetti. Iżda l-Ewropej ma għandhom qatt jinqabdu fuq sieq waħda mit-teknoloġija l-ġdida. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni llum ħarġet rakkomandazzjonijiet qawwija għall-industrija. Il-konsumaturi Ewropej iridu jkunu moħħhom mistrieħ li jekk u meta tkun involuta d-dejta personali tagħhom, il-privatezza tagħhom tkun samma anki f'ambjent teknoloġiku li qed jinbidel Il-Kummissjoni trid għalhekk teknoloġija RFID li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi jikkontrollaw is-sikurezza tad-dejta tagħhom, u dan huwa l-aħjar mod biex niżguraw li tkun suċċess ekonomiku. Wara kollox, is-sehem Ewropew tas-suq globali taċ-ċipep intelliġneti se jilħaq 35% fit-tmien snin li ġejjin.

Iċ-ċipep intelliġenti, jew ir-radjutikketti, jistgħu u ġa għandhom impatt qawwi fuq operazzjonijiet ta' negozju, servizzi pubbliċi u prodotti tal-konsumatur, minn riċiklaġġ u kura tas-saħħa aktar effiċjenti għal inqas ħin mitluf mal-istazzjonijiet tal-ħlas tan-noll u fl-istennija għall-bagalji l-ajruport. Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa hija lesta għal dawn il-bidliet, il-Kummissjoni llum stabbiliet il-prinċipji li ġejjin għall-ħarsien tal-privatezza u tad-dejta meta tintuża din it-teknoloġija:

  • Il-konsumaturi għandhom ikollhom il-kontroll tal-għarfien dwar jekk il-prodotti li jixtru fil-ħwienet fihomx ċipep intelliġenti. Meta l-konsumaturi jixtru l-prodotti mgħammrin b'ċipep intelliġenti, dawn għandhom jiġu diżattivati awtomatikament, minnufih u bla ħlas fil-punt tal-bejgħ, sakemm il-klijent ma jagħżilx espliċitament li jitlob li ċ-ċippa tinżamm operattiva. Jistgħu jiġu permessi eċċezzjonijiet sabiex jiġi evitat piż bla bżonn fuq il-bejjiegħa, pereżempju, imma biss wara valutazzjoni tal-impatt taċ-ċippa fuq il-privatezza.
  • Il-kumpaniji jew l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw iċ-ċipep intelliġenti għandhom jagħtu informazzjoni ċara u sempliċi lill-konsumaturi sabiex jifhmu jekk hiex ser tintuża d-dejta personali tagħhom, it-tip ta' dejta miġbura (bħall-isem, l-indirizz u d-data tat-twelid) u għal liema għan. Għandhom ukoll jipprovdu tikkettar ċar li jidentifika l-apparat li 'jaqra' l-informazzjoni maħżuna fiċ-ċipep intelliġneti, u jipprovdu punt ta' kuntatt għaċ-ċittadini minn fejn jiksbu aktar tagħrif.
  • L-assoċjazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut u l-organizzazzjonijiet għandhom jippromwovu l-għarfien tal-konsumatur dwar il-prodotti li fihom iċ-ċipep intelliġenti permezz ta' sinjal komuni Ewropew li juri kull meta prodott juża ċippa intelliġenti.
  • Il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom imexxu valutazzjonijiet tal-ħarsien tal-privatezza u tad-dejta qabel ma jużaw iċ-ċipep intelliġneti. Dawn il-valutazzjonijiet, eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali għall-ħarsien tad-dejta, għandhom jiżguraw li d-dejta personali tkun sikura u mħarsa kif xieraq.

Fl-2008, madwar id-dinja nbiegħu 2.2 biljun tikketta RFID , bħal dawk użati għall-ħlas tan-noll tat-triq jew għall-identifikazzjoni tal-kontejners tal-merkanzija. Madwar terz tal-bejgħ sar fl-Ewropa. Il-valur dinji tas-suq tat-tikketti RFID huwa stmat għal €4 biljun fl-2008 u li se jikber għal madwar €20 biljun sal-2018.

Sfond:

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika (IP/06/289) dwar l-iżvilupp u l-użu ta-ċipep intelliġenti (jew teknoloġija tal-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju). Skont dan, adottat imbagħad Komunikazzjoni f'Marzu 2007 (IP/07/332) li wriet li kienet mistennija mill-pubbliku aktar azzjoni f'termini ta' privatezza u ħarsien tad-dejta. Ir-Rakkomandazzjoni ta' llum, li tfasslet bis-saħħa ta' konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati mill-industriji tal-forniment u tal-użu, korpi ta' standardizzazzjoni, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, gruppi tas-soċejtà ċivili, u trade unions, twieġeb għal dawn l-istennijiet u tfittex li toħloq ambjent ekwu għall-industrija Ewropea filwaqt li tirrispetta l-privatezza tal-individwu. L-Istati Membri issa għandhom sentejn biex jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-passi li biħsiebhom jieħdu sabiex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet tar-Rakkomandazzjoni. Fi żmien tliet snin, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, inkluż analiżi tal-impatt tagħha fuq il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi li jużaw iċ-ċipep intelliġenti kif ukoll l-impatt tagħha fuq iċ-ċittadini.

Ir-Rakkomandazzjoni tinsab fi:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/rfid/index_en.htm

MEMO/09/232


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site