Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Id-drittijiet tal-Konsumatur: il-Kummissjoni trid li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-internet mingħajr fruntieri

Commission Européenne - IP/09/702   05/05/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/702

Strażburgu, il-5 ta' Mejju 2009

Id-drittijiet tal-Konsumatur: il-Kummissjoni trid li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-internet mingħajr fruntieri

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet l-eYouGuide, għodda ġdida onlajn li tagħti pariri prattiċi dwar id-“drittijiet diġitali” li għandhom il-konsumaturi skont il-liġi tal-UE. Din il-gwida, li rriżultat minn sejħa mill-Parlament Ewropew fl-2007, tindirizza kwistjonijiet tal-konsumaturi bħalma huma d-drittijiet fil-konfront tal-fornituri tal-broadband, ix-xiri mill-internet, it-tniżżil tal-mużika u l-protezzjoni tad-dejta personali onlajn u fuq is-siti tan-netwerking soċjali. Minkejja li 48.5% tad-djar fl-UE għandhom konnessjoni tal-internet bil-broadband, stħarriġ ġdid tal-Eurobarometer juri li ħafna konsumaturi tonqoshom il-kunfidenza biex jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn. 12% biss tal-utenti tal-internet fl-UE jħossuhom sikuri biżżejjed biex jagħmlu tranżazzjonijiet fuq l-internet, filwaqt li 39% tal-utenti tal-internet fl-UE għandhom dubji serji dwar is-sikurezza u 42% ma jissugrawx jagħmlu tranżazzjonijet fuq l-internet 65% tal-utenti tal-internet fl-UE ma jafux minn fejn iġibu l-informazzjoni u l-pariri dwar ix-xiri transkonfinali fl-UE. Terz tal-konsumaturi jikkunsidraw jixtru minn fuq l-internet minn pajjiż ieħor għaliex il-prezz jew il-kwalità jkunu aħjar, imma huma biss 7% li fil-fatt jagħmlu dan. Jekk nagħtu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom intejbu l-fiduċja tagħhom u ngħinu biex nutilizzaw il-potenzjal ekonomiku kollu tas-suq uniku Ewropew fuq l-internet, li għandu valur ta’ EUR 106 biljun fi dħul .

“Fl-UE, id-drittijiet tal-konsumaturi onlajn m’għandhomx jiddependu fuq il-post li fih tkun ibbażata l-kumpanija jew il-websajt. Il-fruntieri nazzjonali m għandhomx jibqgħu jikkumplikaw ħajjiet il-konsumaturi Ewropej meta jidħlu fuq l-internet biex jixtru ktieb jew iniżżlu diska", qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. “Minkejja l-progress li sar, jeħtiġilna niżguraw li jkun hemm suq uniku għall-konsumaturi kif ukoll l-impriżi fuq l-internet.”

“Jekk irridu li l-konsumaturi jqabblu l-prodotti qabel ma jixtru, u jisfruttaw il-potenzjal tal-komunikazzjoni diġitali, jeħtieġ li nagħtuhom il-kunfidenza li d-drittijiet tagħhom ikunu garantiti. Dan ifisser li jiġu stabbiliti u infurzati drittijiet ċari tal-konsumatur li jilħqu standards li diġà jeżistu fil-ħwienet fiżiċi. L-internet veru għandu x’joffri lill-konsumaturi, iżda jeħtieġ li nibnu l-fiduċja sabiex in-nies ikunu jistgħu iqabblu l-prezzijiet u jixtru b’moħħhom mistrieħ", qalet Meglena Kuneva, il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi.


Gwida għad-Drittijiet tal-Konsumaturi Llum

L-eYouGuide jispjega d-drittijiet konkreti tal-konsumaturi Ewropej li jfittxu jew jixtru fuq l-internet, bis-saħħa ta' 25 sena ta' regoli tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Meta jkunu fuq l-internet, il-konsumaturi Ewropej għandhom id-dritt: 

-          għal informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet qabel ma jixtru;

-          li jiddeċiedu jekk id-dejta personali tagħhom għandhiex tiġi ttrattat u kif għandha tiġi ttrattata;

-          jirċievu l-prodott li jkunu xtraw fi żmien 30 jum;

-          għal perjodu ta’ riflessjoni ta’ mhux inqas minn sebat ijiem tax-xogħol wara li jkun inxtara l-prodott, li matulu jista’ jerġa’ jibdielhom;

-          minimu ta’ sentejn garanzija fuq il-prodotti mixtrija.

-          protezzjoni kontra bejjiegħa qarrieqa u termini kuntrattwali u prattiki kummerċjali inġusti.

Il-konsumaturi jistgħu jibqgħu ċerti li dawn id-drittijiet japplikaw fuq kwalunkwe websajt li tispiċċa bis-suffiss “.eu”. Għall-kuntrarju ta’ websajts li jispiċċaw b’.com jew .net, websajt li tispiċċa b’.eu (id-dominju tal-ogħla livell tal-UE li nfetaħ fl-2006, u li issa jlaħħaq mat-tliet miljun sit, IP/09/536 ), għandha tkun irreġistrata minn persuna jew kumpanija stabbilita f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE u hija soġġetta għal-liġijiet tal-UE.

“Aġenda Diġitali” għad-Drittijiet tal-Konsumaturi ta’ Għada

Il-Kummissarji Reding u Kuneva llum semmew ukoll lakuni fil-liġijiet tal-UE fejn il-kunfidenza tal-konsumaturi u s-suq uniku għall-impriżi jistgħu jkomplu jittejbu. F’“Aġenda Diġitali" konġunta, iż-żewġ Kummissarji identifikaw tmien oqsma prijoritarji li fihom possibbilment tista’ tittieħed azzjoni mill-UE:

1.       Il-ġlieda kontra l-ispam , b’sanzjonijiet effikaċi ċivili u kriminali simili fl-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi ġirien. Il-“projbizzjoni tal-ispam” ilha parti mil-liġi tal-UE mill-2003, iżda 65% tal-Ewropej għandhom jilmentaw dwar "spam żejjed". Filwaqt li 19.8% tal-ispam fid-dinja jiġi mill-Istati Uniti u 9.9% miċ-Ċina, 23.4% jiġi mill-Ewropej, fejn l-Italja (3%), Spanja (2.9%), ir-Renju Unit (2.7%) u l-Ġermanja (2.4%) huma fost l-“Ogħla 12”. Ma dawn għandna nżidu l-ġirien tal-UE, it-Turkija (4.4%) u r-Russja (6.4%).

2.       Jiġi żgurat li għall-konsumaturi, ma jimpurtax minn liema pajjiż tal-UE jkun ġej il-kontenut diġitali (il-mużika, il-logħob, il-films, il-kotba), billi tiġi mwittija t-triq għal sistemi multiterritorjali għall-ħruġ tal-liċenzji għall-kontenut onlajn.

3.       Il-Konsumaturi għandhom jingħataw iċ-ċertezza dwar x’jistgħu u ma jistgħux jagħmlu b’diski, vidjows u films li jniżżlu u li jkunu mħarsa mid-drittijiet tal-awtur, billi tinġieb fi tmiemha l-frammentazzjoni attwali tal-liġijiet dwar l-“ikkupjar privat”.

4.       Għandhom jiġu estiżi l-prinċipji tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jiġu koperti ftehimiet dwar il-liċenzji ta' prodotti bħalma huma softwer għall-protezzjoni mill-vajrusis, il-logħob u kontenut liċenzjat ieħor li jitniżżel mill-internet. Il-liċenzji għandhom jiggarantixxu għall-konsumaturi l-istess drittijiet bażiċi bħal meta jixtru oġġett fiżiku: id-dritt li jirċievu prodott li jaħdem, b’kundizzjonijiet kummerċjali ġusti.

5.       Għandu jiġi garantit li l-politiki ta’ privatezza marbuta mal-offerti onlajn jintwerew biċ-ċar u li jkollhom termini kuntrattwali ġusti.


6.       Għandhom jiġu indirizzati regoli frammentati u mhux kompleti dwar l- aċċessibbiltà elettronika sabiex ikun eħfef għall-persuni b’diżabilità (15% tal-popolazzjoni tal-UE) jużaw websajts, jagħmlu ħlasijiet elettroniċi u jużaw servizzi oħra onlajn.

7.       Għandhom jiġu esplorati l-opportunitajiet sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza fil-ħlasijiet onlajn, inklużi mudelli li rnexxew bħalma huma l-iskemi tal-ħlas lura fuq il-karti ta’ kreditu li jippermettu lill-klijenti jħassru l-ħlasijiet lil negozjanti li ma jikkonformawx, bħala l-aħħar possibilità ta’ rkupru.

8.       Għandha ssir ħidma mal-industrija u mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi sabiex tiġi stabbilita sistema Ewropea tamarki tafiduċja għall-websajts tal-bejgħ li jikkonformaw mal-aqwa prattiki.

Għal aktar tagħrif

Il-websajt tal-eYouGuide:

http://ec.europa.eu/eyouguide (onlajn: mill-5 ta’ Mejju, 16:00)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali:

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2007-0287+0+DOC+XML+V0//MT

L-istħarriġ il-ġdid tal-Eurobarometer “Il-Kunfidenza tal-Konsumaturi fis-Soċjetà tal-Informazzjoni” jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/nis/strategy/activities/index_en.htm


 

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

 


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site