Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/693

Brussell, 4 ta' Mejju 2009

Tbassir għar-Rebbiegħa 2009-2010: l-2009 sena diffiċli, imma l-ekonomija tal-UE għandha tistabbilizza ruħha hekk kif jidħlu fis-seħħ miżuri ta' appoġġ

Fit-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa, il-PGD fl-Unjoni Ewropea huwa mistenni li jonqos b'4 % din is-sena u li jistabbilizza ruħu kumplessivament fl-2010. Il-fatturi ewlenin li waslu għal reċessjoni huma l-kriżi finanzjarja globali li dejjem sejra għall-agħar, tnaqqis f'salt fil-kummerċ dinji u korrezzjonijiet kontinwi fis-suq tad-djar f'ċerti ekonomiji. Madankollu, issa li qed jinħass l-impatt tal-miżuri ta' stimulu fiskali u monetarju, matul l-2010 it-tkabbir huwa mistenni li jakkwista mill-ġdid impetu. Is-swieq tax-xogħol se jintlaqtu serjament, bir-rata tal-qagħad mistennija li fl-2010 titla' għal 11 % fl-UE. Id-defiċit pubbliku huwa wkoll previst li jitla' f'salt, għal 7¼ % tal-PGD fl-2010, u dan jirrifletti kemm it-tnaqqis kif ukoll il-miżuri diskrezzjonarji meħuda biex jappoġġjaw lill-ekonomija, skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru propost mill-Kummissjoni.

"L-ekonomija Ewropea qiegħda f'nofs reċessjoni li fl-era ta' wara l-gwerra hi l-aktar profonda u mifruxa. Imma l-miżuri ambizzjużi meħuda mill-gvernijiet u banek ċentrali f'dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali huma mistennija li jrażżnu t-tnaqqis fl-attività ekonomika din is-sena u jippermettu rkupru s-sena d-dieħla. Biex dan jiġri hemm bżonn li nipproċedu malajr fit-tindif tal-'assi ddeprezzati' fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek u li nirrikapitalizzaw il-banek meta xieraq", qal Joaquín Almunia, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Tkabbir globali jerġà jsir pożittiv

Il-kriżi finanzjarja li dejjem sejra għall-agħar waslet għal kontrazzjoni fl-attività globali u tnaqqis f'salt fil-kummerċ dinji u l-produzzjoni industrijali matul ix-xitwa. Ir-reċessjoni ekonomika laqtet numru dejjem jikber ta' pajjiżi, inklużi l-pajjiżi emerġenti u dawk li qed jiżviluppaw. Madankollu, hekk kif il-miżuri ta' stimulu fiskali u monetarju jieħdu spinta u l-kriżi finanzjarja tonqos gradwalment ,it-tkabbir globali tal-PGD huwa mbassar li jerġa’ jsir pożittiv fit-tieni nofs tal-2009. Fl-2010, it-tkabbir globali huwa mistenni li jilħaq it-2 %.

Reċessjoni f'salt fl-UE imma qed jidher it-tmiem

Ir-reċessjoni li bdiet fit-tieni kwart tal-2008 marret għall-agħar lejn l-aħħar tas-sena, b'kemm il-PGD tal-UE kif ukoll dak taż-żona tal-euro jonqsu b'madwar 1½ % (kwart wara l-ieħor) fl-aħħar tliet xhur. Stħarriġ u data oġġettiva jipproponu aktar deterjorazzjoni fl-ewwel kwart ta' din is-sena. L-Istati Membri kollha huma affettwati b'din ir-reċessjoni, għalkemm il-prospetti tagħhom ivarjaw skont l-orjentament relattiv tagħhom lejn il-kriżi finanzjarja, id-dinamiċi tas-suq tad-djar u l-livell ta' ftuħ.

Hekk kif is-swieq finanzjarji jistabilizzaw ruħhom, il-kunfidenza tal-investitur titjieb u kemm l-appoġġ fiskali kif ukoll l-għajnuna monetarja gradwalment iwaslu għal attività reali, it-tnaqqis fil-PGD huwa mistenni li jitwitta lejn l-aħħar tas-sena u r-rati ta' tkabbir għandhom isiru modestament pożittivi matul l-2010.

Din ix-xejra negattiva mhux qed taffettwa biss lill-Istati Membri imma kważi lill-komponenti kollha tad-domanda. L-investiment privat qed jintlaqat b'mod partikolari, u qed jirrifletti aspettazzjonijiet ta' talba aktar dipressi, tnaqqis f'salt fl-utilizazzjoni tal-kapaċità u kundizzjonijiet ta' finanzjament li għadhom stretti. Bl-istess mod, l-esportazzjonijiet naqsu f'salt fid-dawl tat-tnaqqis notevoli fil-kummerċ dinji. Filwaqt li l-konsum privat qed jirnexxi relattivament tajjeb, bis-saħħa ta' prezzijiet taż-żejt irħas u inflazzjoni inqas, deterjorazzjoni progressiva fis-suq tax-xogħol x'aktarx li ser idgħajjef id-dħul reali ta' wara li titħallas it-taxxa. Konsum tal-gvern u investiment pubbliku biss se jikkontribwixxu b'mod pożittiv għat-tkabbir din is-sena, minħabba sa' ċertu punt il-miżuri baġitarji ta' stimulu meħuda taħt il-Pjan ta' Rkupru tal-UE.

Is-suq tax-xogħol u l-finanzi pubbliċi jintlaqtu ħażin

Matul is-sena li għaddiet is-swieq tax-xogħol Ewropej bdew jibirdu, bid-dewmien taż-żmien tas-soltu li wassal għat-tnaqqis fir-rata tat-tkabbir ekonomiku. Għall-ġejjieni, l-impjieg huwa mistenni din is-sena jonqos b'madwar 2½ % kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro u b'1½ % oħra fl-2010, dan jirriżulta b'madwar 8½ miljun f'telf ta' impjiegi għal sentejn, b'kuntrast mal-ħolqien nett ta' impjiegi ta' 9½ miljun matul l-2006-2008.

Il-finanzi pubbliċi qed jintlaqtu wkoll ħażin ħafna mir-reċessjoni, bid-defiċit baġitarju mistenni li jiżdied b’aktar mid-doppju din is-sena fl-UE (minn 2,3 % tal-PGD fl-2008 għal 6 %) u li jkompli jiżdied fl-2010 (sa' 7¼ %). Din id-deterjorazzjoni f'salt fil-qagħda fiskali totali hija parzjalment dovuta għat-tnaqqis ekonomiku nnifsu, peress li l-istabbilizzaturi awtomatiċi huma relattivament kbar fl-Ewropa, imma tirrifletti wkoll l-istimulu baġitarju mdaqqas u diskrezzjonali biex jagħti appoġġ lill-attività ekonomika.

L-inflazzjoni baxxa ħafna, proviżorjament

L-inflazzjoni naqset f'salt fix-xhur riċenti u hija prevista li tkompli tonqos matul it-tieni u t-tielet kwart ta' din is-sena, minħabba effetti bażi oħra, prospetti ekonomiċi negattivi u suppożizzjoni ta' waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti. B'mod globali, l-inflazzjoni tal-HICP hija previżta li tkun kemmxejn inqas minn 1 % fl-UE ( u ½ % fiż-żona tal-euro) fl-2009, u li tilħaq punt baxx fit-tielet kwart fiż-żewġ reġjuni. Hekk kif l-effetti bażi ta' żidiet fil-passat fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel jitneħħew mir-rata annwali din il-ħarifa, l-inflazzjoni tal-HICP hija mistennija li gradwalment tiżdied sa' 1¼ % is-sena d-dieħla.

Jifdal dubji konsiderevoli

Bl-ekonomija globali li qed tiffaċċja l-agħar reċessjoni tagħha mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, għad hemm dubju konsiderevoli għall-prospetti ekonomiċi u ta' inflazzjoni. Ir-riskju ta' prospetti li jkunu agħar milli mistennija ddur b'mod partikolari fuq l-impatt tal-kriżi finanzjarja u s-saħħa tal-informazzjoni bejn setturi differenti tal-ekonomija. Min-naħa l-oħra, miżuri ta' stimulu fiskali u monetarju jistgħu jkunu aktar effettivi milli antiċipati fid-dħul mill-ġdid tal-istabbiltà u tal-kunfidenza fis-swieq finanzjarji u fl-appoġġ tal-attività ekonomika. Riskji għall-prospetti ta' inflazzjoni jidhru bbilanċjati din is-sena, u dan ġej minn żviluppi possibbli fil-prezzijiet ta' prodotti kif ukoll l-imġiba bejn l-iffissar tal-prezz u tal-paga.

Rapport aktar dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article14927_en.htm

[ ]

[ ]
[ ]

[ ]


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website