Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/67

Brussell, id-19 ta’ Jannar 2009

Previżjonijiet Interim għall-2009-2010: l-ekonomija tkompli tmajna, imma qabel tmiem l-2009 jerġa' jibda t-tkabbir

It-tkabbir tal-PGD fl-Unjoni Ewropea huwa mistenni jaqa' b'1.8 % fl-2009 qabel ma jirkupra b'rata moderata għal 0.5 % fl-2010. Dan huwa r-riżultat tal-impatt tal-kriżi finanzjarja li qiegħda tinħass aktar fuq l-ekonomija attwali, ix-xejriet negattivi li rriżultaw minn dan, li dehru fit-tnaqqis qawwi tal-kummerċ dinji u l-produzzjoni mill-manifattura, u f’ċerti pajjiżi, korrezzjonijiet fis-suq tad-djar. Il-konsum mill-Gvernijiet u l-investiment pubbliku, madankollu, se jipprovdu xi ftit tas-serħan. Il-fatt li l-pressjonijiet mill-inflazzjoni ttaffew, ukoll jikkontribwixxi għall-konsum privat. Il-miżuri fiskali fakultattivi, li tħabbru minn Awwissu 2008 se jillimitaw it-tiċkin fit-tkabbir tal-PGD b’madwar 0.75 % din is-sena. Il-gravità tat-taqliba ekonomika se jkollha impatt sinifikanti fuq l-impjiegi u fuq il-finanzi pubbliċi fuq l-orizzont tal-previżjonijiet.

“Il-miżuri għall-istabilizzazzjoni tas-suq finanzjarju, it-taffija tal-politiki monetarji u l-pjanijiet ta’ rkupru ekonomiku se jippermettulna nwaqqfu d-deterjorament tal-ekonomija din is-sena u noħolqu l-kundizzjonijiet għal ikrupru gradwali fit-tieni parti tas-sena. Il-prijorità ewlenija hija li nagħmlu mezz biex dawn il-miżuri jaħdmu b’mod effikaċi: intejbu l-flussi tal-kreditu bi prezzijiet raġonevoli u nimplimentaw il-pakketti katalitiċi fiskali malajr biex nistimulaw l-investiment u l-konsum privat. Biex intejbu l-fiduċja, huwa kruċjali wkoll li l-Istati Membri jintrabtu b’mod espliċitu li jreġġgħu lura d-deterjorament tal-finanzi pubbliċi, hekk kif nerġgħu lura għal żminijiet ekonomiċi normali, sabiex niżguraw is-sostenibbiltà fil-perjodu ta' żmien medju għal dak twil, tal-finanzi pubbliċi", qal Joaquín Almunia, il-Kummissarju għall-affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jkun waqa' għal madwar 1 % fl-2008, kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro, minn ftit inqas minn 3 % fl-2007, skont il-previżjoni interim avvanzata li nħarġet illum[1]. Fl-2009, il-PGD reali huwa mistenni jonqos ferm, b'1.8 % fl-UE u 1.9 % fiż-żona tal-euro, qabel ma jirkupra b'madwar 0.5 % fl-2010.

Din is-sena ta' ekonomija globali f’riċessjoni

L-attività ekonomika madwar id-dinja hija mistennija li tkun waqgħet ferm fl-aħħar kwart tal-2008. Tnaqqis fid-dejta tal-istħarriġ reċenti u l-ordnijiet deħlin, fost l-oħrajn, jindikaw li din id-dgħufija x'aktarx se tibqa' fil-medda l-qasira. It-taqliba ekonomika hija mistennija li tkun mifruxa sew u li jkollha effetti negattivi li jaffettwaw dejjem aktar l-ekonomiji tas-suq li għadhom qegħdin jistabbilixxu rwieħhom. Għall-2009 kumplessivament, it-tkabbir fil-PGD dinji huwa previst li jmajna għal 0.5 % (minn 3.3 % fl-2008 u l-medja eċċezzjonalment b’saħħitha ta' 5 % fl-2004-2007). Mit-tieni nofs tal-2009, it-tkabbir globali huwa mistenni jiżdied gradwalment, iżda b’rata moderata hekk kif titjieb il-qagħda fis-swieq finanzjarji u l-impatt tat-taffija fil-politika makroekonomika (partikolarment fl-Amerika) jibda jingrana. Kumplessivament, it-tkabbir fil-PGD huwa mistenni jkun ta’ madwar 2.75 % fl-2010.

L-ekonomija tal-UE wkoll intlaqtet fil-laħam il-ħaj

Fit-tielet kwart tal-2008, il-PGD naqas b’0.2 % kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE. Dan jimplika li ż-żona tal-euro daħlet fl-ewwel riċessjoni tagħha hekk kif il-PGD inxtorob għat-tieni kwart konsekuttiv. Wara li d-dejta tal-istħarriġ kompliet sejra lura fis-setturi u fil-pajjiżi kollha, u d-deterjorament qawwi f’indikaturi oħra ewlenin matul ir-raba' kwart, il-PGD huwa mistenni li jkompli jonqos matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena. Huwa mistenni li din ix-xejra negattiva tkun mifruxa sew mal-pajjiżi hekk kif il-kriżi finanzjarja, iċ-ċiklu globali u, f'ċerti Stati Membri, ċediment saħansitra fis-suq tad-djar, iħallu effett. It-tnaqqis kemm fid-domanda privata kif ukoll dik barranija netta huwa mistenni jxekkel ferm it-tkabbir tal-PGD, u huwa biss permezz tal-konsum mill-gvernijiet u l-investiment pubbliku li jista’ jingħata ftit serħan.

B’mod partikolari, l-investiment privat, li kien xprun ċentrali fit-tkabbir ekonomiku, qiegħed iħabbat wiċċu ma’ tnaqqis f’daqqa minħabba tbaxxija sostanzjali fir-rati tal-użu tal-kapaċità, id-deterjorament fix-xejriet ekonomiċi għall-ġejjieni u kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti.

Il-qgħad u ż-żieda fid-defiċits

F’ħafna mill-Istati Membri l-qagħda fis-suq tax-xogħol bdiet sejra lura fl-2008. F'reazzjoni kemmxejn tardiva għat-tibdil fit-tkabbir tal-PGD, it-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jsir wieħed negattiv din is-sena, u fl-UE huwa mistenni li jonqsu madwar 3.5 miljun impjiegi. B’riżultat, ir-rata tal-qgħad hija mistennija tiżdied għal 8.75 % fl-UE fl-2009 u 9.25 % fiż-żona tal-euro), b’żieda ulterjuri fl-2010.

Ix-xejra negattiva hija mistennija wkoll li jkollha effetti fuq il-finanzi pubbliċi, li se jbatu hekk kif ix-xejriet fid-dħul li kellhom fl-imgħoddi jinqalbu ta’ taħt fuq, it-tkabbir ma jkunx jista’ jistrieħ daqshekk fuq it-taxxi u wkoll fuq l-impatt ta’ miżuri diskrezzjonali importanti adottati u/jew imħabbra mill-Istati Membri (li jammontaw għal madwar 1 % tal-PGD għall-2009 fl-UE fil-ħin tat-tlestija ta’ din il-previżjoni). Id-defiċit nominali għalhekk huwa mistenni li jaqbeż id-doppju fl-UE għal 4.5 % fl-2009 (minn madwar 1.75 % sa 4 % fiż-żona tal-euro).

L-inflazzjoni mistennija li taqa’ b’rata mgħaġġla

Il-pressjonijiet tal-inflazzjoni qegħdin jonqsu b’rata mgħaġġla. Iż-żieda agressiva fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi li wasslet biex l-inflazzjoni tilħaq quċċata fis-sajf tal-2008, minn dak iż-żmien treġġgħet lura f’daqqa, hekk kif il-prospetti tat-tkabbir għall-ekonomija tal-UE u dik globali ddgħajfu b’rata mgħaġġla u s-swieq tax-xogħol iddeterjoraw. Dawn l-elementi wittew it-triq għal reviżjoni ‘l isfel sinifikanti għall-previżjoni tal-inflazzjoni, meta mqabbla mal-previżjoni tal-ħarifa. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-konsumaturi issa hija mistennija tonqos minn 3.7 % fl-2008 fl-UE (3.3 % fiż-żona tal-euro) għal 1.2 % fl-2009 (1.0 % fiż-żona tal-euro) sa ftit inqas minn 2 % fl-2010 fiż-żewġ reġjuni.

Inċertezzi sostanzjali fil-qagħda attwali

Din il-previżjoni hija kkaratterizzata minn inċertezza liema bħala hekk kif l-ekonomija dinjija tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi mit-Tieni Gwerra 'l hawn. Ir-riskji għat-tkabbir fil-ġejjieni huma bbilanċjati. Fuq in-naħa negattiva hemm l-impatt tal-kriżi finanzjarja (inkluż is-settur tad-djar) u l-gravità tal-ċirku vizzjuż negattiv bejn is-setturi finanzjarji u dawk reali fl-ekonomija. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir jista’ jkun aktar b’saħħtu jekk inter alia l-pakketti fiskali jerġgħu jiġġeneraw il-fiduċja fost l-investituri u l-konsumaturi b’rata aktar mgħaġġla milli hu previst. Ir-riskji għall-inflazzjoni fil-ġejjieni wkoll jidhru li huma bbilanċjati, wara l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u d-deterjorament tal-prospetti ekonomiċi globalment.

Rapport aktar dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article13727_en.htm

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


[1] Il-Kummissjoni s-soltu tippubblika l-previżjonijiet interim tagħha fi Frar, u dan tagħmlu biss għas-seba’ l-akbar ekonomiji tal-UE, u għall-inflazzjoni u t-tkabbir fis-sena attwali. L-eżerċizzju attwali jqarreb aktar lejn il-previżjonijiet tar-rebbiegħa u tal-ħarifa u huwa ġġustifikat mid-deterjorament eċċezzjonalment mgħaġġel fil-qagħda ekonomika u l-possibbiltajiet għall-ġejjieni mill-ħarifa li għaddiet, u l-importanza li dan jiġi rifless fil-valutazzjoni annwali tal-Programmi tal-Istati Membri għall-Istabbiltà u l-Konverġenza.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website