IP/09/674
Brussell, id-29 ta’ April 2009
Il-pagi fis-settur tas-servizzi finanzjarji:
il-Kummissjoni tesponi prinċipji dwar ir-rimunerazzjoni tal-persunal li
jagħmel impenji ta’ riskju fl-istituzzjonijiet
finanzjarji
Il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni
dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Tirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom politiki ta’ rimunerazzjoni
għall-membri tal-persunal li jagħmlu impenji ta’ riskju li jkunu
konsistenti mal-ġestjoni soda u effikaċi tar-riskju u jippromwovuha.
Ir-Rakkomandazzjoni tesponi linji ta’ gwida dwar l-istruttura tal-paga,
dwar il-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’
rimunerazzjoni u dwar ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji
fir-reviżjoni tal-politiki ta’ rimunerazzjoni tal-istituzzjonijiet
finanzjarji. Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar
ir-rimunerazzjoni tad-diretturi (ara IP/09/673).
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal:
“Sal-lum, fl-industrija tas-servizzi finanzjarji kien hemm wisq
inċentivi perversi. La hija ħaġa f’sensiha u lanqas sana li
dak li jkun iħallas inċentivi biex jinkoraġġixxi
t-teħid ta’ riskji żejda għall-qligħ fil-qosor. Il-G20
qablu li l-prinċipji stretti ġodda tal-FSF dwar skemi ta’
kumpens għandhom ikunu implimentati. Il-Kummissjoni qed turi t-triq.
L-inċentivi jeħtiġilhom ikunu fl-istess linja mar-rendiment
fit-tul fl-azjenda kollha kemm hi. Naturalment, il-livelli ta’
rimunerazzjoni għandhom jibqgħu jibbażaw fuq il-prestazzjoni.
Imma l-kriterji ta’ prestazzjoni għandhom ikunu aġġustati
għar-riskju, u jqisu l-kost tal-kapital u l-likwidità. It-tfassil u
s-sorveljanza tal-politiki ta’ rimunerazzjoni għandhom jibqgħu
r-responsabbiltà tal-bord tad-diretturi, u mhux jitħallew
f’idejn il-maniġment għoli. Jeħtieġ ukoll li
l-awtoritajiet superviżorji jkollhom rwol akbar fl-eżami tal-prattiki
ta’ rimunerazzjoni, biex jippromwovu prattiki sodi ta’
rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji.”
Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri
f’erba’ oqsma:
- Struttura tal-paga: politiki ta’ rimunerazzjoni
għall-membri tal-persunal li jidħlu għal riskji għandhom
ikunu konsistenti mal-ġestjoni soda u effikaċi tar-riskji, u
għandhom jippromwovuha. Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet
finanzjarji għandhom jilħqu bilanċ adegwat bejn il-livell
tal-paga fissa u dak tal-bonus. Il-pagament tal-parti l-kbira tal-bonus
għandu jkun differit biex jitqiesu r-riskji marbuta mal-prestazzjoni
sottostanti, matul iċ-ċiklu tan-negozju. Il-kriterji tal-kejl
tal-prestazzjoni għandhom jiffavorixxu l-aktar il-prestazzjoni fit-tul
tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u l-prestazzjoni sottostanti għandhom
jaġġustawha għar-riskju, il-kost tal-kapital u l-likwidità.
L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ukoll ikunu jistgħu jitolbu
lura l-bonusijiet li diġà jkunu tħallsu, fejn sussegwentement
tingħata prova li d-dejta kienet manifestament iddikjarata ħażin
(clawback).
- Governanza: il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkun
internament trasparenti, ċara u ddokumentata sewwa, u għandu jkun fiha
miżuri biex tevita l-kunflitti tal-interessi. Il-bord tad-diretturi
għandu jkollu r-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-operat
tal-politika ta’ rimunerazzjoni għall-istituzzjoni finanzjarja kollha
kemm hi, bl-involviment adegwat tal-funzjonijiet ta’ kontroll intern u
d-dipartimenti tar-riżorsi umani jew l-esperti. Il-membri tal-bord u
l-persunal ieħor involut fit-tfassil u l-operat tal-politiki ta’
rimunerazzjoni għandhom ikunu indipendenti.
- Żvelar: il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha
tinkixef sewwa lill-persuni interessati kollha. L-iżvelar għandu jsir
b’mod ċar u li jinftiehem faċilment, u għandu jkun fih
l-elementi tal-qofol tal-politika ta’ rimunerazzjoni, it-tfassil u
l-operat tagħha.
- Superviżjoni: is-superviżuri għandhom jiżguraw,
permezz tal-għodod superviżorji li għandhom
għad-dispożizzjoni tagħhom, li l-istituzzjonijiet finanzjarji
japplikaw kemm jista’ jkun il-prinċipji ta’ politiki sodi
ta’ rimunerazzjoni, u li jkollhom politiki konsistenti mal-ġestjoni
effikaċi tar-riskju. Biex jindirizzaw il-kwistjoni
tal-proporzjonalità, is-superviżuri għandhom iqisu n-natura u
l-iskala tal-istituzzjoni finanzjarja flimkien mal-kumplessità
tal-attivitajiet tagħha biex jivvalutaw kemm tkun qed iżżomm
mal-prinċipji dwar politiki sodi ta’
rimunerazzjoni.
Ir-Rakkomandazzjoni tqis sewwa l-isforzi li
diġà qed jagħmlu bosta Stati Membri fil-kuntest tal-kriżi
finanzjarja, u għandha l-mira li dawn l-iżviluppi ġġibhom
‘il quddiem billi tidentifika l-aħjar prattiki, biex tiżgura
aktar konverġenza fi ħdan l-UE. Ir-Rakkomandazzjoni tkopri s-setturi
kollha tal-industrija tas-servizzi finanzjarji biex tevita l-lakuni u
tipprevjeni t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn setturi u istituzzjonijet
finanzjarji differenti. Il-prinċipji japplikaw għall-kategoriji kollha
tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt
materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni finanzjarja.
Il-Kummissjoni sejra ssegwi dawn ir-Rakkomandazzjonijiet bi proposti
leġiżlattivi biex l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jinġiebu
fl-ambitu tas-sorveljanza prudenzjali. F’Ġunju l-Kummissjoni sejra
tressaq proposti biex tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’
Kapital biex tiżgura li l-kapital regolatorju jkopri adegwatament ir-riskji
inerenti tal-kotba tat-tranżazzjonijiet, il-pożizzjonijiet ta’
titolizzazzjoni u l-politiki ta’ rimunerazzjoni tal-banek.
Wara sena, il-Kummissjoni sejra teżamina ż-żewġ
Rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-eżitu
tal-monitoraġġ, u tressaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar kif
l-Istati Membri jkunu applikaw iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet.
It-test sħiħ tar-Rakkomandazzjoni jinsab fis-sit:
http://ec.europa.eu/internal_market/company/directors-remun/index_en.htm
MEM0/09/212