Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/673

Brussell, id-29 ta' April 2009

Il-pagi tad-diretturi: il-Kummissjoni tagħti aktar gwida dwar l-istruttura u d-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni tad-diretturi

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni dwar is-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotati, li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE preċedenti. Politika adegwata ta’ rimunerazzjoni għandha tiżgura paga li tirrifletti l-prestazzjoni u lid-diretturi tistimulahom biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-kumpanija fiż-żmien mezzan u fit-tul. Ir-Rakkomandazzjoni eżistenti dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi tibbaża fuq l-idea li l-paga tkun tirrifletti l-prestazzjoni permezz tal-kxif tal-politika ta’ rimunerazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida sejra tagħti aktar gwida dwar l-ilħiq ta’ dan billi tesponi l-aħjar prattiki għat-tfassil ta’ politika adegwata ta’ rimunerazzjoni. Għal dan il-għan, tiffoka fuq ċerti aspetti tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi u l-proċess ta’ kif tiġi ddeterminata din ir-rimunerazzjoni, inkluża s-superviżjoni min-naħa tal-azzjonisti. Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ara IP/09/674).

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: “Skemi ta’ inċentivi għad-diretturi eżekuttivi ta’ kumpaniji kwotati spiss wisq wasslu għal azzjonijiet ta’ maniġment fil-qosor wisq, u xi drabi saħansitra għal ‘ħlas għall-falliment’. Ir-regoli eżistenti tal-UE jeħtieġ li jkunu ssupplimentati bi gwida addizzjonali dwar ċerti aspetti ewlenin tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi. Saħħaħna wkoll il-proċessi għad-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, inkluża s-superviżjoni min-naħa tal-azzjonisti. Il-messaġġ tagħna huwa ċar: ir-rimunerazzjoni tad-diretturi jeħtiġilha torbot ċar mal-prestazzjoni, u ma għandhiex tippremja l-falliment."

Dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

  • jimponu limitu (massimu ta' sentejn tal-komponent fiss tal-paga tad-diretturi) fuq il-ħlas tat-terminazzjoni (il-paraxuts dehbija), u li fil-każ ta’ falliment jipprojbixxu l-ħlasijiet ta’ terminazzjoni;
  • jesiġu bilanċ bejn il-paga fissa u dik varjabbli, u li l-paga varjabbli jorbtuha ma’ kriterji ta’ prestazzjoni determinati minn qabel u li jitkejlu, biex isaħħu r-rabta bejn il-prestazzjoni u l-paga;
  • jippromwovu s-sostenibbiltà tal-kumpaniji fit-tul, permezz ta’ bilanċ bejn il-kriterji fil-qosor u fit-tul tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, id-differiment tal-paga varjabbli, perjodu minimu ta’ assenjazzjoni għall-opzjonijiet ta’ titoli u ishma (tal-anqas tliet snin); jesiġu ż-żamma tal-ishma sa tmiem l-impjieg;
  • iħallu lill-kumpaniji jitolbu lura l-paga varjabbli li tkun tħallset abbażi ta’ dejta li sussegwentement dwarha tingħata prova li manifestament kienet iddikjarata ħażin ("clawback").

Dwar il-proċess tad-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

  • jestendu ċerti rekwiżiti ta’ kxif li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni eżistenti biex itejbu s-superviżjoni tal-azzjonisti fuq il-politiki ta’ rimunerazzjoni;
  • jiżguraw li l-azzjonisti, b’mod partikolari l-investituri istiruzzjonali, jattendu l-laqgħat ġenerali fejn dan ikun f’loku, u jagħmlu użu meqjus mill-voti tagħhom dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi;
  • jipprovdu li dawk li mhumiex eżekuttivi ma għandhomx jirċievu opzjonijiet ta’ ishma bħala parti mir-rimunerazzjoni tagħhom, biex jevitaw kunflitt ta’ interessi;
  • isaħħu r-rwol u l-operat tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni permezz ta’ prinċipji ġodda dwar (i) il-kompożizzjoni ta’ kumitati ta’ rimunerazzjoni; (ii) jimponu obbligu li l-membri tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni jkunu preżenti fil-laqgħa ġenerali fejn jiġi diskuss ir-rendikont tar-rimunerazzjoni, biex jagħtu spjega lill-azzjonisti; (iii) jevitaw kunflitti ta’ interess għall-konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni tqis sewwa l-isforzi li diġà qed jagħmlu bosta Stati Membri fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, u għandha l-mira li dawn l-iżviluppi ġġibhom ‘il quddiem billi tidentifika l-aħjar prattiki, biex tiżgura aktar konverġenza fi ħdan l-UE. Il-Kummissjoni sejra ssegwi l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-qrib, u tippubblika r-riżultati f’tabelli ta’ konformità.

Wara sena, il-Kummissjoni sejra teżamina ż-żewġ Rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-eżitu tal-monitoraġġ, u tressaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar kif l-Istati Membri jkunu applikaw iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet.

It-test sħiħ tar-Rakkomandazzjoni jinsab fis-sit:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/directors-remun/index_en.htm

MEMO/09/213


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site