IP/09/673
Brussell, id-29 ta' April 2009
Il-pagi tad-diretturi: il-Kummissjoni
tagħti aktar gwida dwar l-istruttura u d-determinazzjoni tar-rimunerazzjoni
tad-diretturi
Il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni
dwar is-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotati, li
tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE
preċedenti. Politika adegwata ta’ rimunerazzjoni
għandha tiżgura paga li tirrifletti l-prestazzjoni u lid-diretturi
tistimulahom biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-kumpanija
fiż-żmien mezzan u fit-tul. Ir-Rakkomandazzjoni eżistenti dwar
ir-rimunerazzjoni tad-diretturi tibbaża fuq l-idea li l-paga tkun
tirrifletti l-prestazzjoni permezz tal-kxif tal-politika ta’
rimunerazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida sejra tagħti aktar gwida
dwar l-ilħiq ta’ dan billi tesponi l-aħjar prattiki
għat-tfassil ta’ politika adegwata ta’ rimunerazzjoni.
Għal dan il-għan, tiffoka fuq ċerti aspetti tal-istruttura
tar-rimunerazzjoni tad-diretturi u l-proċess ta’ kif tiġi
ddeterminata din ir-rimunerazzjoni, inkluża s-superviżjoni
min-naħa tal-azzjonisti. Il-Kummissjoni adottat ukoll Rakkomandazzjoni dwar
il-politika ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ara IP/09/674).
Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal:
“Skemi ta’ inċentivi għad-diretturi eżekuttivi
ta’ kumpaniji kwotati spiss wisq wasslu għal azzjonijiet ta’
maniġment fil-qosor wisq, u xi drabi saħansitra għal
‘ħlas għall-falliment’. Ir-regoli eżistenti tal-UE
jeħtieġ li jkunu ssupplimentati bi gwida addizzjonali dwar ċerti
aspetti ewlenin tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi.
Saħħaħna wkoll il-proċessi għad-determinazzjoni
tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, inkluża s-superviżjoni min-naħa
tal-azzjonisti. Il-messaġġ tagħna huwa ċar:
ir-rimunerazzjoni tad-diretturi jeħtiġilha torbot ċar
mal-prestazzjoni, u ma għandhiex tippremja l-falliment."
Dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi,
ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex:
- jimponu limitu (massimu ta' sentejn tal-komponent fiss tal-paga
tad-diretturi) fuq il-ħlas tat-terminazzjoni (il-paraxuts dehbija), u li
fil-każ ta’ falliment jipprojbixxu l-ħlasijiet ta’
terminazzjoni;
- jesiġu bilanċ bejn il-paga fissa u dik varjabbli, u li l-paga
varjabbli jorbtuha ma’ kriterji ta’ prestazzjoni determinati minn
qabel u li jitkejlu, biex isaħħu r-rabta bejn il-prestazzjoni u
l-paga;
- jippromwovu s-sostenibbiltà tal-kumpaniji fit-tul, permezz ta’
bilanċ bejn il-kriterji fil-qosor u fit-tul tar-rimunerazzjoni
tad-diretturi, id-differiment tal-paga varjabbli, perjodu minimu ta’
assenjazzjoni għall-opzjonijiet ta’ titoli u ishma (tal-anqas tliet
snin); jesiġu ż-żamma tal-ishma sa tmiem l-impjieg;
- iħallu lill-kumpaniji jitolbu lura l-paga varjabbli li tkun
tħallset abbażi ta’ dejta li sussegwentement dwarha
tingħata prova li manifestament kienet iddikjarata ħażin
("clawback").
Dwar il-proċess tad-determinazzjoni
tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati
Membri biex:
- jestendu ċerti rekwiżiti ta’ kxif li jinsabu
fir-Rakkomandazzjoni eżistenti biex itejbu s-superviżjoni
tal-azzjonisti fuq il-politiki ta’ rimunerazzjoni;
- jiżguraw li l-azzjonisti, b’mod partikolari l-investituri
istiruzzjonali, jattendu l-laqgħat ġenerali fejn dan ikun
f’loku, u jagħmlu użu meqjus mill-voti tagħhom dwar
ir-rimunerazzjoni tad-diretturi;
- jipprovdu li dawk li mhumiex eżekuttivi ma għandhomx jirċievu
opzjonijiet ta’ ishma bħala parti mir-rimunerazzjoni tagħhom,
biex jevitaw kunflitt ta’ interessi;
- isaħħu r-rwol u l-operat tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni
permezz ta’ prinċipji ġodda dwar (i) il-kompożizzjoni
ta’ kumitati ta’ rimunerazzjoni; (ii) jimponu obbligu li l-membri
tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni jkunu preżenti fil-laqgħa
ġenerali fejn jiġi diskuss ir-rendikont tar-rimunerazzjoni, biex
jagħtu spjega lill-azzjonisti; (iii) jevitaw kunflitti ta’ interess
għall-konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni.
Ir-Rakkomandazzjoni
tqis sewwa l-isforzi li diġà qed jagħmlu bosta Stati Membri
fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, u għandha l-mira li dawn
l-iżviluppi ġġibhom ‘il quddiem billi tidentifika
l-aħjar prattiki, biex tiżgura aktar konverġenza fi ħdan
l-UE. Il-Kummissjoni sejra ssegwi l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni
mill-qrib, u tippubblika r-riżultati f’tabelli ta’
konformità.
Wara sena, il-Kummissjoni sejra teżamina ż-żewġ
Rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-eżitu
tal-monitoraġġ, u tressaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar kif
l-Istati Membri jkunu applikaw iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet.
It-test sħiħ tar-Rakkomandazzjoni jinsab fis-sit:
http://ec.europa.eu/internal_market/company/directors-remun/index_en.htm
MEMO/09/213