Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/666

Brussell, id-29 ta’ April 2009

Servizzi finanzjari: il-Kummissjoni tipproponi miżuri ta’ protezzjoni aħjar għall-investitur għall-pakketti ta’ prodotti ta’ investiment mhux professjonali

Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tagħmel titjib importanti fil-miżuri ta’ protezzjoni tal-investituri għall-prodotti prinċipali ta’ investiment mixtrija mill-investituri mhux professjonali. L-inkonsistenzi fl-istandards eżistenti jistgħu jkunu ta’ detriment għall-investituri u jistgħu jwasslu għall-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-investiment mhux professjonali. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, spjegati fil-Komunikazzjoni dwar il-Prodotti ta' Investiment Mhux Professjonali Offruti Flimkien, huma li r-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar il-prodott u r-regoli fuq il-bejgħ ta’ prodott hemm bżonn jittejbu u jsiru iktar koerenti. Il-Komunikazzjoni tispjega proposti għall-approċċ leġiżlattiv orizzontali ġdid, li jieħdu l-aħjar mir-rekwiżiti eżistenti u japplikawhom għall-prodotti kollha relevanti. Il-Kummissjoni issa se tibda taħdem fuq proposti leġiżlattivi dettaljati meħtieġa għal dan l-approċċ il-ġdid, u se tipprovdi direzzjoni fuq din il-ħidma sal-aħħar tal-2009.

Il-Kummissarju tas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: “Il-kriżi finanzjarja enfasizzat għal darba oħra l-importanza li l-investituri mhux professjonali jkunu f'pożizzjoni jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment. Huwa importanti li l-investituri jirċievu informazzjoni li jistgħu jafdawha u jifhmuha dwar l-investimenti li jagħmlu, u li dawk li jbigħu l-investimenti dejjem jitrattaw l-investituri b’mod ġust u jiffukaw fuq il-bżonnijiet tagħhom. Il-programm ambizzjuż ta’ ħidma li ħabbarna llum huwa maħsub biex jeħodna sew lejn din il-mira, billi jiżgura li l-informazzjoni dwar u l-bejgħ tal-pakketti tal-prodotti ta’ investiment mhux professjonali jkunu rregolati bi standards għoljin u konsisenti.”

Il-proposta tiffoka fuq l-iżvelar tal-prodott u l-proċess tal-bejgħ għall-prodotti kollha ta’ investiment mhux professjonali f'pakketti, bħal ma huma l-fondi ta’ investiment, investimenti bbażati fuq l-assigurazzjoni u tipi varji ta’ prodotti strutturati. Dawn il-prodotti jiddominaw is-suq tal-investiment mhux professjonali, jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ investituri simili u joħolqu sfidi komparabbli u importanti għall-protezzjoni tal-investitur.

F’dan l-istadju l-Komunikazzjoni ma fihiex proposti leġiżlattivi dettaljati, iżda tispjega l-prinċipji komprensivi għall-approċċ orizzontali għall-iżvelar tal-prodott u l-prattiċi tal-bejgħ, u timpenja lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi li jwasslu għal dawn ir-riżultati.

Sfond

  • Is-suq għall-pakketti tal-prodotti ta’ investiment mhux professjonali huwa kbir ħafna u jista’ jkun stmat li kien jiswa sa EUR 8 triljun fl-aħħar tal-2008.
  • Dawn il-prodotti jistgħu joffru benefiċċji konsiderevoli lill-investituri mhux professjonali. Madanakollu, ħafna drabi huma komplessi u diffiċli biex l-investituri jifhmuhom sew, partikolarment fir-rigward tar-riskji u l-kosts tagħhom.
  • Dawn il-proposti huma parti mill-programm ta’ riforma ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa (IP/09/351) sabiex terġa' tinbena l-fiduċja u twassal għal swieq finanzjarji responsabbli għall-futur.
  • Il-Kummissjoni għaddejja b’ħidma mal-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) fuq proposti għal dokument għall-informazjoni dwar il-prodott għall-fondi UCITS favorevoli għall-investitur[1], ‘L-Informazzjoni Ewlenija għall-Investitur’(KII), li jipprovdi livell tajjeb ta’ paragun għall- pakketti tal-prodotti ta’ investiment mhux professjonali oħra.
  • Ir-regoli dwar bejgħ ta' prodotti, kemm permezz ta' intermedjarju jew fornitur tal-prodotti, ikopru oqsma bħall-kunflitti ta' interess, inċentivar u kemm il-bejgħ ikun adegwat u xieraq. Il-Kummissjoni tikkunsindra li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tas-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) jipprovdu livell tajjeb ta’ paragun għall-bejgħ tal-pakketti kollha tal-prodotti ta’ investiment mhux professjonali.

Għal aktar tagħrif żur:

http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/investment_products_en.htm

MEMO/09/210


[1] Impriżi ta' Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website