Navigation path

Left navigation

Additional tools

Era ġdida għall-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ

European Commission - IP/09/644   27/04/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/644

Brussell, is-27 ta’ April 2009

Era ġdida għall-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE ġdida għall-politika dwar iż-żgħażagħ għad-diċennju li jmiss. L-istrateġija l-ġdida, li ssejħet "Iż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni", tagħraf il-fatt li (1) iż-żgħażagħ huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, speċjalment waqt il-kriżi finanzjarja u ekonomika li tinsab għaddejja bħalissa, u li (2) fis-soċjetà tagħna li kull ma jmur dejjem qed tixjieħ, iż-żgħażagħ huma riżorsa prezzjuża. L-istrateġija l-ġdida tolqot iktar minn settur wieħed, u tħaddan fiha azzjonijiet kemm fuq medda qasira ta' żmien kif ukoll twila, li jinvolvu oqsma politiċi ewlenin li jolqtu liż-żgħażagħ Ewropej, b'mod partikolari l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kreattività u l-imprenditorija, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u l-isport, il-parteċipazzjoni ċivika, u l-volontarjat fost iż-żgħażagħ. L-istrateġija l-ġdida tenfasizza wkoll l-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u tiddefinixxi miżuri msaħħa għal implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE.

Il-ġenerazzjoni żagħżugħa hija riżorsa li kull ma jmur dejjem qed tiskarsa, li mill-20 % tal-popolazzjoni attwali mistennija taqa' għal 15 % sal-2005. Iż-żgħażagħ tagħna huma wkoll riżorsa prezzjuża, u l-kriżi finanzjarja u ekonomika li tinsab għaddejja bħalissa tixhed b'mod speċjali l-ħtieġa li jitrawwem kapital uman frisk. Filwaqt li ż-żgħażagħ fl-UE tal-lum igawdu minn opportunitajiet ikbar, dawn iħabbtu wiċċhom ukoll ma' sfidi diffiċli, hekk kif bosta minnhom iħallu l-iskola u l-impjieg tagħhom, jew jinsabu mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Skont stħarriġ li sar, l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa huma l-iktar suġġetti li jinkwetaw liż-żgħażagħ tal-lum. Jeħtieġ ukoll li ż-żgħażagħ Ewropej jiġu attrezzati biex jibbenefikaw minn opportunitajiet bħall-parteċipazzjoni ċivika u dik politika, il-volontarjat, il-kreattività u l-intraprenditorija, l-isport u l-impenn globali. Sabiex tikkonfronta sfidi bħal dawn, u biex toffri l-opportunitajiet liż-żgħażagħ kollha, il-Kummissjoni qed tipproponi strateġija mġedda dwar iż-żgħażagħ tal-UE li tippreżenta rispons estensiv.

L-istrateġija "Iż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni", li ssegwi fuq il-passi tal-aġenda soċjali mġedda mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, għandha dawn il-miri:

  • li toħloq iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u l-impjiegi,
  • li ttejjeb l-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà, u
  • li trawwem is-solidarjetà bejn iż-żgħażagħ u s-soċjetà.

Din tenfasizza s-sehem importanti tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu ttrattati l-qgħad, il-falliment skolastiku u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jittejbu l-ħiliet u jiġi provdut il-ħin liberu.

Il-Kummissjoni tipproponi li tintuża metodoloġija li tolqot iktar minn settur wieħed f'daqqa sabiex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ, filwaqt li l-istrateġija l-ġdida tiddefinixxi azzjonijiet differenti li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Fiha nfisha, tifforma parti mir-rispons koordinat tal-UE għall-kriżi attwali.

L-istrateġija tipproponi metodu ta' koordinament tal-politika dwar iż-żgħażagħ fost l-Istati Membri iktar flessibbli u simplifikat, b'rabtiet imsaħħa mal-Istrateġija ta' Liżbona għal iktar tkabbir u impjiegi ta' natura aħjar.

Fil-kummenti tiegħu rigward l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iż-żgħażagħ, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ, Ján Figeľ, qal: "Iż-żgħożija hija l-preżent u l-futur tagħna - u jeħtiġilna nimplimentaw sforz konċertat sabiex noffru kemm jista' jkun mogħdijiet għaċ-ċittadini żgħażagħ tagħna, speċjalment fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' bħalissa. Il-fattur ewlieni huwa li nattrezzaw liż-żgħażagħ tagħna sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw il-bosta sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fid-dinja globalizzata tal-lum. L-istrateġija l-ġdida tagħna hija tweġiba f'waqtha għal dawn l-isfidi, li tiftaħ il-bieb għal era ġdida fit-tiswir tal-politiki dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE."

L-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-istrateġija l-ġdida dwar iż-żgħażagħ ssegwi eżerċizzju estensiv ta' konsultazzjoni li seħħ fl-2008, li involva lill-awtoritajiet nazzjonali, il-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati oħra. Iż-żgħażagħ infushom ġew ikkonsultati elettronikament u issa se jiġu mistiedna jirreaġixxu għall-proposti tal-Kummissjoni f'fażi ġdida tad-djalogu permanenti bejn l-UE u ż-żgħażagħ tagħha.

Illum, il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll l-ewwel "Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ", li jinkludi dejta u analiżi dettaljati miġbura mill-EUROSTAT. Dawn ir-rapporti se jibdew jinħarġu kull tliet xhur u se jikkontribwixxu sabiex tiġi provduta bażi ta' għarfien aħjar fil-qasam taż-żgħażagħ.

Għal aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ:

Il-paġna ewlenija dwar iż-Żgħażagħ fi ħdan il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/youth/index_en.htm

Il-portal taż-żgħażagħ:

http://europa.eu/youth/index.cfm

Il-portal taż-żgħażagħ tal-UE:

http://ec.europa.eu/youth/index_en.htm

Ara:

MEMO/09/201 (Konsultazzjonijiet li saru qabel ma l-Kummissjoni adottat l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iż-Żgħażagħ: "Iż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni")

MEMO/09/202 (L-Ewwel Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ)

MEMO/09/204 (Il-politiki tal-UE dwar iż-Żgħażagħ: Mistoqsijiet li Spiss Isiru)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website