Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/624

Brussell, it-23 ta’ April 2009

L-Ambjent: tiftaħ f'Ateni konferenza ewlenija dwar il-politika tal-ġejjieni tal-UE dwar il-bijodiversità

Nhar it-Tnejn is-27 ta'April f'Ateni, il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas se jiftaħ konferenza ta' jumejn bl-isem "Biodiversity Protection – Beyond 2010" (il-Ħarsien tal-Bijodiversità – lil hinn mill-2010). Madwar 230 delegat mill-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien ma' rappreżentanti minn NGOs, negozji Ewropej u organizzazzjonijiet tan-NU sejrin jiddiskutu l-politika kurrenti tal-UE dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità, filwaqt li jidentifikaw prijoritajiet għall-azzjoni fil-ġejjieni. Hemm evidenza dejjem akbar li minkejja li sar progress importanti – pereżempju bl-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000 –xorta baqgħu sejrin lura l-ekosistemi u jintilfu l-ispeċijiet. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-UE li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità, se jkun neċessarju li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi jqis il-valur reali tal-bijodiversità.

"L-ekosistemi huma sisien il-ħajja tad-dinja u qegħdin jinqerdu bħal qatt qabel", qal il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas. "Ilkoll naqblu li l-ħarsien tan-natura huwa obbligu morali. Iżda l-bijodiversità hija wkoll is-sies tal-benessri tal-bniedem. L-ekosistemi jiżguraw ilma nadif, isaffulna l-arja, jirregolaw il-klima u jipprovdulna l-ikel. In-natura tagħtina materji primi u hija l-oriġini ta' bosta mill-mediċini l-aktar effettivi tagħna. Il-politiki ta' bħalissa għat-trażżin tat-telf tal-bijodiversità qed ikollhom effett pożittiv iżda mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-kobor tal-isfida. Mhuwiex sostenibbli li kollox jibqa' għaddej kif inhu, u din il-konferenza għandha l-għan li tvara sforz imġedded sabiex jitrażżan it-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa u lil hinn minnha."

It-triq lejn politika għall-ġejjieni

Il-konferenza se tibda bi stampa aġġornata tal-qagħda tal-bijodiversità fl-UE u lil hinn, qabel ma tingħata ħarsa lejn il-ġejjieni. Sessjonijiet paralleli se jkopru suġġetti li jinkludu l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità, ir-reazzjoni mill-industrija u n-negozji, titjib possibbli għan-netwerk Natura 2000, il-ħtieġa li jiġu inklużi b'mod aktar effettiv kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità f'oqsma tal-politika oħra (bħall-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp reġjonali, it-trasport, l-enerġija, il-kummerċ u l-għajnuna għall-iżvilupp), u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-valur reali tal-bijodiversità jiġi inkluż fl-ekonomija u l-kontabilità. Il-konferenza se tintemm b'sinteżi ta' rakkomandazzjonijiet u "Messaġġ minn Ateni" li jiġbor is-suġġerimenti għall-politika tal-ġejjieni dwar il-bijodiversità.

Imperattiv ekonomiku u etiku

Il-ħarsien tal-bijodiversità jikkonċerna l-konservazzjoni tal-flessibbiltà u l-vitalità tal-ekosistemi naturali tagħna, sew għall-valur intrinisku tagħhom sew għall-benefiċċji li jagħtu lis-soċjetà umana. Ekosistemi b'saħħithom huma għalhekk l-aħjar difiża li għandna kontra l-agħar estremi tat-temp assoċjati mat-tibdil fil-klima.

Hemm għarfien dejjem akbar li l-benefiċċji li s-soċjetà tgawdi min-natura għandhom valur kbir ħafna, u li l-iżvilupp uman sostenibbli jiddependi fuq it-twassil kontinwu ta' dawn il-benefiċċji. Madankollu, il-valur reali ta' dawn il-benefiċċji bħalissa mhu rifless la fil-prezz tas-suq tagħhom u lanqas fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi. Sakemm ma jiġix indirizzat dan-nuqqas bażiku, il-bijodiversità se tkompli tintilef.

Aktar tagħrif:

Web streaming, il-programm sħiħ u aktar dettalji dwar il-konferenza jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/conference/index_en.htm

Il-materjal awdjoviżiv għall-konferenza jista' jitniżżel minn:

https://www.yousendit.com/transfer.php?action=batch_download&send_id=678821884&email=718eed88b029b1b19ecaae149b9e5d19

MEMO/09/177


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website