Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/617

Brussell, it-22 ta’ April 2009

Sajd: dibattitu miftuħ dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd Ewropew

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE. Id-dokument janalizza n-nuqqasijiet li hemm fil-Politika ta’ bħalissa u jagħti bidu għal konsultazzjoni wiesgħa pubblika dwar kif wieħed għandu jindirizza dawn in-nuqqasijiet. Sajjieda u partijiet interessati oħra fis-settur, iżda wkoll ix-xjentisti, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini interessati, huma mistiedna jagħtu r-reazzjonijiet u l-fehma tagħhom dwar il-ġejjieni tas-sajd Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2009. Il-konsultazzjoni hija l-ewwel pass fil-proċess li għandu jwassal għal riforma radikali fil-Politika Komuni tas-Sajd.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, qal: Qegħdin nistaqsu saħansitra dwar is-sisien tal-politika ta’ bħalissa u għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu. M’aħniex inħarsu lejn sempliċiment riforma oħra. Wasal il-mument li nfasslu sistema moderna, sempliċi u sostenibbli għall-ġestjoni tas-sajd fl-UE, li tkun tista' sservi sew għas-seklu 21.

L-għan tal-Green Paper li qiegħda tiġi adottata llum huwa doppju: li tqajjem kunxjenza dwar l-isfidi li s-settur kellu jegħleb f'dawn l-aħħar snin; u li tislet reazzjoni mill-pubbliku li tista’ tiżviluppa f’approċċ ġdid, innovattiv u iktar konsenswali dwar ir-regolament dwar is-sajd. Tqajjem mistoqsijiet bħal: Kif nistgħu niżguraw is-sostenibbiltà fit-tul u l-vijabbiltà tas-sajd? Kif tista' l-kapaċità totali tal-flotta tkun adattata filwaqt li jiġi indirizzat t-tħassib soċjali li jħabbtu wiċċhom miegħu l-komunitajiet ta’ madwar il-kosta? Kif tista' tiġi żviluppata aktar il-kultura ta' konformità? Kif l-aħjar tikkontribwixxi l-PKS għas-sostenibbiltà tas-sajd lil hinn mill-ilmijiet tal-UE?

Id-dokument janalizza l-aspetti kollha tal-politika tas-sajd tal-lum u tispjega għalfejn xi problemi jibqgħu jinqalgħu minkejja l-progress li sar bir-riforma tal-2002. Waħda mill-problemi ewlenin hija l-qagħda eżawrita tal-istokkijiet tal-ħut Ewropew: 88% tal-istokkijiet huma sfruttati żżejjed (meta mqabbla mal-medja globali ta' 25%) u 30% huma "barra mil-limiti bijoloġiċi tas-sikurezza", jiġifieri ma jistgħux jirriproduċu b’rata normali minħabba li l-ġenerazzjoni tal-ħut riproduttiv hija sfruttata żżejjed. F’ħafna miż-żoni tas-sajd għadna qegħdin nistadu sa darbtejn jew tlieta iktar minn kemm jifilħu l-istokkijiet tal-ħut. Dan jiġri l-iżjed minħabba l-kapaċità żejda tal-flotot. Fil-fatt it-tali kapaċità żejda mhijiex ekonomikament ineffiċjenti minħabba li mhux biss tnaqqas l-istokkijiet iżda wkoll minħabba li dejjem twassal għal tnaqqis fil-qligħ tal-industrija. Hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet sabiex l-istokkijiet l-iktar mhedda jerġgħu jieħdu r-ruħ u fl-istess ħin ikun żgurat li s-sajd ikompli jkun sors affidabbli ta’ dħul għas-sajjieda.

Minbarra l-kapaċità żejda tal-flotot, id-dokument jidentifika erba’ nuqqasijiet strutturali oħrajn fl-approċċ ta’ bħalissa:

  • in-nuqqas ta’ miri politiċi eżatti, speċjalment fir-rigward tar-responsabbiltà ekoloġika u l-integrazzjoni mal-kwistjonijiet maritttimi ġenerali;
  • sistema tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li hija ċċentralizzata u ffukata żżejjed fuq soluzzjonijiet għal perjodu qasir li ħafna drabi jkunu ta’ theddiha għas-sostenibbiltà fuq perjodu twil ta’ żmien;
  • qafas li ma jagħtix biżżejjed responsabbiltà lill-industrija;
  • in-nuqqas tar-rieda politika lejn konformità mal-limiti tas-sajd.

Dawn il-kwistjonijiet għandhom jitqiesu f’kuntest fejn l-Ewropa timporta żewġ terzi mid-domanda tagħha għall-prodotti tas-sajd.

Il-Kummissjoni hija mħassba li jekk fis-snin li ġejjin ma tinkisibx sostenibbiltà ambjentali tas-sajd, se nispiċċaw b'ibħra nieqsa mill-ħut u b'industrija tas-sajd mhux vijabbli. Jekk madankollu r-riforma li jmiss tfassal il-Politika Komuni tas-Sajd għas-seklu 21, il-benefiċċji ma jkunux sempliċiment limitati għas-sajjieda jew għall-komunitajiet ta’ madwar il-kosta, imma saħansitra ċ-ċittadini Ewropej kollha se jgawdu minnha.

Għalkemm il-Kummissjoni hija biss marbuta legalment sabiex tirrivedi xi partijiet tal-PKS sal-2012, is-sitwazzjoni li mistennija tinħoloq, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-istokkijiet u l-kapaċità żejda tal-flotot ikkonvinċewha li hemm bżonn jinbeda proċess ta’ riforma issa. Il-konsultazzjoni mnedija llum se tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2009 u l-Kummissjoni se tiġbor ir-riżultati tagħha kollha fl-ewwel nofs tas-sena 2010. Wara iżjed konsultazzjoni mal-partijiet interessaati, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u tiżviluppa proposta għal regolament ġdid ta’ bażi. Dan jista’ jiġi ppreżentat wara lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kmieni fl-2011, bil-ħsieb li jiġi adottat fl-2012.

Aktar informazzjoni u dokumenti jistgħu jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website