Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/609

Brussell, il-21 ta’ April 2009

Żoni Inqas Iffavoriti: Il-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali biex tissimplifika u timmira aħjar l-għajnuna

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li twitti t-triq għal klassifikazzjoni ġdida ta’ żoni agrikoli bi żvantaġġi naturali. Bl-għajnuna ta’ esperti xjentifiċi, il-Kummissjoni identifikat tmien kriterji pedoklimatiċi (jiġifieri ta’ ħamrija u ta’ klima) bħala l-bażi għall-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żoni b’mod ċar u oġġettiv. Madankollu, qabel ma tippreżenta proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni teħtieġ iktar dejta biex tivvaluta l-fattibbiltà tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri ntalbu li jipprovdu simulazzjonijiet billi jużaw dejta nazzjonali ħalli juru kif jistgħu jaħdmu l-kriterji. Huwa probabbli li s-sistema ta' klassifikazzjoni ġdida tidħol fis-seħħ fl-2014; sadanittant tibqa’ fis-seħħ is-sistema attwali. Dan l-eżerċizzju ta’ reviżjoni ma jaffettwax iż-żoni tal-muntanji (li diġà huma kklassifikati abbażi tal-kriterji ta’ għan komuni) jew żoni bi żvantaġġi speċifiċi (pereżempju gżejjer u żoni kostali) li huma kklassifikati skont dawk l-iżvantaġġi speċifiċi.

“Id-delimitazzjoni ta’ żoni bi żvantaġġi naturali għall-agrikoltura teħtieġ li tiġi rrazzjonalizzata u l-għajnuna tkun immirata aħjar. Huwa fl-interess tal-bdiewa u tagħna lkoll li dawn iż-żoni jibqgħu jintużaw għall-biedja sabiex tiġi evitata l-ħsara ambjentali”, qalet Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. “L-għan mhuwiex li jitnaqqsu jew jikbru ż-żoni inqas iffavoriti, imma li tiġi stabbilita sistema ta’ delimitazzjoni li hija ċara u trasparenti, filwaqt li jiġu meqjusa l-partikularitajiet ta’ żona daqshekk kbira u diversa daqs l-UE.”

Delimitazzjoni ta’ żona iktar sempliċi u trasparenti

Biex jiġi deċiż jekk żona għandhiex tirċievi pagament ta’ żona inqas iffavorita, bħalissa madwar l-UE iktar minn 100 kriterju nazzjonali differenti ħafna. Din id-diversità ġiet indikata mill-Qorti tal-Awdituri bħala sors possibbli ta' trattament inekwu. Bl-għajnuna ta’ esperti xjentifiċi, il-Kummissjoni identifikat tmien kriterji pedoklimatiċi[1] li jistgħu jkunu bażi tajba għall-oġġettività u li jikklassifikaw dawn iż-żoni b’mod ċar.

Madankollu, il-fattibbiltà ta’ delimitazzjoni ġdida bbażata fuq dawn il-kriterji teħtieġ li tkun ivvalutata abbażi tas-simulazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri bl-użu ta’ dejta nazzjonali dettaljata.

Immirar imtejjeb

Sabiex jiġu mħarsa l-pajsaġġi, il-ħabitati naturali u l-bijodiversità, biex jiġu evitati nirien fil-foresti u biex titjieb il-ġestjoni tal-ilma u tal-ħamrija, huwa kruċjali li jinżammu sistemi sostenibbli tal-biedja f’żoni fejn il-klima u l-ħamrija jagħmlu dan kollu diffiċli.

Is-sussidji tal-UE li jħarsu l-biedja f’żoni bħal dawn għandhom ikunu riservati għal dawk iż-żoni fejn l-iżvantaġġi naturali huma gravi u jaffetwaw lill-biedja. Il-mod kif titqassam l-għajnuna lill-irziezet f’dawn iż-żoni għandu jimmira wkoll l-irziziet li jkunu f’riskju ikbar li jabbandunaw l-art.

Kooperazzjoni intensa

Saru iktar minn 100 laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u wara konsultazzjoni pubblika mnedija fit-22 ta’ Mejju 2008 ġew riċevuti 121 kontribuzzjoni. Dawn huma miġbura fil-qosor fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni.

Il-Komunikazzjoni adottata llum tkompli tinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, ir-reġjuni u l-gruppi interessati fl-użu tal-art agrikola fl-analiżi li twassal għal delimitazzjoni ġdida taż-żona.

L-involviment tal-Istati Membri jiżdied billi jagħmlu simulazzjonijiet li jkunu kruċjali għall-preparazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

Ambitu limitat

Dan l-eżerċizzju ta’ reviżjoni ma jaffettwax iż-żoni tal-muntanji (li diġà huma kklassifikati abbażi tal-kriterji ta’ għan komuni) jew żoni bi żvantaġġi speċifiċi (pereżempju gżejjer u żoni kostali) li huma kklassifikati skont dawk l-iżvantaġġi speċifiċi.

Il-passi li jmiss

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibagħtu s-simulazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni sal-21 ta' Ottubru 2009. X’aktarx li s-sistema ta' klassifikazzjoni ġdida tidħol fis-seħħ fl-2014.

Iktar tagħrif

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna lill-bdiewa f’Żoni Inqas Iffavoriti

http://ec.europa.eu/agriculture/rurdev/lfa/index_en.htm

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Iżvilupp Rurali 2007-2013

http://ec.europa.eu/agriculture/rurdev/index_mt.htm


[1] Dawn it-tmien kriterji huma: It-temperatura baxxa, l-istress mis-sħana, it-tneħħija tal-ħamrija, is-sura tal-ħamrija u kemm fiha ġebla, il-fond tal-għeruq tal-ħamrija, il-kwalitajiet kimiċi tal-ħamrija, il-bilanċ tal-umdità tal-ħamrija u l-pendil tal-ħamrija.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site