Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/594

Brussell, 20 ta’ April 2009

Il-Konsumaturi: Ir-Rapport Annwali RAPEX tal-2008 juri żieda fin-numru ta’ prodotti perikolużi li qed jinstabu

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ twissija rapida Komunitarja għal prodotti perikolużi li mhumiex ikel, illum żvela li n-numru ta’ prodotti perikolużi tal-konsumatur li tneħħew mis-suq tal-UE żdied b'16 % fl-2008 meta mqabbel mal-2007. Din iż-żieda minn 1 605 notifiki fl-2007 għal 1 866 fis-sena li għaddiet turi li l-kapaċità tas-sistema RAPEX għal darb'oħra żdiedet b'mod sostanzjali fl-2008 wara investiment sostanzjali ta' riżorsi u taħriġ mill-Kummissjoni Ewropea u n-negozji Ewropej fil-qasam ta' sikurezza tal-prodott tal-konsumatur qegħdin ukoll jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom aktar serjament u qegħdin ineħħu mis-suq il-prodotti perikolużi tagħhom aktar malajr. Il-ġugarelli b'oġġetti marbuta mal-indukrar tat-tfal (bħal roti, baby walkers, sodod żgħar għal trabi u gażażi), prodotti elettriċi u vetturi bil-mutur kienu l-prodotti l-aktar innotifikati b'mod frekwenti fl-2008. In-numru ta' notifiki dwar prodotti ta' oriġini Ċiniża mibgħuta permezz ta' RAPEX żdied (minn 52 % fl-2007 għal 59 % fl-2008). Din għandha titqies bħala konsegwenza tal-iffokar tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq fuq kategoriji ta' prodotti magħrufa li huma ta' riskju akbar.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Meglena Kuneva qalet: "Dan ir-rapport jibgħat messaġġ ċar ħafna li ma hemmx lok għal kompjaċenza fejn tidħol is-sikurezza. L-akbar sfida għall-2009 hija li niżguraw li s-sikurezza tal-prodott ma tkunx imwarrba f'dan il-perjodu ta' kriżi finanzjarja, li n-negozji jibqgħu jirrispettaw l-obbligi tagħhom lejn il-konsumaturi u li l-Istati Membri jallokaw riżorsi biżżejjed għall-infurzar. Is-sikurezza mhijiex lussu. Dan ir-rapport jistabbilixxi b'mod ċar l-isfidi sinifikanti li qed inħabbtu wiċċna magħhom u jibgħat sinjal ċar li ma hemm l-ebda lok għal tnaqqis fl-ispejjeż jew qtugħ għad-dritt fejn tidħol is-sikurezza. Għall-kuntrarju, fi żminijiet ta' kriżi ekonomika meta l-prezz isir fattur importanti fin-nefqa tal-konsumatur, neħtieġu li nżidu l-isforzi tagħna u nżommu l-viġilanza għolja."

In-numru ta' prodotti perikolużi nnotifikati għadu qed jikber

In-numru totali ta' notifiki mqassma permezz tas-sistema tar-RAPEX tela' gradwalment mill-2004 (meta d-Direttiva Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodott, li hija bażi legali għar-RAPEX, ġiet trasposta f'liġijiet nazzjonali mill-Istati Membri). F'din il-ħames sena, in-numru ta' notifiki kkwadruplika minn 468 (fl-2004) għal 1 866 (fl-2008). Fl-2008, in-numru ta' notifiki telgħa b'16 % meta mqabbel mal-2007. Iż-żieda fin-notifiki tar-RAPEX tista’ tiġi attribwita għal infurzar aktar effettiv tas-sikurezza tal-prodott mill-awtoritajiet nazzjonali, għarfien aħjar fost in-negozji dwar l-obbligi tagħhom, kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi, u azzjonijiet ta' ħolqien ta' netwerks fost l-Istati Membri kkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għar-RAPEX

Il-pajjiżi kollha tal-UE ipparteċipaw fis-sistema tar-RAPEX billi sabu u nnotifikaw prodotti ġodda li huma perikolużi u żguraw ruħhom li kien hemm azzjonijiet ta' segwitu xierqa għall-informazzjoni miksuba. Tnax minnhom żiedu aktar l-attivitajiet tagħhom fis-sistema u nnotifikaw aktar prodotti perikolużi mill-2007. Il-pajjiżi li għamlu l-aktar notifiki kienu l-Ġermanja (205 notifiki), Spanja (163 notifika), is-Slovakkja (140 notifika), il-Greċja (132 notifika) u l-Ungerija (129 notifika). Notifiki mibgħuta minn dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 50 % tan-notifiki kollha mibgħuta permezz tas-sistema dwar prodotti li huma ta' riskju serju.

Ġugarelli, tagħmir elettriku tad-dar u vetturi bil-mutur jinsabu fil-quċċata tal-lista

Fl-2008, ġugarelli (498 notifika), tagħmir tal-elettriku tad-dar (169 notifika) u vetturi bil-mutur (160 notifika) waħidhom ammontaw għal 53 % tan-notifiki fuq prodotti li huma ta' riskju serju. Dawn ir-riżultati huma skont ir-riżultati tar-RAPEX mill-2007. Fl-2008 prodotti tat-tessuti inklużi ħwejjeġ (b'140 notifika) saru r-raba' kategorija ta' prodotti li huma l-aktar innotifikati b'mod frekwenti – permezz tar-RAPEX.

Żieda fin-numru ta' notifiki dwar prodotti ta' oriġini Ċiniża

B'kollox, fl-2008, 909 notifiki dwar prodotti li huma ta' riskju serju mibgħuta permezz tas-sistema tar-RAPEX kienu jikkonċernaw prodotti mmanifatturati fiċ-Ċina. In-numru ta' prodotti ta' oriġini Ċiniża nnotifikati permezz tar-RAPEX żdied fl-2008 għal 59 % minn 52 % fl-2007. It-tendenza li dejjem tikber għandha titqies fil-kuntest ta’ numru ta' fatturi, bħal: żieda fl-importazzjonijiet ta' oġġetti miċ-Ċina lejn l-UE, l-iffokar ta' azzjonijiet ta' infurzar fuq prodotti ta' oriġini Ċiniża meħuda f'livell nazzjonali, kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-UE u ċ-Ċina.

Ir-rapport juri li l-awtoritajiet Ċiniżi qed jadottaw dejjem aktar miżuri restrittivi fuq is-suq tagħhom, abbażi tal-informazzjoni tar-RAPEX ippovduta permezz tal-applikazzjoni "RAPEX-CHINA" (stabbilita f'Settembru 2006). Il-miżuri korrettivi meħuda mill-awtoritajiet Ċiniżi huma kkomunikati lill-Kummissjoni fuq bażi ta' sistema ta' rapport kull tliet xhur introdotta fl-2007. Minn mindu ġiet stabbilita l-applikazzjoni, AQSIQ investigat 669 notifika tar-RAPEX. Fi 352 każ (53 %) investigazzjonijiet irriżultaw f'miżuri preventivi jew restrittivi (eż. projbizzjoni/waqfien tal-esportazzjoni, tisħiħ fis-superviżjoni fuq il-manifattur/esportatur Ċiniż) li ġew adottati jew mill-AQSIQ jew volontarjament mill-manifattur/esportatur Ċiniż.

Għal aktar informazzjoni, ara: MEMO/09/167

U http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website