Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/571

Brussell, 14 ta’ April 2009

Il-privatezza taċ-ċittadini trid issir prijorità fl-era diġitali, tgħid il-Kummissarju tal-UE Reding

F'filmat li tqiegħed dalgħodu fuq is-sit elettroniku tagħha, Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, qalet li l-Ewropej irid ikollhom id-dritt jikkontrollaw kif jintuża t-tagħrif personali tagħhom, u qalet li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu azzjoni kull fejn l-Istati Membri tal-UE jonqsu milli jiżguraw li teknoloġiji ġodda bħar-riklamar li jagħraf l-imġiba tal-konsumatur, l-ismart chips RFID jew in-netwerking soċjali online jirrispettaw dan id-dritt.

"L-Ewropej għandhom ikollhom id-dritt jikkontrollaw l-użu tat-tagħrif personali tagħhom," qalet Vivian Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, filwaqt li ħabbret diversi oqsma li fihom il-Kummissjoni lesta tieħu azzjoni sabiex iżżomm dan id-dritt hekk kif ix-xejriet tat-teknoloġija jagħmlu l-użu, u l-użu ħażin tat-tagħrif personali, iżjed faċli. Hija avżat li l-UE lesta tieħu azzjoni fejn l-Istati Membri jonqsu milli jimplimentaw ir-regoli tal-UE li jiżguraw il-privatezza u l-bżonn tal-kunsens ta' persuna qabel l-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu jew tagħha.

"Ir-regoli tal-Ewropa dwar il-privatezza huma ċarissimi: it-tagħrif ta' persuna jista' jintuża biss bil-kunsens tagħha minn qabel. Ma nistgħux nerħuh dan il-prinċipju bażiku, biex nispiċċaw bil-monitoraġġ, l-statistika u l-ħżin tal-iskambji kollha tagħna, għax twiegħdna li jkollna reklamar' iżjed relevanti! Minix se noqgħod lura milli nieħu azzjoni fejn pajjiż tal-UE jonqos mill-obbligi tiegħu," qalet il-Kummissarju Reding fil-messaġġ tal-filmat tagħha.

Viviane Reding avżat ukoll li l-IDentifikazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju (RFID), l-ismart chips integrati fil-prodotti sabiex jibgħatu s-sinjali tar-radju, se jwettqu l-potenzjal ekonomiku tagħhom biss "jekk jintużaw mill-konsumatur u mhux fuq il-konsumatur. L-ebda Ewropew ma għandu jġorr ċippa f'wieħed mill-oġġetti tiegħu mingħajr ma jkun infurmat eżatt għal xiex qed tintuża, bl-għażla li jista' jneħħiha jew jitfiha meta jrid."

Il-Kummissarju ġibdet l-attenzjoni wkoll tal-impriżi tan-netwerking soċjali sabiex jinfurzaw l-protezzjoni tal-privatezza online: "Il-privatezza għandha fil-fehma tiegħi tkun prijorità għall-fornituri tan-netwerking soċjali u l-utenti tagħhom. Nemmen bis-sħiħ li talanqas il-profili tal-minuri għandhom jinżammu privati awtomatikament u ma jkunux disponibbli għall-magni tat-tiftix tal-internet. Il-Kummissjoni Ewropea diġà ġibdet l-attenzjoni tas-siti tan-netwerking soċjali sabiex jieħdu ħsieb il-profili tal-minuri b'ċerta galbu, bis-saħħa tal-awtoregolazzjoni. Lesta nkompli fuq dan b'regolamenti ġodda jekk hemm bżonn."

Sfond

Id-Direttiva tal-UE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika teħtieġ lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet billi jipprojbixxu l-interċettazzjoni u s-sorveljanza illegali sakemm l-utenti kkonċernati ma jkunux taw il-kunsens tagħhom (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58/KE). Id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tispeċifika li persuna trid tagħti l-kunsens tagħha liberament u tkun infurmata qabel mat-tagħrif personali tagħha jiġi pproċessat (l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE).

Fi Frar li għadda l-Kummissjoni irnexxielha tasal għal ftehim bejn 17-il impriża prinċipali tan-netwerking soċjali sabiex itejbu l-privatezza, speċjalment dik tal-minuri, fuq is-siti tan-netwerking soċjali (IP/09/232). F'dan il-ftehim, l-impriżi għarfu r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex jiżguraw is-sikurezza tat-tfal u ntrabtu li jgħinu u jinkoraġġixxu lill-utenti jadottaw approċċ sikur dwar it-tagħrif personali u l-privatezza. Iktar tard dan ix-xahar se jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-politiki ta’ sikurezza individwali tagħhom u kif se jimplimentaw dawn il-prinċipji tal-ftehim.

Il-filmat tal-messaġġ tal-Kummissarju Reding jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/reding/video/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website