Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-Telekomunikazzjoni: Il-Kummissjoni tiftaħ każ kontra r-Renju Unit dwar il-privatezza u l-ħarsien tal-informazzjoni personali

Commission Européenne - IP/09/570   14/04/2009

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/570

Brussell, l-14 ta’ April 2009

It-Telekomunikazzjoni: Il-Kummissjoni tiftaħ każ kontra r-Renju Unit dwar il-privatezza u l-ħarsien tal-informazzjoni personali

Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' ksur kontra r-Renju Unit wara sensiela ta' ilmenti minn utenti tal-internet mir-Renju Unit, kif ukoll komunikazzjoni estensiva tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, dwar l-użu ta' teknoloġija tar-reklamar li tagħraf l-imġiba tal-konsumaturi, imsejħa 'Phorm', li qed tintuża minn fornituri tas-servizzi tal-internet. Il-proċedura tindirizza bosta problemi bl-implimentazzjoni tar-Renju Unit tar-regoli tal-UE dwar il-privatezza elettronika u l-ħarsien tad-dejta personali. Skont dawn ir-regoli, il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw, fost l-oħrajn, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet billi jipprojbixxu l-interċettazzjoni u s-sorveljanza li ssir mingħajr il-kunsens tal-utent. Dawn il-problemi feġġu wara l-inkjesta tal-Kummissjoni dwar l-azzjoni tal-awtoritajiet t tar-Renju Unit b'reazzjoni għal ilmenti mill-utenti tal-internet fir-rigward tal-Phorm.

"Teknoloġiji bħar-reklamar fuq l-intenet skont l-imġiba tal-utent jafu jkunu utli għan-negozji u l-konsumaturi iżda għandhom jintużaw b'tali mod li jimxu mar-regoli tal-UE. Dawn ir-regoli qegħdin hemm biex iħarsu l-privatezza taċ-ċittadini u għandhom jiġu infurzati rigorożament mill-Istati Membri kollha", qalet il-Kummissarju tal-UE għat-Telkomunikazzjonijiet Viviane Reding. "Ilna għal xi żmien insegwu l-każ tal-Phorm u kkonkludejna li hemm xi problemi bil-mod kif ir-Renju Unit implimenta partijiet mir-regoli tal-UE dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Nappella lill-awtoritajiet tar-Renju Unit ibiddlu l-liġijiet nazzjonali tagħhom u jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw is-setgħat u jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom is-sanzjonijiet xierqa biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Dan għandu jippermetti lir-Renju Unit iwieġeb b'aktar qawwa għall-isfidi ġodda lill-Privatezza-E u l-ħarsien tal-informazzjoni personali bħalma seħħ fil-każ Phorm. Dan għandu wkoll iserraħ moħħ il-konsumaturi tal-UE dwar il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta tagħhom waqt li jkunu qegħdin fuq l-internet".

Sa minn April 2008, il-Kummissjoni rċeviet bosta mistoqsijiet minn ċittadini tar-Renju Unit u Membri Parlamentari Ewropej tar-Renju Unit imħassba dwar teknoloġija tar-reklamar li tagħraf l-imġiba tal-konsumaturi, magħrufa bħala 'Phorm', li qed tintuża mill-fornituri tas-servizzi tal-internet. It-teknoloġija Phorm taħdem billi l-ħin kollu tistħarreġ il-movimenti fuq l-internet tal-klijenti sabiex tiddetermina l-interessi tagħhom u mbagħad tibagħtilhom reklamar immirat meta jżuru ċerti siti. F'April 2008, BT, l-operatur fiss tar-Renju Unit, ammetta li kien ittestja l-Phorm fl-2006 u l-2007 mingħajr ma avża lill-klijenti involuti f'din il-prova. BT wettqet prova ġdida bi stedina tat-teknoloġija bejn Ottubru u Diċembru tal-2008. Il-provi tal-BT issarfu f'għadd ta' ilmenti lill-awtorità tar-Renju Unit tal-ħarsien tad-dejta – l-Information Commissioner’s Office (ICO) u l-pulizija tar-Renju Unit.

Il-Kummissjoni kitbet bosta ittri lill-awtoritajiet tar-Renju Unit sa minn Lulju 2008, fejn staqsiethom jekk implimentawx il-liġijiet rilevanti tal-UE fil-kuntest tal-każ Phorm. Wara stħarriġ tat-tweġibiet li waslu, il-Kummissjoni hija mħassba dwar il-fatt li hemm problemi strutturali fil-mod kif ir-Renju Unit implimenta partijiet mir-regoli tal-UE dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

Il-liġi tar-Renju Unit, li hija infurzata mill-pulizja tar-Renju Unit, tgħid li l-interċettazzjoni illegali tal-komunikazzjonijiet hija reat. Madankollu, l-ambitu ta' dan ir-reat huwa limitat biss għall-interċettazzjoni 'intenzjonali'. Barra minn hekk, l-interċettazzjoni titqies ukoll legali meta l-interċettatur ikollu 'bażi raġonevoli biex jemmen' li ngħata l-kunsens għall-interċettazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab imħassba wkoll dwar il-fatt li r-Renju Unit m'għandux awtorità superviżorja indipendenti li titratta dan it-tip ta' interċettazzjonijiet.

Ir-Renju Unit għandu xahrejn biex iwieġeb għall-ewwel stadju ta' proċedura ta' ksur, billi l-ittra ta' notifika formali ntbagħtet illum. Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi ebda tweġiba, jew jekk l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Renju Unit ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata (it-tieni stadju tal-proċedura ta' ksur). Jekk ir-Renju Unit wara dan xorta waħda ma jwettaqx l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tirreferi dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

L-isfond

Id-Direttiva tal-UE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u dejta dwar it-traffiku relatata billi jipprojbixxu l-interċettazzjoni jew is-sorveljanza mingħajr il-kunsens tal-utenti konċernati (Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58/KE). Id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tispeċifika li l-kunsens tal-utent iridi jkun "indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament" (Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet li għandhom jingħataw f’każ ta’ ksur u l-Artikolu 28 jgħid li awtoritajiet indipendenti għandhom jiġu inkarigati mis-superviżjoni tal-implimentazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta japplikaw ukoll fil-qasam tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

Daqqa t'għajn dettaljata lejn il-proċeduri tal-ksur fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/implementation_enforcement/infringement/


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site