Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/563

Brussell, it-8 ta' April 2009

Sajd: Niftħu l-potenzjal sħiħ tal-akkwakultura Ewropea

Wieħed mis-setturi dinji tal-ikel bi tkabbir l-aktar mgħaġġel, l-akkwakultura, diġà jipprovdi lill-pjaneta b'madwar nofs il-ħut kollu li nieklu u xorta waħda għad fadallu ħafna aktar x'jagħti. L-UE daħħlet fis-seħħ standards għoljin biex iżżomm it-tkabbir sostenibbli fil-qalba tal-approċċ u l-metodi tal-akkwakultura; l-industrija tagħna tal-akkwakultura hija fuq quddiem fid-dinja fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Madankollu, dan il-progress fl-eċċellenza ma ġiex rifless fil-produzzjoni, li staġnat fl-UE, filwaqt li f'partijiet oħra tad-dinja kien hemm tkabbir qawwi. Fil-Komunikazzjoni li qed tippreżenta llum, il-Kummissjoni qed timpenja ruħa biex tindirizza din is-sitwazzjoni u tagħti xprunatura ġdida għal tkabbir sostenibbli lis-settur tal-UE tal-akkwakultura.

"L-akkwakultura għandha quddiemha ġejjieni pożittiv f'li tipprovdi lill-konsumaturi għaqlin Ewropej bi prodotti tal-ħut sani ta' kwalità għolja. Madankollu, illum fadal ħafna x'isir biex il-potenzjal tagħha jiġi sfruttat bis-sħiħ. Wasal iż-żmien li din tikseb is-sehem sħiħ u li dan is-settur ta' importanza strateġika jingħata vuċi ndaqs, u - litteralment - l-ispazju meħtieġ biex jiżviluppa," qal Joe Borg, il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u Sajd.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni teżamina l-għeruq tal-kawżi tal-istaġnar fil-produzzjoni tal-UE tal-akkwakultura u tħares lejn modi kif jittejbu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-governanza tas-settur.

L-ewwel nett, is-settur jista' jsir aktar kompetittiv permezz ta' appoġġ qawwi kontinwu għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, ippjanar imtejjeb tal-ispazji f'żoni kostali u baċiri tax-xmajjar biex jagħmluha eħfef għas-settur biex jikkompeti għall-ispazju u l-ilma, u l-inklużjoni tal-bżonnijiet speċifiċi tiegħu fil-politika tas-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd. It-tieni nett, jibqa' sostenibbli jekk ikompli jibni fuq metodi ta' produzzjoni favorevoli għall-ambjent, iżomm standards għolja ta' sanità u benessri tal-annimali u jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi. It-tielet, jista' jsir aktar biex jittejbu l-immaġni tas-settur u l-aspetti tiegħu marbutin mal-governanza. Is-suċċess tal-akkwakultura ser jiddependi l-aktar fuq li jkun hemm ambjent favorevoli għan-negozju għas-settur fil-livell nazzjonali u/jew lokali. Għalhekk il-Kummissjoni għandha r-rieda li tipprovdi lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali gwida biex jiġi żgurat li l-miżuri ffukati fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE jgħinu s-settur juża bis-sħiħ l-assi tiegħu.

Il-Kummissjoni temmen li industrija tal-akkwakultura f'saħħitha u mqawwija sservi ta' katalizzatur għat-tkabbir f'setturi relatati u tikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp ta' żoni rurali u kostali. Barra minn hekk, il-konsumaturi jibbenefikaw fil-forma ta' prodotti tal-ikel sani, ta' kwalità għolja, prodotti b'mod favorevoli għall-ambjent. Dawn huma xi ftit mill-benefiċċju kruċjali li joħorġu minn azzjoni konċertata Ewropea fil-livelli kollha biex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tas-settur tal-akkwakultura.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/aquaculture_processing/aquaculture_en.htm

Memo/09/161


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website