Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sajd: l-UE turi l-impenn sħiħ tagħha favur il-konservazzjoni tat-tonn

European Commission - IP/09/546   06/04/2009

Other available languages: EN FR DE ES IT PT EL

IP/09/546

Brussell, is-6 ta’ April 2009

Is-Sajd: l-UE turi l-impenn sħiħ tagħha favur il-konservazzjoni tat-tonn

Illum il-Kunsill adotta Regolament li jdaħħal fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità l-pjan multiannwali l-ġdid għall-irkupru tat-tonn tal-Lvant li l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) adottatu fil-laqgħa annwali tagħha f’Marrakexx, il-Marokk, f’Novembru 2008. Huwa essenzjali l-Partijiet Kontraenti kollha tal-ICCAT jimplimentaw dan il-pjan din is-sena, għall-istaġun prinċipali tas-sajd li jiftaħ fil-16 ta’ April.

“Jiena kuntent li l-Kunsill u l-Parlament għamlu sforz kollettiv kbir biex dan ir-Regolament ikun adottat fi żmien rekord. Huwa essenzjali li l-partijiet kollha f’dan is-sajd japplikaw dan il-pjan ta’ rkupru fl-istaġun tas-sajd ta’ din is-sena. Jekk ikun implimentat sewwa, huwa l-aqwa garanzija għall-protezzjoni tat-tonn, u joffri ċans biex din il-ħuta tirkupra mis-sajd żejjed li ilu għaddej għal wisq tul ta’ żmien. Inħeġġeġ lill-membri kollha l-oħra tal-ICCAT biex jieħdu l-istess azzjoni, ħalli ma jiġrix li l-isforzi ta’ wħud jitnawru minn oħrajn. Jeħtiġilna naħdmu flimkien b’mod responsabbli, jekk tassew aħna impenjati favur il-futur tas-sajd għat-tonn”, qal Joe Borg, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Maritiimi u s-Sajd.

Għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru ta-ICCAT, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret approċċ strett bl-ebda tolleranza ta’ ksur. L-operaturi Ewropej mhux se jitħallew jaħdmu ma’ bastimenti jew stabbilimenti tal-akkwakultura minn Partijiet Kontraenti oħra tal-ICCAT li ma jkunux qed jimplimentaw il-pjan għal kollox. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ operazzjonijiet fejn ikunu mdaħħlin dawk il-Partijiet Kontraenti, se jkunu pprojbiti operazzjonijiet konġunti tas-sajd li jinvolvu bastimenti Ewropej u t-tqegħid tat-tonn f'gaġeġ Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea, biex tiżgura s-suċċess tal-pjan ta’ rkupru tat-tonn, qed tvara wkoll azzjonijiet bl-għan li jqawwu l-kooperazzjoni bejn l-Istati tal-Mediterran.

Il-Kampanja ta’ Kontroll u Spezzjoni 2009

Biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ rkupru, il-Kummissjoni stabbiliet Programm Speċifiku ta’ Kontroll u Spezzjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu. Dan il-programm huwa proġett konġunt tal-UE, li sejjer jiġma’ flimkien ir-riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA), u l-Istati Membri mdaħħla fis-sajd. Tabilħaqq, il-kontroll u l-infurzar se jibqgħu kwistjonijiet kritiċi fis-sajd, biex ir-riżorsa tinżamm f’livelli sostenibbli.

Fl-1 ta’ April, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) adottat il-Pjan ta’ Skjerament Konġunt (JDP) għas-sajd għat-tonn fl-ilmijiet tal-Baħar Meditaerran u tal-Lvant tal-Atlantiku għall-2009, u b’hekk daħħlet fl-effett il-Programm Speċifiku ta’ Kontroll u Spezzjoni. Il-pjan jiġbor flimkien il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-CFCA, jisfrutta r-riżorsi tas-seba’ Stati Membri mdaħħla fis-sajd – Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja – u jkopri l-istadji kollha, inklużi l-katina tas-suq, il-kontrolli fil-baħar, fuq l-art u fl-istabbilimenti tat-tismin.

Din is-sena, se jissaħħu l-attivitajiet ta’ kontroll li jitwettqu. Fid-dawl tal-esperjenza tas-sena li għaddiet, l-attivitajiet ta’ spezzjoni ttejbu permezz ta’ ppjanar aħjar u bl-użu ta’ teknoloġiji moderni li jippermettu l-iskambju tad-dejta fil-ħin reali.

F’termini prattiċi, l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd tikkoordina azzjonjiet konġunti ta’ kontroll u spezzjoni li jinvolvu 12-il bastiment tal-għassa kbir, 17-il bastiment tal-għassa kostali u 12-il inġenju tal-ajru. Se jkun hemm 274 ġurnata ta’ kampanja ta’ kontroll fil-baħar, 242 ġurnata fuq l-art u 70 ġurnata bl-użu tas-sorveljanza mill-ajru, bl-involviment ta’ 279 tim konġunt ta’ spetturi (li fihom jitħalltu spetturi minn Stati Membri differenti tal-UE). Iż-żoni koperti mill-JDP huma l-Lvant tal-Atlantiku u l-Mediterran (il-Mediterran tal-Punent, Ċentrali u tal-Lvant), biex b’hekk l-ambitu ġeografiku jitwessa’ għall-Azores u l-Gżejjer Kanarji, b’kuntrast mal-JDP tas-sena li għaddiet.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website