Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/526

Brussell, it-2 ta’ April 2009

Għall-ewwel darba, kumpaniji tal-ajru Ewropej qegħdin jippermettu l-użu tal-mowbajl matul it-titijiriet bis-saħħa ta’ regoli bażiċi għall-UE kollha

Iktar u iktar passiġġieri tal-ajru Ewropej qegħdin jingħataw l-għażla biex jużaw il-mowbajl tagħhom biex jibagħtu l-messaġġi, ifittixu fuq l-Internet jew saħansitra jagħmlu telefonati matul it-titjiriet. Sena wara li l-Kummissjoni stabbiliet regoli komuni dwar l-użu sikur tal-mowbajl fuq l-inġenji tal-ajru u l-awtorizzazzjoni sempliċi ta’ dan is-servizz transkonfinali, 27 inġenju tal-ajru Ewropej ġie mgħammar sabiex jippermetti l-użu sikur tal-mowbajl matul it-titjiriet fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Dan l-għadd mistenni jirdoppja sal-aħħar tal-2009.

Il-possibbiltà li jintuża l-mowbajl matul it-titjiriet ifittxuha b’mod partikolari dawk li jsiefru fuq xogħol u l-passiġġieri ta’ età iżgħar. Dan huwa wkoll mudell interessanti tan-negozju għall-kumpaniji Ewropej. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni sena ilu, stabbiliet regoli bażiċi komuni sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu joffru s-servizz b'mod sikur u semplici fl-ajru Ewropew, mingħajr ma dawn ir-regoli jkollhom għalfejn jgħaddu minn 27 proċedura differenti ta' awtorizzazzjoni nazzjonali," qalet Vivian Reading, il-Kummissarju tal-UE għat-Telekomunikazzjoni. “Ninsab sodisfatta li l-ewwel linji tal-ajru Ewropej issa qegħdin joffru s-servizz tal-użu tal-mowbajl matul it-titjiriet. Sabiex jissokta d-dħul ta’ dan is-servizz mingħajr xkiel, l-użu ma għandux idejjaq passiġġieri oħrajn, pereżempju billi jkun hemm żoni għall-kwiet bħalma nsibu fil-ferroviji. L-operaturi għandhom jqisu wkoll li l-prezzijiet għandhom jibqgħu raġonevoli. F’din l-eventwalità, is-servizzi tal-mowbajl abbord jistgħu jkunu ta’ vantaġġ għall-kumpaniji Ewropej li jinsabu fis-suq dinji kompetittiv tal-ivvjaġġar bl-ajru."

F’April 2008, il-Kummissjoni nediet regoli sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet tas-servizzi tal-mowbajl fuq inġenji tal-ajru fl-UE (IP/08/537). Sena wara, żewġ fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli abbord l-ajruplani, OnAir (Ġinevra) u AeroMobile (Londra) setgħu jibdew in-negozju tagħhom fl-Ewropa. Dawn jassoċjaw irwieħhom ma’ linji tal-ajru li jkunu interessati joffru dawn is-servizzi lill-passiġġieri tagħhom.

Bħalissa, tliet linji tal-ajru Ewropej – ir-Ryanair (mill-Irlanda), it-TAP (mill-Portugall) u l-bmi (mir-Renju Unit) – qegħdin jinkorporaw is-servizz fil-flotot tagħhom. 27 inġenju tal-ajru diġà ġew mgħammra u l-għadd mistenni jirdoppja sal-aħħar tal-2009. Dan huwa bidu konvinċenti, fl-istess ħin qegħdin iseħħu provi tekniċi f’linji oħra tal-ajru.

Sadanittant, il-linji tal-ajru qegħdin jirfinaw il-kundizzjonijiet li fihom il-passiġġieri jistgħu jużaw il-mowbajl tagħhom abbord l-inġenji tal-ajru sabiex jiżguraw li jkun hemm aċċettazzjoni ġenerali tas-servizz il-ġdid min-naħa tal-konsumaturi, u qegħdin janalizzaw id-dħul tas-servizz fuq l-inġenji tal-ajru li huma diġà mgħammra. L-indikazzjonijiet ta’ bħalissa juru li l-prezz għas-servizz se jibda minn €1.60 kull minuta għal telefonata bil-vuċi u madwar €0.43 għal kull messaġġ, skont l-operatur terrestri użat mill-passiġġier.

Fl-2008, il-Kummissjoni ħadet azzjoni regolatorja sabiex tippermetti l-operazzjoni sikura tal-komunikazzjoni mobbli abbord l-inġenji tal-ajru fl-UE u sabiex toħloq il-kundizzjonijiet biex in-negozji joffru dawn is-servizzi matul it-titjiriet li ta’ spiss jaqsmu diversi fruntieri. Dan kien jeħtieġ tliet fażijiet:

  • li jkun żgurat li l-użu tat-tagħmir abbord – inkluż is-sett tat-telefown tal-passiġġieri – ma jikkawżax interferenza mat-tagħmir u s-sistemi tal-inġenju tal-ajru.
  • li jkun żgurat li t-tagħmir tal-mowbajl ma jinterferixxix man-netwerks tal-komunikazzjoni mobbli terrestri imma jaqbad b’mod esklussiv mal-istazzjon ta’ bażi abbord li jkun imqabbad mal-art permezz ta’ satellita,
  • li jkunu offruti regoli u standards komuni sabiex l-istazzjonijiet ta’ bażi abbord ikunu awtorizzati sabiex joperaw meta l-ajruplan jittajjar fuq Stati Membri differenti tal-UE.

Mudell għal kontinenti oħrajn

L-approċċ Ewropew serva bħala mudell li jista’ jintuża f’reġjuni oħrajn. Bosta linji tal-ajru barra mill-Ewropa (inklużi l-Qantas, l-Emirates, il-Malaysian Airlines, ir-Royal Jordanian, il-Wataniya, il-Virgin Australia) ilhom jittestjaw is-servizz jew qegħdin joffruh, abbord 40 inġenju tal-ajru li diġà ġie mgħammar. Linji oħra tal-ajru ħabbru li għandhom l-istess ħsibijiet. It-tbassir dinji tal-istandard tal-GSM (bħalissa jintuża minn kważi 3 biljun ruħ) jagħmel il-mudell tan-negozju attraenti, hekk kif il-passiġġieri jistgħu jużaw il-mowbajl normali tagħhom.

L-isfond

Is-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli abbord l-inġenji tal-ajru huma servizzi tat-telekomunikazzjoni pan-Ewropej. F’April 2008, il-Kummissjoni adottat żewġ miżuri (IP/08/537):

  • Deċiżjoni li tistipula parametri tekniċi armonizzati tat-tagħmir abbord għall-użu tal-mowbajl matul it-titjiriet madwar l-UE. Dawn jiżguraw li t-tagħmir ma jiġġenerax interferenzi u jippermettu lill-EASA sabiex tiċċertifika l-adegwatezza għall-ajru ta' tipi differenti ta' ajruplani. Id-Deċiżjoni torbot b'mod legali, billi tiżgura li jintuża l-istess tip ta' tagħmir fuq l-inġenji kollha tal-ajru.
  • Rakkomandazzjoni għal approċċ armonizzat dwar il-ħruġ tal-liċenzji li jippromwovu rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet nazzjonali.

Roaming fuq il-linji tal-ajru, jew telefonati u messaġġi permezz tal-mowbajl abbord inġenju tal-ajru, jitqies bħala roaming internazzjonali bl-istess mod bħas-servizzi terrestri. L-ewwel eżempji juru li t-tariffi huma ferm inqas minn dawk tas-servizzi tat-telefown b'linja fissa abbord permezz ta' satellita offruti fl-imgħoddi. Il-komunikazzjonijiet mobbli matul it-titjiriet mhumiex fl-ambitu tal-azzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tariffi tar-roaming għas-servizzi bil-vuċi u bid-dejta, minħabba li huma meqjusa bħala servizz innovattiv f'suq li għadu jitwieled u huma għalhekk iffissati mill-fornitur tas-servizz. Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tissorvelja mill-qrib il-prezzijiet li qegħdin iħallsu l-konsumaturi u t-trasparenza tagħhom.

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/topics/ecs/mca/index_en.htm

MEMO/08/220

http://www.onair.aero/

http://www.aeromobile.net/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website