Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/09/519

Brussell, l-1 ta’ April 2009

L-adattament għat-tibdil fil-klima: l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tħejji għall-effetti li ġejjin

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat White Paper li fiha tiddeskrivi azzjonijiet meħtieġa biex l-Unjoni tissaħħaħ fil-kapaċità tagħha li tiffaċċa klima li qed tinbidel. Sejbiet riċenti jindikaw li l-effetti tat-tibdil fil-klima se jaslu b’aktar ħeffa u jkunu aktar severi milli kien indikat fir-rapport tal-2007 tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima. L-Ewropa mhijiex sejra taħrabhom dawn l-effetti, u għalhekk jeħtiġilha tħejji ruħha biex tiffaċċahom. L-effett tat-tibdil fil-klima se jkollu implikazzjonijiet differenti minn reġjun għal ieħor, u dan ifisser li l-parti l-kbira tal-miżuri ta’ adattament se jeħtiġilhom jittieħdu fuq il-livell nazzjonali u dak reġjonali. Il-qafas li ppreżentat il-Kummissjoni jfassal approċċ strateġiku f’żewġ fażijiet biex nadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima fl-UE, li jikkomplementa l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri permezz ta’ strateġija integrata u koordinata.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: “Il-gravità tat-tibdil fil-klima qed tikber u tikkawża dejjem aktar tħassib ma’ kull sena li tgħaddi. Jeħtiġilna naħdmu bla serħan biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, imma anki bit-tnaqqis li aħna mpenjati li nwettqu fl-emissjonijiet, ma nistgħux naħarbu xi grad ta’ tibdil fil-klima. Għalhekk huwa essenzjali li nibdew minn issa naħdmu mal-gvernijiet, in-negozji u l-komunitajiet biex niżviluppaw strateġija komprensiva ta’ adattament għall-UE, u niżguraw li dak l-adattament ikun integrat fil-politiki ewlenin tal-Unjoni.”

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura, Mariann Fischer Boel, qalet: “L-agrikoltura Ewropea sejra ġġarrab il-qawwa kollha tal-effetti tat-tibdil fil-klima. Lill-bdiewa nixtieq infehmhom ċar dwar l-isfidi li sejrin jiffaċċaw, u rrid invara diskussjonijiet dwar passi speċifiċi biex ngħinuhom jadattaw. B’mod partikolari, irrid nara li nieħdu miżuri “bla xogħfa” li jħallu frott ekonomiku u ambjentali tkun xi tkun ir-rotta li tieħu l-klima. Dawn huma l-elementi ewlenin tad-dokument dwar l-agrikoltura u t-tibdil fil-klima li kien adottat illum b’appoġġ tal-White Paper.”

Il-Kummissarju għas-Saħħa, Androula Vassiliou, qalet: “Bit-tibdil fix-xejriet klimatiċi, jeħtiġilna noqogħdu partikolarment attenti li nqawwu s-sorveljanza ta’ saħħet il-bnedmin, l-annimali u l-pjanti. Barra minn hekk, huwa ta’ importanza kruċjali li l-pjanijiet tas-saħħa għat-temp estrem nintegrawhom fl-ippjanar ta’ tħejjija min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa. Jeħtiġilna wkoll niżguraw li l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq gruppi soċjali vulnerabbli jkunu vvalutati. Il-kollaborazzjoni internazzjonali hija vitali biex dawn il-miri nilħquhom.”

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Joe Borg, qal: “Il-kosti tal-Ewropa u ż-żoni tal-baħar tagħha huma minn tal-ewwel li jintlaqtu bl-effetti tat-tibdil fil-klima. Jeħtiġilna nlestu rwieħna biex niffaċċaw l-isfidi li ġejjin, bħalma huma t-tlugħ tal-livell ta’ wiċċ il-baħar, l-għargħar kostali, l-impatt fuq it-turiżmu mal-kosta u fuq il-portijiet u t-tbaħħir, kif ukoll fuq is-sajd. Ma nistgħux niċħdu l-importanza tal-ekosistemi tal-kosta għall-ekonomija tagħna. Illum, madwar 50% tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix fiż-żoni kostali, u għalhekk l-isforzi biex nadattaw għat-tibdil fil-klima huma essenzjali u urġenti.”

Qafas għall-azzjoni

Fil-50 sena li ġejjin, it-tibdil fil-klima x’aktarx ikollu effetti fil-fond fuq setturi ekonomiċi importanti bħalma huma l-agrikoltura, l-enerġija, it-trasport, l-ekosistemi, it-turiżmu u s-saħħa. Se jaffattewa wkoll il-familji u l-individwi, l-azjendi u ċerti setturi tas-soċjetà, partikolarment ix-xjuħ, il-persuni b’diżabbiltà u dawk bi dħul baxx.

Il-White Paper tippreżenta qafas li fih l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistgħu jħejju għall-effetti tat-tibdil fil-klima. L-ewwel fażi tal-istrateġija se tibqa’ għaddejja sal-2012, u sejra tixħet is-sisien għat-tħejjija ta’ strateġija komprensiva tal-UE għall-adattament mill-2013 'il quddiem. Se tiffoka fuq it-tkattir tal-għarfien tagħna dwar it-tibdil fil-klima, dwar miżuri possibbli ta’ adattament, u dwar kif l-adattament jista’ jkun integrat f’politiki ewlenin tal-UE. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar kif nadattaw bl-aħjar mod jissejsu fuq analiżi xjentifika u ekonomika soda, imma l-kontenut u d-disponibbiltà tal-informazzjoni jvarjaw bil-kbir minn reġjun għal ieħor. Id-dokument jiddeskrivi l-ħtieġa għal Mekkaniżmu ta’ Skambju li permezz tiegħu isir qsim ta’ informazzjoni dwar ir-riskji u l-effetti tat-tibdil fil-klima, flimkien mal-aqwa prattiki.

L-effetti tat-tibdil fil-klima sejrin ivarjaw minn reġjun għal ieħor, filwaqt li ż-żoni kostali, dawk tal-muntanji u l-pjanuri tal-għargħar se jkunu vulnerabbli b’mod partikolari. Huwa għalhekk li l-parti l-kbira tal-miżuri ta’ adattament sejrin jitwettqu jew fuq livell nazzjonali jew inkella fuq dak reġjonaIi. Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea se jkun li dawn l-isforzi tirfidhom permezz ta’ approċċ integrat u koordinat, b’mod speċjali fi kwistjonijiet u politiki transkonfinali li huma integrati bil-kbir fil-livell tal-UE. Naturalment, l-adattament għat-tibdil fil-klima se jeħtieġlu jkun fil-qofol tal-politiki kollha tal-UE. Jeħtieġ ukoll li l-adattament ikun parti prominenti fil-politiki esterni tal-Unjoni, biex din tgħin lil dawk il-pajjiżi li l-aktar jintlaqtu u tikkoopera ma’ pajjiżi sħab fuq kwistjonijiet internazzjonali tal-adattament.

Il-Kummissjoni llum ukoll qed tippreżenta tliet dokumenti ta’ diskussjoni dwar kwistjonijet li jirrigwardaw l-ilma, il-kosti, l-ibħra, l-agrikoltura u s-saħħa, abbażi tal-qafas mogħti fil-White Paper.

Adattament u taffija, żewġ uċuħ tal-istess munita

L-Unjoni Ewropea tinsab determinata li tieħu azzjoni rapida biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra. Iżda t-taffija tat-tibdil fil-klima permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mhuwiex biżżejjed. Magħha jeħtieġ li jkun hemm risposta komplementari fiż-żmien qasir. Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima mistennija li jkunu aktar sostanzjali milli kien maħsub, u sejrin iseħħu jkunu xi jkunu l-miżuri ta’ taffija li jiġu implimentati.

Dawn l-effetti l-Ewropa jeħtiġilha tittrattahom. L-Ewropa għandna bżonn miżuri biex tqawwi l-kapaċitajiet tas-sistemi naturali u umani li jassorbu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Politiki ta’ adattament qed jitwettqu fl-UE, imma spiss ikunu implimentati biċċa biċċa u biss fi wħud mill-Istati Membri.

Azzjoni fil-ġejjieni

Il-Kummissjoni sejra twaqqaf Grupp ta’ Tmexxija dwar l-Effetti u l-Adattament (Impact and Adaptation Steering Group, IASG). Se jkun magħmul minn rappreżentati mill-Istati Membri involuti fit-tfassil tal-programmi nazzjonali u reġjonali ta’ adattament, u sejjer jikkonsulta ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-komunità xjentifika. Se jkollu l-appoġġ ta’ gruppi tekniċi ta’ ħidma, inkluż wieħed dwar l-agrikoltura. Sal-2011, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi Mekkaniżmu ta’ Skambju għall-qsim tal-innformazzjoni dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima.

Aktar tagħrif

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (bl-Ingliż)

http://www.ec.europa.eu/environment/climat/adaptation/index_en.htm

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-agrikoltura u t-tibdil fil-klima (bl-Ingliż)

http://ec.europa.eu/agriculture/climate_change/index_en.htm

Ir-Rapport tal-EEA Nru 4/2008 (bl-Ingliż): Impacts of Europe's changing climate – 2008 indicator-based assessment

http://www.eea.europa.eu/publications/eea_report_2008_4/


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site