Navigation path

Left navigation

Additional tools

Antitrust: Il-Kummissarju Kroes tieħu nota tad-deċiżjoni dwar il-MasterCard biex jiġu eliminati t-Tariffi tal-Iskambji Multilaterali (MIFs) transkonfinali u biex jitħassru ż-żidiet riċenti tal-iskema ta’ ħlas

European Commission - IP/09/515   01/04/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/515

Brussell, l-1 ta' April 2009

Antitrust: Il-Kummissarju Kroes tieħu nota tad-deċiżjoni dwar il-MasterCard biex jiġu eliminati t-Tariffi tal-Iskambji Multilaterali (MIFs) transkonfinali u biex jitħassru ż-żidiet riċenti tal-iskema ta’ ħlas

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes indikat li, fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, hi ma tara l-ebda ħtieġa li tfittex lil MasterCard għan-nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2007 li t-tariffi tal-iskambji multilaterali tal-MasterCard (MIF) kienu qed jiksru r-regoli tat-Trattat tal-KE dwar il-prassi ristrettiva tan-negozju (ara IP/07/1959 u MEMO/07/590). Wara d-Deċiżjoni tal-2007, il-MasterCard ħassret b’mod proviżorju l-MIF transkonfinali f’Ġunju 2008 (ara MEMO/08/397) iżda żiedet it-tariffi tagħha tal-iskema minn Ottubru 2008. Il-MasterCard issa ddeċidiet li tapplika metodoloġija ġdida għall-MIF tagħha għal tranżazzjonijiet transkonfinali li ser jirriżultaw f’livell tal-MIF b’medja peżata mnaqqsa b’mod sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet qed tikser ir-regoli tal-antitrust tal-UE. B’segwitu għall-metodoloġija l-ġdida, il-medja massima peżata tal-MIF għal kull tranżazzjoni ser titnaqqas għal 0.30% għall-karti ta’ kreditu tal-konsumatur u għal 0.20% għall-karti ta’ debitu għall-konsumatur. Barra minn kekk, il-MasterCard qablet li minn Lulju 2009, tirtira ż-żidiet tat-tariffi tagħha għall-iskema imposti f’Ottubru 2008. Fl-aħħar nett, il-MasterCard qablet li tibdel ir-regoli tas-sistema sa minn Lulju 2009 sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-suq tal-karti ta’ pagamenti. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet ser ikunu ssorveljati fix-xhur li ġejjin.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "Ninsab sodisfatta li dawn l-impriżi mhux biss ser itejbu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-iskema ta’ pagamenti bil-MasterCard iżda wkoll jipprovdu sehem ġust mill-benefiċċji lill-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut. Il-metodoloġija l-ġdida għall-kalkolu tal-MIF ser jgħin biex ikun hemm ċarezza għall- banek u l-bejjiegħa bl-imnut u twassal ukoll għal tnaqqis sostanzjali meta mqabbla mal-MIF tal-MasterCard preċedenti. Ser inkunu qed nissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni fix-xhur li ġejjin."

F’Diċembru 2007 il-Kummissjoni ddeċidiet (ara IP/07/1959 u MEMO/07/590) li l-MIF stabbilita mill-MasterCard għal tranżazzjonijiet transkonfinali li saru bil-karti ta’ debitu u l-karti ta’ kreditu għall-konsumaturi tal-MasterCard u tal-Maestro fiż-Żona Eknomika Ewropea (ŻEE), ma kinux konformi mar-regoli tat-Trattat tal-KE dwar prassi ristrettiva ta’ negozju (Artikolu 81). Minkejja dan, id-deċiżjoni ma eskluditx il-possibiltà li l-MIF jista’ jkun kompatibbli mar-regoli tal-antitrust tal-KE li kieku kellu effetti pożittivi dwar l-innovazzjoni u l-effiċjenza u kien jippermetti sehem ġust minn dawn il-benefiċċji li għandhom jgħaddu lill-konsumaturi. Id-Deċiżjoni tat lil MasterCard sitt xhur (sal 21 ta’ Ġunju 2008) biex taġġusta l-komportament tagħha biex tkun konformi mar-regoli tal-antitrust bil-possibiltà tal-pagamenti għall-penali imposti għal kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni.

Fit-12 ta’ Ġunju 2008 (see MEMO/08/397), il-MasterCard ħassret proviżorjament l-MIF transkonfinali tagħha, filwaqt li kompliet bid-diskussjonijiet dwar il-metodoloġija biex ikunu ddeterminati l-MIFs fejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom igawdu sehem ġust mill-benefiċċji.

Inkarigi lill-MasterCard

Il-MasterCard issa ġiet mogħtija tliet inkarigi:

- L-ewwel, minn Lulju 2009, il-MasterCard ser tikkalkula l-MIF transkonfinali skont il-metodoloġija li tiżgura li l-MIFs jirriflettu l-benefiċċji tranżazzjonali għan-negozjanti li jaċċettaw il-cards ta’ pagamenti minflok flus kontanti. Il-kalkolu ta’ MIF fuq il-bażi ta’ din il-metodoloġija ser iwassal għal-livell tal-MIF b’medja massima peżata mnaqqsa b’mod sostanzjali: 0.30% għal kull tranżazzjoni għall-karti ta’ kreditu tal-konsumatur u 0.20% għal kull tranżazzjoni għall-karti ta’ debitu tal-konsumatur. Għall-paragun, skont il-kard, l-Mifs transkonfinali tal-MasterCard kienu jvarjaw minn 0.80% għal 1.90% fl-2007. l-MIFs transkonfinali tal-Maestro kienu jvarjaw minn ’il fuq minn 0.40% għal aktar minn 0.75%).

- It-tieni, minn Lulju 2009, il-MasterCard ser tħassar iż-żidiet fit-tariffi tal-iskema li kienet ħabbret f’Ottubru 2008 (ara hawn taħt).

- It-tielet, minn Lulju 2009, il-MasterCard ser tadotta ċerti miżuri li jtejbu t-trasparenza tal-iskema tagħha li tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozjanti biex jagħmlu għażliet b’informazzjoni aħjar dwar il-mezzi ta' pagament li jużaw jew li jaċċettaw. Pereżempju, ir-regoli tal-MasterCard ser jinbidlu biex in-negozjanti jiġu offruti u mitluba jħallsu rati distinti skont it-tip ta’ kard li jużaw, jiġifieri li jiġu offruti dawk li jissejħu rati 'mhux imħallta'.

F’Ottubru 2008 il-MasterCard irrevediet l-istruttura ta’ pprezzar ta’ akkwistatur fiż-ŻEE, li kienet tinkludi żieda ta’ ċerti tariffi eżistenti għal akkwistaturi (bi ħlas mitlub għal skema ta’ kard ta’ pagament, f’dan il-każ il-MasterCard, vis-à-vis il-banek li huma membri tagħha fil-qafas tal-konformità tagħhom mal-iskema), billi introduċiet tariffa ġdida għal akkwistaturi, u ħassret ċerti eżenzjonijiet ta’ tariffi għal akkwistaturi. Madanakollu, dawn it-tariffi issa ġew imħassra.

Minħabba t-tibdiliet li għandhom isiru mill-MasterCard għall-MIFs tagħha, il-ftehim tagħha li tħassar iż-żidiet fit-tariffi tal-iskema u fuq il-bażi tal-informazzjoni li hi attwalment disponibbli dwar dawn is-swieq, il-Kummissarju Kroes m’għandhiex l-inenzjoni li tipproponi lill-Kummissjoni li tfittex lill-MasterCard jew għan-nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2007, jew talli kisret ir-regoli tal-antitrust billi żiedet it-tariffi tal-iskema tagħha jew billi introduċiet mill-ġdid MIF transkonfinali.

Fir-rigward tal-komportament tal-Viża fuq is-suq ta’ kards ta’ pagamenti, il-Kummissjoni ser tkompli bl-investigazzjoni tagħha tal-antitrust (ara MEMO/08/170) u ser tissorvelja l-komportament tal-parteċipanti biex tiżgura li l-kompetizzjoni hi effettiva f’dan is-suq għall-benefiċċju tan-negozjanti u tal-konsumaturi.

Għal iktar informazzjoni, ara MEMO/09/143.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website