Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/506

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2009

Il-protezzjoni tat-trade marks fl-UE torħos u ssir eħfef biex tinkiseb

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE ddeċidew li jkomplu jbaxxu t-tariffi li għandhom jitħallsu lill-aġenzija Komunitarja responsabbli għall-għoti ta’ drittijiet tat-trade marks madwar l-UE, l-UASI (Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, li jinsab f’Alicante, Spanja), u li jħaffu l-proċedura tar-reġistrazzjoni. Din il-miżura, li ssegwi tnaqqis inizjali fl-2005 (IP/05/1289), se twassal biex il-protezzjoni tat-trade marks issir ħafna orħos, u l-impriżi li joperaw fis-suq uniku tal-UE jkunu jistgħu jiksbuha aktar faċilment, biex tiffrankalhom madwar EUR 60 miljun fis-sena. Se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2009.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: “Din hija aħbar tajba għan-negozji fl-Ewropa. It-tnaqqis sostanzjali fit-tariffi u s-simplifikazzjoni tal-proċedura tfisser aċċess orħos u eħfef għall-protezzjoni tat-trade marks madwar l-UE kollha. Dan se jippromwovi l-imprenditorjat u jistimula l-attività ekonomika li tant huma meħtieġa fi żminijiet ta' kriżi ekonomika. B’mod partikolari, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li għalihom l-ispejjeż u l-proċedura għall-ksib ta’ din il-protezzjoni spiss ikunu ta’ piż kbir, se jgawdu minn dan it-titjib. Il-President tal-UASI, Wubbo de Boer, qal: "Għal kumpaniji żgħar, li tipproteġi t-trade mark tiegħek fil-livell tal-Komunità jfisser li tkun qed tipproteġi d-dritt tiegħek li, fil-ġejjieni, il-prodotti u s-servizzi tiegħek igawdu aċċess liberu għas-suq uniku Ewropew. Għal kumpaniji akbar, it-trade mark hija għodda essenzjali biex jagħmlu kummerċ internazzjonali.”

It-tnaqqis fit-tariffi u s-simplifikazzjoni tal-proċedura essenzjalment jikkonsistu f’li t-tariffa ta’ reġistrazzjoni għall-marki ta’ reġistrazzjoni Komunitarji titbaxxa għal żero. L-impriżi għalhekk se jħallsu biss tariffa għall-applikazzjoni, u mhux se jibqa’ jkollhom għalfejn iħallsu tariffa separata għar-reġsitrazzjoni. B’riżultat ta’ dan, il-ħin għall-ipproċessar tar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji wkoll se jiqsar ferm.

Fil-prattika dan ifisser li, minflok ma jħallsu ammont ta’ EUR 1 750 għall-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, fil-ġejjieni l-impriżi se jkollhom iħallsu biss tariffa tal-applikazzjoni ta' EUR 1 050. Dawk li jressqu l-applikazzjonijiet tagħhom permezz tal-Internet se jibbenefikaw minn tnaqqis akbar u se jħallsu biss tariffa tal-applikazzjoni ta’ EUR 900, minflok l-ammont totali ta’ EUR 1 600 li għandu jitħallas attwalment.

Dawn it-tnaqqisiet fit-tariffi jimplikaw li fil-ġejjieni l-impriżi se jħallsu 40% inqas biex jiksbu trade mark tal-Komunità u sa 44% inqas meta jużaw mezzi elettroniċi.

Barra minn hekk, it-tariffa individwali għall-applikazzjonijiet internazzjonali għat-trade marks u reġistrazzjonijiet li jużaw il-Komunità Ewropea bħala denominazzjoni skont il-Protokoll ta’ Madrir se jorħsu minn EUR 1 450 għal EUR 870, li wkoll jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 40%.

Sfond

L-UASI ġie stabbilit mill-Kunsill tal-Ministri fl-1994. Minn meta beda jopera fl-1996, id-domanda għat-trade marks Komunitarji ilha tikber b’konsistenza, u f’ċerti żminijiet saħansitra b’mod drammatiku. B’kollox, sal-lum, l-UASI rreġistra aktar minn 500 000 trade mark f’isem mijiet ta’ eluf ta’ kumpaniji minn madwar id-dinja. Bħala aġenzija tal-UE li tiffinanzja lilha nnifisha, l-UASI għandu baġit li jserraħ esklussivament fuq it-tariffi mħallsa min-negozji li jużaw is-servizzi tagħha. Ma jirċievi l-ebda sussidju jew appoġġ finanzjarju mit-taxxi tal-UE u, bħala organizzazzjoni li ma toperax għal finijiet ta’ profitt, għandu jkollu baġit ibbilanċjat.

Matul l-aħħar ftit snin, l-UASI rnexxielu jistabbilixxi programm ambizzjuż bil-mira li jżid il-produttività u jtejjeb l-effiċjenza, filwaqt li joffri kwalità ta‘ servizz li tiġbed għadd dejjem ikbar ta' utenti. Minkejja t-tnaqqis tat-tariffi fl-2005, l-UASI dan l-aħħar kien qiegħed jiġġenera riżervi ta' flus sostanzjali ferm.

B’riżultat ta’ dan, l-UASI, filwaqt li jkompli jinvesti biex itejjeb is-servizzi tiegħu, b'mod partikolari dawk elettroniċi, u jqassar it-tul ta’ ħin meħtieġ għal risposta, jista' jkompli jaqsam il-benefiċċji tal-effiċjenza li kiseb mal-komunità tan-negozju kollha kemm hi, u b'mod partikolari mal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, li għalihom l-ispejjeż tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-infurzar spiss ikunu ta’ sfida.

Dan l-aħħar tnaqqis sostanzjali tat-tariffi kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri. Jikkostitwixxi l-ewwel element ta’ sekwenza usa’ ta’ miżuri sabiex il-baġit tal-UASI jkun ibbilanċjat aħjar fil-ġejjieni, li dwarha l-Istati Membri qablu f’laqgħa konġunta mal-Bord Amministrattiv u l-Kumitat tal-Baġit tal-UASI f’Settembru 2008.

Aktar informazzjoni (bl-Ingliż):

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/tm/index_en.htm

http://oami.europa.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website