Sélecteur de langues
Chemin de navigation
IP/09/501
Brussell, 30 ta' Marzu 2009
Il-Viċi President tal-Kummissjoni li huwa responsabbli għat-trasport, Antonio Tajani, qal: "L-Ewropa teħtieġ sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li tkun tista’ tlaħħaq mat-tkabbir tal-ġejjieni fis-settur tal-avjazzjoni. Il-pubbliku li jivvjaġġa jistenna servizzi ta’ kwalità għolja. Dan il-pakkett ta’ miżuri se jwassal għal titjiriet iktar sikuri, li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent u li huma iktar effiċjenti mil-lat ta' spiża. L-inġenji tal-ajru se jkunu jistgħu jtiru l-iqsar rotot possibbli, hekk li jkunu konformi mar-rekwiżiti ambjentali li qegħdin jiżdiedu. Għall-ewwel darba, il-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru se jitqiegħdu fil-qofol tas-sistema. Il-pakkett ma setax ikun aktar f’waqtu, hekk kif is-settur jinsab f'diffikultà minħabba l-kriżi li hawn bħalissa. "
L-ewwel pilastru tal-pakkett jintroduċi diversi punti ta’ titjib fil-leġiżlazzjoni oriġinali tas-SES (ara IP/01/1398), fosthom miri ta’ prestazzjoni vinkolanti għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, funzjonijiet Ewropej tal-ġestjoni tan-netwerk sabiex tiġi żgurata konverġenza bejn in-netwerks nazzjonali, u data definittiva biex l-Istati Membri jtejbu l-prestazzjoni, inkluż permezz ta' kooperazzjoni aħjar u iktar integrazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, magħrufin bħala l-Oqsma Funzjonali tal-Ajru (Functional Airspace Blocks) fost l-oħrajn.
Il-pilastru teknoloġiku jiffoka fuq l-introduzzjoni tal-aħjar teknoloġija disponibbli. Il-programm SESAR jgħaqqad il-partijiet kollha interessati fl-avjazzjoni biex jiżviluppaw, jivvalidaw u jużaw sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ta’ ġenerazzjoni ġdida, mifruxa mal-Ewropa kollha.
Il-pilastru tas-sikurezza jipprovdi għal aktar responsabbiltajiet għall-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA). Dan għandu jiżgura regoli preċiżi, uniformi u li jorbtu għat-tħaddim tal-ajruporti, għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, kif ukoll monitoraġġ tajjeb tal-implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Istati Membri. Dawn il-kompetenzi l-ġodda tal-EASA lill-aġenzija jagħtuha kontroll iktar komprensiv fuq is-sikurezza fl-avjazzjoni Ewropea, u jiżguraw li r-regoli komuni dwar is-sikurezza jkunu applikati fil-fażijiet kollha tat-titjira, sa minn qabel it-tluq.
Fl-aħħar nett, il-pilastru tal-kapaċità tal-ajruporti jindirizza n-nuqqas ta’ runways u ta’ faċilitajiet tal-ajruporti li hemm bħalissa, li jistgħu jikkawżaw konġestjonijiet kbar. L-inizjattiva taħdem biex l-allokazzjonijiet fl-ajruporti li jinħarġu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru tikkoordinahom aħjar mal-miżuri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, kif ukoll biex tistabbilixxi osservatorju tal-kapaċità tal-ajruporti b’tali mod li l-ajruporti tintegrahom ħaġa waħda fin-netwerk tal-avjazzjoni.
Il-pakkett il-ġdid il-kwistjonijiet ambjentali jqiegħdhom
fil-qofol tal-Ajru Uniku Ewropew, u t-titjib fil-ġestjoni tat-traffiku
tal-ajru għandu jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-avjazzjoni.
It-titjib prospettiv huwa sa 10% għal kull titjira, li jammonta għal
16-il miljun tunnellata ta' CO2 ffrankati kull sena u
l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom jiffrankaw EUR 2.4 biljun
fis-sena. Dan se jġib lis-settur tal-avjazzjoni fil-qagħda li jkun
jista’ jittratta l-integrazzjoni tiegħu fl-Iskema Ewropea dwar
l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet.
Ġaladarba l-fattur uman huwa
ċentrali fil-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru,
l-istituzzjonijiet Ewropej adottaw ukoll stqarrija fejn iddikjaraw li
huma lesti jaħdmu b’mod konġunt sabiex jinvolvu lill-persunal
fl-implimentazzjoni tal-pakkett tal-avjazzjoni, biex jiżguraw li jkun hemm
standards għoljin ta' kompetenza fil-kategoriji kollha tal-persunal
involuti fis-sikurezza u biex iqanqlu kunfidenza fil-mekkaniżmi
għar-rappurtar tal-inċidenti.