Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/09/472

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009

Il-Kummissjoni tal-UE tħarrax il-ġlieda kontra l-iskjavitù moderna u l-abbuż sesswali fuq it-tfal

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti għal regoli ġodda biex tħarrax il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-abbuż sesswali fuq it-tfal, l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal. Dawn il-proposti ġodda jissostitwixxu leġiżlazzjoni eżistenti li ilha fis-seħħ mill-2002 u l-2004 rispettivament. Il-proposti ġodda se jiggarantixxu l-konverġenza sħiħa mal-ogħla standards Ewropej, jipprovdu livell aħjar ta' għajnuna għall-vittmi u azzjoni eħrex kontra dawk il-kriminali responsabbli mill-abbuż sesswali u t-traffikar ta' tfal. Il-proposta tittratta wkoll it-teknoloġiji fiċ-ċiberspazju li qegħdin jinbidlu b'pass mgħaġġel.

Il-Viċi-President Barrot, responsabbli mill-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà qal: "Irridu nibnu UE li tassew tkun kapaċi tħares lill-aktar ċittadini vulnerabbli mill-aktar delitti terribbli. Meta nsemmu t-traffikar tal-bnedmin aħna nkunu qegħdin nirreferu għal nisa u bniet iddegradati għal skjavitù sesswali, tfal imsawta u trattati ħażin, imġiegħla jittallbu u jisirqu, żgħażagħ imġiegħla jaħdmu f'kundizzjonijiet tal-biża' għal salarji baxxi immens. Meta nitkellmu dwar l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali, inkunu qegħdin nitkellmu dwar reati orribbli fuq tfal li jħallu feriti fondi u tbatija tul ħajjithom kollha."

Fatti u ċifri ewlenin

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fuq livell globali, 1.225 miljun ruħ huma traffikati bejn pajjiż u ieħor jew fil-pajjiż tagħhom stess. Bosta vittmi tat-traffikar huma sfruttati għall-prostituzzjoni (43%) jew għax-xogħol (32%). Fir-rigward tal-isfruttament sesswali kummerċjali, il-maġġoranza assoluta (98%) huma nisa u bniet. Miċ-ċifri disponibbli tista' ssir stima li kull sena għadd ta' mijiet ta' eluf ta' persuni huma ttrafikati lejn l-UE jew fl-UE nfisha.

L-istudji jimplikaw li minoranza sinifikanti ta' tfal fl-Ewropa, bejn l-10% u l-20% bħala stima xjentifika informata, se jġarrbu attakki sesswali matul it-tfulija tagħhom.

Fl-2008 nstabu aktar minn 1000 websajt b'kontenut kummerċjali, u 500 websajt oħra b'kontenut mhux kummerċjali, ta' abbuż fuq tfal, li 71% minnhom jinsabu fl-Istati Uniti. Huwa stmat li madwar 20% tal-websajts b'pornografija tat-tfal mhumiex kummerċjali (l-aktar Peer-to-Peer (P2P)).

Huwa stmat li madwar 20% ta' min iwettaq reat sesswali fuq medja (b'differenzi kbar bejn profili differenti ta' min iwettaq ir-reat) jerġgħu jwettqu reati wara l-kundanna.

Il-proposti l-ġodda

Iż-żewġ proposti għal Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill jobbligaw lill-pajjiżi tal-UE li jaġixxu fuq it-tliet fronti tal-prosekuzzjoni kriminali, tal-ħarsien tal-vittmi u tal-prevenzjoni tar-reati.

Il-proposta għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tqarreb leġiżlazzjonijiet u penali nazzjonali, u tiżgura li min iwettaq ir-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja anke jekk jikkommettu reati f'pajjiżi barranin. Tippermetti lill-pulizija li jużaw interċettazzjonijiet telefoniċi, is-smigħ sigriet u għodod oħra simili li jintużaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-vittmi se jirċievu akkomodazzjoni u kura medika u, jekk meħtieġ, protezzjoni mill-pulizija biex b'hekk ikunu jistgħu jirkupraw mis-sitwazzjoni traġika li jkunu fiha u biex ma jibżgħux jixhdu kontra min ikun ikkommetta reat fil-konfront tagħhom. Huma se jitħarsu mit-trawmatizzazzjoni ulterjuri matul il-proċedimenti kriminali, ikkawżata pereżempju minn mistoqsijiet fid-dettall dwar l-esperjenza b'rabta mal-isfruttament sesswali li jkunu mġiegħla jesperjenzaw. Il-vittmi ser jingħataw għajnuna legali bla ħlas matul il-proċedimenti inkluż biex jitolbu kumpens finanzjarju. Il-proposta tinkoraġġixxi sanzjonijiet kontra klijenti ta' persuni mġiegħla joffru servizzi sesswali u kontra dawk li jimpjegaw u jisfruttaw il-persuni traffikati. Il-proposta tistabbilixxi wkoll entitajiet indipendenti li jwettqu monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet.

Il-proposta għall-ġlieda tal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal tagħmilha aktar faċli li jittieħdu azzjonijiet punittivi fuq dawk li jabbużaw mit-tfal billi tipprovdi għal sanzjonijiet kriminali kontra forom ġodda ta' abbuż bħall-'grooming' - tfal li jiġu mħajra permezz tal-internet u wara jiġu abbużati, l-użu ta' pornografija tat-tfal mingħajr ma jitniżżlu fajls jew għal min iġiegħel lit-tfal f'pożi sesswali quddiem webcams. It-"turisti għal skopijiet sesswali" li jivjaġġaw f'pajjiżi oħrajn biex jabbużaw mit-tfal ser jiffaċċjaw prosekuzzjoni meta jirritornaw lura lejn pajjiżhom. It-tfal li jisfaw vittmi ser ikunu jistgħu jixhdu fil-qorti mingħajr ma jkollhom jikxfu l-identità tagħhom quddiem l-akkużat biex jinħelsu minn trawma addizzjonali u se jkunu megħjuna minn avukat mingħajr ħlas. Kull akkużat għandu jkun ivvalutat fuq bażi individwali u jkollu aċċess għal trattament partikolari għalih biex ma jerġax jitħalla jwettaq abbużi. Il-projbizzjoni minn attivitajiet li jinvolvu kuntatt ma' tfal imposti fuq min iwettaq ir-reat għandha tkun effettiva mhux biss fil-pajjiż tal-kundanna iżda madwar l-UE kollha. Se jiġu żviluppati sistemi li jimblukkaw il-websajts li jkun fihom pornografija tat-tfal.

Il-proposti se jkunu diskussi fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE u ladarba jiġu approvati għandhom jiġu tradotti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

Il-Viċi-President Barrot ikkonkluda: "Il-messaġġ tagħna huwa ċar. Dawk ir-reati li jaqsmu l-fruntieri huma inaċċettabbli. L-Ewropa se tkompli tistabbillixxi l-ogħla u l-aktar standards ambizzjużi fil-ġlieda kontra dawn ir-reati".


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website