Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Konsumaturi: Il-Kummissjoni Ewropea tadotta standard tal-UE għal baby walkers biex ikunu evitati aċċidenti tat-tfal

European Commission - IP/09/45   13/01/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/45

Brussell, 13 Jannar 2009

Il-Konsumaturi: Il-Kummissjoni Ewropea tadotta standard tal-UE għal baby walkers biex ikunu evitati aċċidenti tat-tfal

Illum f’Il-Ġurnal Uffiċjali kien ippubblikat standard Ewropew dwar is-sikurezza għal baby walkers, li se jgħin biex ikunu evitati bosta aċċidenti tat-tfulija, wara li kien approvat formalment mill-Kummissjoni Ewropea. Dejta mit-taqsima tal-emerġenza tal-isptarijiet kemm fl-UE u kemm fl-Istati Unit matul dawn l-aħħar 20 sena turi b'mod konsistenti li l-baby walkers huma periklu, b'eluf ta' tfal ittrattati kull sena għal aċċidenti ta' baby walkers. Riċerka mill-Awstralja turi li mill-inqas wieħed minn kull tlett itfal li jużaw il-baby walker jispiċċaw ikorru xi darba jew oħra. Aktar riċerka miċ-Child Accident Prevention Trust tar-Renju Unit tikkalkula li aktar tfal ikorru minn baby walkers milli minn prodotti oħra għat-tfal żgħar. Aċċidenti b’baby walker, bħal telfien ta’ bilanċ jew waqgħat fit-taraġ, jistgħu jkunu serji ħafna, billi f’bosta każijiet huma jinvolvu korrimenti fir-ras. L-istandard tal-UE jintroduċi rekwiżit għal testijiet ta’ stabbiltà waqt il-manifattura ta’ baby walkers, u biex id-disinn ikun b’mod li jitnaqqas ir-riskju ta’ korrimenti. F’Novembru 2008 l-Istati Membri appoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex ikun introdott dan l-istandard fil-Kumitat dwar is-Sikurezza Ġenerali ta’ Prodotti (KSĠP) ix-xahar li għadda u l-Parlament Ewropew laqa’ wkoll id-deċiżjoni. L-istandard se jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq kollha referenza ċara, imħaffa u unika biex isiru, ikunu importati jew iċċekkjati għas-sikurezza tagħhom il-baby walkers.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi, Meglena Kuneva qalet: 'Dan l-istandard se jgħin biex dawk iċ-ċittadini tal-UE li huma l-iżgħar u l-aktar vulnerabbli jkunu sikuri. Għalkemm superviżjoni tal-ġenituri jew l-adulti hija l-protezzjoni fundamentali għat-tfal, prekawzjonijiet awżiljari ta’ sikurezza fil-manifattura ta’ prodotti tat-tfal huma wkoll kruċjali.'

X'inhuwa baby walker?

Il-baby walkers huma tagħmir fuq ir-roti li jgħinu tfal żgħar ħafna li jkunu għadhom ma jistgħux jimxu biex ikunu jistgħu jmorru minn post għal ieħor b’saqajhom stess. Huma ġeneralment jintużaw hekk kif it-tarbija tkun kapaċi toqgħod bil-qiegħed mingħajr għajnuna u sakemm it-tarbija tkun kapaċi timxi waħedha. It-tfal li jużaw il-baby walkers ivarjaw minn età ta’ madwar sitt xhur sa 15-il xahar.

X'inhi l-problema?

Il-baby walkers jikkaġunaw eluf ta' korrimenti fost it-tfal żgħar kull sena fl-UE. Aċċidenti minn oqfsa tal-baby walkers iseħħu prinċipalment minħabba waqgħat fit-taraġ jew telfien ta' bilanċ, speċjalment meta t-tfal jippruvaw jimxu fuq art mhix lixxa bħal għetiebi jew trufijiet ta' twapet. Korrimenti li jirriżultaw minn aċċidenti bħal dawn jistgħu jkunu serji ħafna, għaliex fil-maġġoranza tal-każijiet huma jeffettwaw ir-ras tat-tfal.

  • Dejta mill-Portugall turi li 850 tifel u tifla bejn l-etajiet ta' seba' xhur u 15-il xahar jeħtieġu kura ta' emerġenza minħabba korrimenti marbuta ma' baby walkers[1]. Nofs il-każijiet huma riżultat ta' waqgħat fit-taraġ u aktar minn 60 % tal-korrimenti jinvolvu r-ras.
  • Fir-Renju Unit, iċ-Child Accident Prevention Trust testima li baby walkers jikkawżaw aktar aċċidenti minn kull prodott ieħor tat-tfal żgħar, b'aktar minn 2 350 tarbija meħuda l-isptar fl-2002 wara inċidenti bil-baby walker, bi kważi 70 % minnhom fl-età ta' inqas minn sena.
  • Studju minn "Le Centre Hospitalier" Universitaire de Toulouse bejn l-2003 u l-2006 wera li 178 tarbija bejn is-seba' xhur u t-12-il xahar iddaħħlu għal kura pedjatrika fit-taqsima tal-emerġenza minħabba waqgħa minn baby walker.

Meta titqies l-inċidenza li qed tikber ta' korrimenti kkawżati minn dan it-tagħmir, l-Istati Membri talbu li jkun stabbilit standard ta' sikurezza fil-livell tal-UE.

X'inhi l-proċedura?

L-istandard kien żviluppat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), u diġà qed jintuża minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri meta jiċċekkjaw is-suq għal prodotti perikolużi fil-kura tat-tfal. Standards tal-UE bħal dawn huma volontarji iżda prodott manifatturat skont standard ippubblikat f'Il-Ġurnal Ufiċjali tal-UE huwa preżunt li jkun bla periklu. Jekk il-manifatturi jagħżlu li jmorru lil hinn mill-istandard tal-UE, huma jridu jassiguraw li l-prodott tagħhom jipprovdi – għallinqas – l-istess livelli ta' sikurezza u rekwiżiti indikati fl-istandard. Dan jitlob proċeduri addizzjonali u sostanzjali ta' ċċertifikar speċifiku li jistgħu jkunu evitati billi sempliċiment jintuża l-istandard ta' riferenza tal-UE. De facto, l-istandards tal-UE għandhom xejra li jsiru n-norma tal-industrija.

X'inhuma l-bidliet u l-elementi prinċipali fl-istandard il-ġdid?

Ir-riskju prinċipali mill-baby walkers huwa t-telfien tal-bilanċ. Biex dan ikun ittrattat, l-istandard il-ġdid jistabbilixxi testijiet ta' stabbiltà u rekwiżiti li jnaqqsu r-riskju tat-telfien tall-bilanċ. L-istandard il-ġdid (Riferenza: EN 1273:2005) jikkonsisti f'rekwiżiti u testijiet għall-manifattura ta' baby walkers, biex titnaqqas il-kapaċità tat-tarbija biex tilħaq oġġetti perikolużi u taqa' f'postijiet mhux stabbli, bħalma huma turġien jew trufijiet.

Twissijiet u struzzjonijiet lill-adulti huma b'mod partikolari importanti biex ikun assigurat l-użu sikur ta' baby walkers, billi huwa finalment l-adult li qed jagħmel is-superviżjoni li għandu jassigura li l-ambjent li jdawwar it-tarbija bil-baby walker ikun sikur kemm jista' jkun possibbli. Barra minn hekk, il-baby walkers mhumiex tagħmir tat-tagħlim għall-mixi, u użu mtawwal jista' jinterferixxi mal-iżvilupp naturali tal-kapaċitajiet tat-tarbija biex timxi. Għal dik ir-raġuni, l-istandard jitlob ukoll li l-baby walkers ikollhom struzzjonijiet li jattiraw l-attenzjoni tal-adulti għall-fatt li l-prodott mhuwiex intenzjonat għal tfal li jkunu 'l fuq minn ċertu piż jew għal dawk li jkunu għadhom wisq żgħar biex joqogħdu bil-qiegħda dritti mingħajr għajnuna.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm

http://www.cen.eu/


[1] European Child Safety Alliance Report, 2006


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website