Navigation path

Left navigation

Additional tools

Sikurezza marittima għall-prevenzjoni aħjar tal-inċidenti marittimi

European Commission - IP/09/390   11/03/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/390

Brussell, il-11 ta’ Marzu 2009

Sikurezza marittima għall-prevenzjoni aħjar tal-inċidenti marittimi

Wara l-ftehim li ntlaħaq bil-proċedura ta’ konċiljazzjoni f’Diċembru li għadda, il-Parlament Ewropew, fuq il-parir tal-Kunsill, fl-11 ta' Marzu 2009 approva definittivament it-tielet pakkett ta’ miżuri għas-sikurezza marittima.

"Ninsab partikolarment sodisfatt bil-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill. Dan huwa pass kbir ’il quddiem għall-prevenzjoni aħjar tal-inċidenti marittimi u ż-żieda fir-responsabbiltà tal-operaturi kollha fis-settur" saħaq il-Viċi President Taljan. Huwa żied "Dan il-pakkett jikkonsolida u jaġġorna l-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u jirrappreżenta tweġiba għat-tħassib li qiegħed dejjem jikber fost iċ-ċittadini tagħna."

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea se jkollha sistema għal kollox rinovata ta’ kif tikkontrolla l-bastimenti fil-portijiet. Din is-sistema se tippermetti spezzjonijiet fuq il-bastimenti b'mod sistematiku u iktar spissi għal dawk il-bastimenti meqjusa li huma ta’ riskju. Se tippermetti wkoll li l-agħar bastimenti ma jitħallewx ikollhom aċċess għall-portijiet Ewropej.

Ir-regoli li jippermettu l-għoti tar-rikonoxximent Ewropew lill-entitajiet li għandhom is-setgħa jiċċertifikaw il-bastimenti f’isem l-Istati Membri se jkunu iktar effiċjenti. L-entitajiet ta’ klassifikazzjoni se jkunu mitluba jaħdmu skont standards mill-iktar stretti. Is-sistema ta’ sanzjonijiet finanzjarji minn naħa, u l-awtorità li tikklassifika s-sistemi tagħhom tal-kontroll tal-kwalità minn oħra se jkunu ta’ għajnuna f’dan il-qasam.

L-għodod għas-sorveljanza tat-traffiku tul il-kosti Ewropej se jiġu pperfezzjonati. Is-sistema SafeSeaNet minn issa ’l quddiem se tkun l-uniku strument għall-iskambju elettroniku tad-dejta dwar it-traffiku marittimu bejn l-Istati Membri. Se jitwaqqaf ċentru Ewropew għas-sorveljanza tal-bastimenti li jbaħħru fuq distanzi twal. Il-bastimenti tas-sajd se jkunu mħarsa aħjar kontra l-ħabtiet. Għandu jkun hemm garanzija tal-indipendenza tad-deċiżjonijiet dwar jekk bastimenti bil-ħsara għandhomx jidħlu f’postijiet ta’ rifuġju.

It-tmexxija tal-inkjesti wara l-inċidenti għandha tkun indipendenti wkoll. B’metodoloġija komuni tal-inkjesti u t-twaqqif ta’ dejtabejż ta' strumenti solidi, se jkun jista’ jiġi garantit l-akkwist ta’ esperjenza imprezzabbli, biex jiġu evitati l-inċidenti fil-ġejjieni.

Il-prevenzjoni tal-inċidenti hija wkoll, u fuq kollox, responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-pajjiżi li l-bastimenti jtajru l-bandiera tagħhom. Dawn għandhom jiġu vverifikati skont il-mudell miftiehem fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u għandu jkollhom ċertifikazzjoni tal-kwalità.

Għall-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet Ewropej se jkun obbligatorju li jkollhom polza ta’ assikurazzjoni. U din l-assikurazzjoni għandha tkopri l-ogħla limiti ta’ responsabbiltà, li huma stipulati fil-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti kif emendata mill-Protokoll tal-1996 ("LLMC 96"). Bl-istess mod, għalkemm sal-lum din il-Konvenzjoni ma tkoprix iktar minn 20% tal-flotta internazzjonali, il-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet tagħna se jkollhom jirrispettaw dawn ir-regoli.

Fl-aħħarnett, is-sistema tar-responsabbiltà u tal-assikurazzjoni pprovduta permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali li ntlaħaq qbil dwarha fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar it-trasport tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom bil-baħar) idaħħlet fil-liġi Ewropea. Dan ifisser li sa mhux aktar tard minn 4 snin oħra, iċ-ċittadini li jivvjaġġaw madwar id-dinja għandhom igawdu mill-istess tip ta’ protezzjoni sodisfaċenti. Min-naħa l-oħra din il-protezzjoni se tkun estiża progressivament għall-vjaġġi fl-istess pajjiż.

Ara wkoll MEMO/09/105


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website