IP/09/354
Brussell, 5 ta' Marzu 2009
Il-Konsumaturi: Ix-xiri minn fuq
l-internet qed isir kulma jmur popolari fl-UE, iżda l-iżvilupp
“qed jinżamm lura” minn ostakoli għal kummerċ
transkonfinali
Rapport ġdid dwar "Barriers to E-commerce"
(Ostakoli għall-E-kummerċ), ippreżentat
mill-Kummissarju tal-UE għall-Konsumaturi Meglena Kuneva juri li
l-bejgħ fuq l-internet qed isir kulma jmur popolari fl-UE, iżda jwissi
li ostakoli għal kummerċ transkonfinali qed iżommu lura
l-iżvilupp tiegħu. Ir-rapport ippubblikat illum jippreżenta
analiżi dettaljata tax-xejriet attwali fl-e-kummerċ madwar l-UE
– fosthom skont il-pajjiż, l-oġġetti l-aktar mixtrija u
ostakoli onlajn għall-konsumaturi u n-negozji. Bejn l-2006 u l-2008
il-proporzjon ta’ konsumaturi tal-UE li jixtru mill-inqas oġġett
wieħed minn fuq l-internet żdied minn 27 % għal 33 %.
Dawn iċ-ċifri medji jaħbu l-popolarità tal-bejgħ onlajn
f’pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja fejn aktar
minn 50 % tal-utenti tal-internet għamlu xiri onlajn f’din
l-aħħar sena. Fil-pajjiżi Nordiċi (id-Danimarka,
l-Iżvezja, in-Norveġja, il-Finlandja u l-Iżlanda) il-proporzjon
ta’ utenti tal-internet li xtraw prodotti u servizzi onlajn kien ta’
91 % fl-2008. Pajjiżi bħall-Italja u Spanja qed ikunu swieq li
qed jikbru malajr. Għall-kuntrarju ta’ din ix-xejra ta’ swieq
nazzjonali li qed jikbru b’ħeffa, l-ammont ta’ bejgħ
transkonfinali onlajn jibqa’ żgħir, b’7 % biss
fl-2008 (meta mqabbel mas-6 % fl-2006). Ir-rapport iwissi li ostakoli
numerużi - lingwistiċi, prattiċi u regolatorji kif ukoll temi
importanti ta’ fiduċja – qed iżommu lura l-iżvilupp
ta’ bejgħ mill-internet fl-UE.
Il-Kummissarju Kuneva qalet, "Il-konsumaturi għandhom x'jiggwadanjaw
mill-Internet. Huwa jkabbar id-daqs tas-suq li jaħdmu fih kif ukoll
jagħtihom aċċess għal aktar fornituri u għażla
akbar. Hu jagħmel it-tqabbil tal-fornituri tal-prodotti u l-prezzijiet
possibbli fuq livell li ma kienx jeżisti qabel. L-użu tal-internet
għax-xiri bl-imnut huwa destinat li jixtered. Diġà
150 miljun konsumatur jixtru minn fuq l-internet, għalkemm
30 miljun biss jixtru onlajn b'mod transkonfinali. Irridu naraw li
l-adozzjoni tal-pjattaforma tal-internet ma tkunx imxekkla bla meħtieġ
minħabba nuqqas f'li jitneħħew xkiel regolatorji importanti jew
biex ikunu ttrattati temi importanti ta' fiduċja
għall-konsumaturi."
Is-sejbiet prinċipali
1. L-E-kummerċ sejjer tajjeb
Il-konsumaturi huma ġeneralment sodisfatti bix-xiri onlajn. Għal
gruppi ta' prodotti li jinxtraw ta' spiss bħal prodotti tal-IT kif ukoll
oġġetti ta' divertiment u l-ħin ħieles, is-sodisfazzjon
tal-konsumatur bix-xiri minn fuq l-internet huwa bħala medja, ogħla
minn dak fuq il-bejgħ bl-imnut b'mod ġenerali.
- Il-konsumaturi huma partikolarment sodisfatti meta jiġu biex iqabblu
l-prezzijiet, il-firxa usa’ ta’ offerti, l-affordabbiltà
tal-prodotti u l-għażla ta’ min jissupplixxi.
- Il-konsumaturi huma inqas entużjasti dwar kwistjonijiet bħal
informazzjoni ċara dwar il-prodott, ir-reklamar, il-ħarsien
tal-privatezza, kwistjonijiet ta' fiduċja u l-possibbiltà ta'
oġġetti li jittieħdu lura.
2. Hemm potenzjal
b'saħħtu għal kummerċ transkonfinali fil-kummerċ
onlajn
- Terz taċ-ċittadini tal-UE jikkunsidraw li jixtru prodott jew
servizz minn Stat Membru ieħor permezz tal-internet għaliex ikun
orħos jew aħjar.
- Terz tal-konsumaturi tal-UE jgħidu li huma lesti li jixtru
oġġetti u servizzi b'lingwa oħra. F'Ewropa multikulturali, hemm
domanda għal aktar għażla u varjetà usa ta' offerti minn dak
li jistgħu jissupplixxu ħwienet lokali jew ditti globali.
3. Il-potenzjal ta’ kummerċ transkonfinali mhux
jimmaterjalizza
Mill-2006 sal-2008, is-sehem ta' xerrejja onlajn fl-UE żdied minn
27 % għal 33 % tal-konsumaturi filwaqt li l-e-kummerċ
transkonfinali baqa' stabbli. Bħalissa huma biss 7 % tal-konsumaturi
li jixtru onlajn b'mod transkonfinali. U d-distakk qed jiżdied u mhux
jonqos.
L-ostakoli prinċipali:
- Segmentazzjoni ġeografika: Bosta kummerċjanti issa għandhom
websajt li hija viżibbli għall-konsumaturi kullimkien. U madankollu
bosta bejjiegħa xorta jidhru li qed joperaw fuq l-assunzjoni li s-suq
intern huwa maqsum skont linji nazzjonali. Il-firxa ta’ possibilitajiet
hija enormi, iżda fil-prattika, il-konsumaturi jispiċċaw
jiġu mċaħħda mill-bejgħ jew jintbagħtu lura lejn
il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Ostakoli
prattiċi u regolatorji, jinkludu
- Ostakoli tal-lingwa, dawn jibqgħu kwistjoni għal bosta
kummerċjanti u konsumaturi, għalkemm irridu nkunu attenti biex ma
nesaġerawx l-importanza tagħhom. Pereżempju, 60 %
tal-bejjiegħa bl-imnut diġà huma preparati li jagħmlu
tranżazzjonijiet f'aktar minn lingwa waħda.
- Problemi f'dik li għandha x'taqsam il-loġistika marbuta
mal-interoperabilità ta' sistemi postali u ta' ħlas, u kwistjonijiet
ta' aċċess bħall-penetrazzjoni fil-broadband.
- Hemm ostakoli regolatorji li kull ma jmur jidhru li mhumiex
ġustifikati għall-konsumaturi u n-negozju; Dawn jinkludu
pereżempju l-liġi tal-konsumatur, ir-regoli tal-VAT, il-liġi dwar
id-distribuzzjoni selettiva, ħarsien tal-proprjetà intellettwali,
it-traspożizzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
ir-rimi ta' skart pereżempju.
- Ostakoli li jimminaw il-fiduċja tal-konsumatur – b'mod
partikulari nuqqas ta' rieda marbuta ma' kwistjonijiet ta' ħlasijiet,
konsenja, ilmenti, applikazzjoni ta' garanziji, talbiet għal rimborż
(għajnuna wara l-bejgħ), kif ukoll kwistjonijiet ta' privatezza.
Diffikultajiet jidhru li jaggravaw fi tranżazzjonijiet transkonfinali.
Il-passi li jmiss:
F'Settembru 2009 l-Kummissarju Kuneva se tippreżenta
r-riżultati ta’ “xiri misterjuż” indipendenti biex
ikun identifikat kif u fejn il-konsumaturi qegħdin jinżammu milli
jixtru onlajn madwar l-UE. Bħala parti mill-monitoraġġ tas-settur
tal-bejgħ bl-imnut, il-Kummissarju Kuneva nediet fil-Ħarifa li
għaddiet proċess mifrux mal-Kummissjoni biex ikun skrinjati l-ostakoli
għall-e-kummerċ. Ir-rapport finali dwar is-settur tal-bejgħ
bl-imnut hu mistenni li joħroġ fil-Ħarifa 2009.
http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/com_staff_wp2009_en.pdf