Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tappella lill-mexxeja tal-UE biex iżommu l-għaqda kontra l-kriżi, jimxu bil-ħeffa fir-riforma tas-suq finanzjarju u juru sens ta' tmexxija globali fil-G20

European Commission - IP/09/351   04/03/2009

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/09/351

Brussell, l-4 ta’ Marzu 2009

Il-Kummissjoni tappella lill-mexxeja tal-UE biex iżommu l-għaqda kontra l-kriżi, jimxu bil-ħeffa fir-riforma tas-suq finanzjarju u juru sens ta' tmexxija globali fil-G20

Il-Kummissjoni Ewropea qed tappella lill-mexxeja tal-UE biex ikomplu jsaħħu l-azzjoni kkoordinata Ewropea fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika. Fil-komunikazzjoni tagħha lis-summit tal-Kunsill Ewropew fid-19-20 ta’ Marzu, il-Kummissjoni tfassal proposti li jibnu fuq l-għajnuna estensiva li diġà qed tingħata lill-ekonomija reali u lill-impjiegi. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tagħti d-dettalji ta' riforma komprensiva tas-sistema finanzjarja bbażata fuq ir-rapport ta' de Larosière. Hi turi kif impenn ċar u magħqud fir-rigward ta’ dan il-programm ambizzjuż jista’ jwitti t-triq għall-UE biex toffri tmexxija globali waqt is-summit tal-G20 f’Londra nhar it-2 ta’April.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: “Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għandu jibgħat sinjal qawwi liċ-ċittadini, lin-negozji u lid-dinja. Iva, hemm triq kif noħorġu minn din il-kriżi. Iva, l-Ewropa għandha l-għaqda, il-fiduċja u d-determinazzjoni li tirbaħ din il-battalja. Għandna nimplimentaw bil-qawwa l-pjan maqbul ta' rkupru b'mod ikkoordinat. Għandna nagħmlu użu sħiħ mis-suq uniku. Illum qed nitolbu lill-mexxeja tal-UE biex jaqblu fuq pjan komprensiv ta’ azzjoni. Biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħna mill-qgħad. Biex inaddfu s-swieq finanzjarji fuq il-bażi tar-rapport ta’ de Larosière. U jwittu t-triq għall-Ewropa biex tmexxi bl-eżempju u bil-persważjoni hekk kif nersqu viċin is-summit tal-G20 f’Londra.

Is-sistema bankarja

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tibda b’ħarsa ġenerali tal-miżuri li ttieħdu mill-Ħarifa tal-2008 li pprevenew li tikkolassa l-industrija bankarja Ewropea u b’hekk ippreveniet fallimenti u telf ta’ impjiegi bla għadd. Hija tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni bil-ħeffa biex ireġġgħu lura l-fiduċja u jaraw li jerġa’ jibda s-self mill-banek, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-gwida li l-Kummissjoni ħarġet fil-25 ta’ Frar dwar it-tneħħija tal-assi ddeprezzati mill-karti tal-bilanċ tal-banek

Ir-Regolamentazzjoni finanzjarja u s-superviżjoni

Il-Kummissjoni tappoġġja - u tappella lill-mexxeja tal-UE biex jappoġġjaw - il-prinċipji ewlenin stipulati mill-Grupp ta’ de Larosière. Il-Kummissjoni tappella għal sistema ta’ superviżjoni li tikkombina sorveljanza ħafna aktar f’saħħitha fil-livell tal-UE maż-żamma ta’ rwol ċar għas-superviżuri nazzjonali. Hija tappoġġja l-proposta tal-Grupp biex jitwaqqaf korp li jagħti twissija bikrija taħt l-awspiċi tal-BĊE biex jidentifika u jittratta riskji bażiċi. Il-Kummissjoni tappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Grupp għal sett ċentrali ta’ standards regolatorji madwar l-UE kollha.

F’April il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattivi li qegħdin jitħejjew diġà dwar il-fondi spekulattivi (hedge funds), l-ekwità privata u l-istrutturi ta’ remunerazzjoni. Wara valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tippreżenta skeda dettaljata ta’ miżuri ulterjuri bbażati fuq ir-rapport ta’ de Larosière lill-Kunsill Ewropew. Se tressaq proposti fil-Ħarifa dwar qafas superviżorju ġdid u dwar kwistjonijiet li jinkludu: riskju għall-likwidità u lieva finanzjarja (leverage) eċċessiva; it-tisħiħ ulterjuri tal-protezzjoni ta’ min jiddepożita u ta' dawk li għandhom polza tal-assikurazzjoni; u sanzjonijiet effettivi kontra għemejjel ħżiena.

L-ekonomija reali

Il-komunikazzjoni tipponta lejn l-ewwel riżultati tajbin tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. L-appoġġ fiskali ġenerali lill-ekonomija permezz ta’ miżuri Ewropej u nazzjonali u tal-istabbilizzaturi awtomatiċi jammontaw għal mill-anqas 3% tal-PGD matul il-perjodu 2009-2010. F'Anness hemm ġabra fil-qosor ta' 500 miżura nazzjonali u jikkonkludi li dawn huma bejn wieħed u ieħor konformi mal-prinċipji li l-azzjoni ta' rkupru għandha tkun fil-ħin, immirata sew u temporanja.

Il-Kummissjoni tappella lill-mexxeja tal-UE biex jappoġġjaw prinċipji ċari għal azzjoni ulterjuri, b’konformità mas-suq uniku, b’kummerċ miftuħ madwar id-dinja, bil-bini ta' ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u li nerġgħu lura lejn finanzi pubbliċi sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

Il-Kummissjoni ttenni s-sejħa tagħha lill-Istati Membri biex jaqblu fuq l-investiment immirat ta' EUR 5 biljun euros f'interkonnessjonijiet tal-enerġija u broadband.

L-impjiegi

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi biex jittrattaw il-qgħad - li jista’ jqarreb l-10% fl-2010 għall-ewwel darba mid-disgħinijiet - u l-esklużjoni soċjali. Dawn l-isforzi jistgħu wkoll iżommu d-domanda u jipprevjenu aktar telf ta’ impjiegi. Għandhom ikunu l-ġebla tax-xewka tal-pjanijiet nazzjonali ta' stimolu. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jużaw miżuri bħal appoġġ finanzjarju għal arranġamenti temporanji ta’ ħinijiet tax-xogħol, jagħtu palata lill-appoġġ għad-dħul ta’ dawk bla xogħol, li jbaxxu l-ispejjeż li ma jinkludux is-salarji għal min iħaddem u jagħtu spinta lill-investiment fil-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Fil-livell Ewropew il-Kummissjoni tappella għal approvazzjoni bil-ħeffa tal-proposta tagħha li tippermetti żieda immedjata ta' EUR 1.8 biljun f'pagamenti minn qabel taħt il-Fond Soċjali Ewropew.

Il-Kummissjoni tfassal ukoll pjan dettaljat li jwassal għas-Summit Ewropew dwar l-Impjiegi li se jsir fi Praga f'Mejju, li għandu jaqbel dwar miżuri konkreti ulterjuri biex jiġu salvati l-impjiegi u jinħolqu oħrajn ġodda fis-setturi tal-ġejjieni. Il-Kummissjoni se torganizza serje ta’ workshops bis-sehem tal-imsieħba intteressati ewlenin fl-Istati Membri differenti hekk kif is-summit riesaq fil-qrib.

Il-promozzjoni ta’ rkupru globali - kif l-UE għandha tmexxi

Il-Kummissjoni titlob lill-mexxeja tal-UE biex jaqblu fuq numru ta’ oqsma li fihom l-Ewropa tista' u għandha toffri tmexxija soda fit-2 ta' April fis-summit tal-G20 f'Londra, billi tibni fuq is-suċċess li kisbet billi titkellem b’vuċi waħda fis-summit ta’ Washington f’Novembru tal-2008.

L-UE għandha għandha tagħti spinta unita biex ittejjeb is-sistema finanzjarja u regolatorja globali, billi tiffoka fuq: aktar trasparenza u kontabbiltà; regolamentazzjoni xierqa tal-atturi finanzjarji kollha; tittratta d-diffikultajiet ikkawżati minn ġurisdizzjonijiet li ma jikooperawx; issaħħaħ il-kooperazzjoni superviżorja internazzjonali; u r-riforma tal-FMI, il-Forum tal-Istabbiltà Finanzjarja u l-Bank Dinji.

L-Ewropa għandha tippromwovi wkoll l-irkupru globali billi ssejjaħ għal reviżjoni tal-impatt globali tal-miżuri fiskali li ttieħdu s’issa, billi tippromwovi l-kummerċ miftuħ u billi tistieden is-Summit ta' Londra biex iniedi inizjattiva multilaterali fuq il-finanzi tal-kummerċ u biex jirriafferma l-impenn ta' Washington lejn l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp.

It-test sħiħ tal-Konunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewroppea se jkun disponibbli f’dan l-indirizz:

http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website